24/12/2025: Il-Messaġġ tal-Milied mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
F’dan il‑lejl qaddis tal‑Milied aħna niċċelebraw it‑twelid ta’ tarbija. L‑għajnejn tal‑fidi jgħallmuna li din it‑tarbija mhi ħadd ħlief Alla magħmul bniedem. L‑imħabba t’Alla ssawret fil‑ġuf ta’ mara, ta’ xebba, Marija ta’ Nazaret u llum qegħdin infakkru t‑twelid ta’ din t‑tarbija. Alla kellem lill‑poplu tiegħu diversi drabi, jgħidilna l‑awtur tal‑ittra lil‑Lhud, b’ħafna modi. Imma mbagħad fil‑milja taż‑żminijiet bagħat lil Ibnu (Lhud1:1‑2).
Din it‑tagħlima hija importanti ħafna fiż‑żminijiet tal‑lum. Alla biex jikkomunika l‑imħabba kollha tiegħu biex jifdina, bagħat lil Ibnu, magħmul bniedem. Ismu huwa Għimmanu‑El – ‘Alla magħna’ (Mt 1:23). Il‑preżenza t’Alla hija preżenza li stajna narawha u nħossuha. Stajna nħarsu lejn tarbija. Rajnieh jikber fostna. Ta’ 33 sena, issallab għalina fuq is‑salib u qam, irxoxta, mill‑imwiet. Ġesù huwa s‑Salvatur tagħna. Illum nifirħu bit‑twelid tiegħu. Xtaqt naqsam ftit riflessjonijiet f’din is‑sena li fiha se ntemmu l‑Ġublew tat‑Tama fuq l‑użu li nagħmlu tas‑social media.
Jekk aħna naraw ir‑rakkont tal‑Milied u nifhmu li Alla biex ikellimna sar bniedem, napprezzaw kemm hi importanti u għażiża l‑preżenza tagħna għal xulxin. Bis‑social media qed inwasslu wkoll il‑kelma tiegħi għandkom. Nirringrazzja lil kull min qed jaħdem f’dan il‑qasam biex id‑dinja b’xi mod iqarribha lejn xulxin. Imma hemm ukoll il‑perikli li aħna ninfatmu mill‑preżenza ta’ xulxin medhijin wisq b’dinja diġitali u virtwali.
L‑appell tiegħi f’dan il‑Milied huwa li aħna u nħarsu lejn it‑tarbija ta’ Betlehem nitgħallmu li l‑preżenza personali, fiżika, ta’ għożża u mħabba għal xulxin, hija prezzjuża. L‑ebda mezz soċjali ma jista’ jissostitwixxi dak il‑kuntatt personali. U allura jekk inħarsu lejn l‑użu tas‑social media fuq livell personali tajjeb, li f’dan il‑Milied nagħtu rigal sabiħ lil xulxin; lilna nfusna l‑ewwel nett billi niddedikaw ftit ħin fil‑kalma, fis‑silenzju, ta’ riflessjoni, quddiem presepju, quddiem xbieha ta’ Ġesù Bambin, miftumin minn tant solleċitazzjonijiet, minn tant stediniet, minn tant messaġġi li kultant jeħdulna wkoll il‑qawwa ta’ ruħna u l‑paċi ta’ qalbna.
Kemm familji meta jiltaqgħu, jekk jiltaqgħu, madwar il‑mejda tal‑ikel ikunu miftumin mill‑preżenza minn xulxin għax mehdijin kontinwament fuq il‑mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. Kultant tmur f’post ta’ divertiment jew f’xi restorant u tara lil kulħadd medhi fuq l‑ismartphone tiegħu. Donnu l‑fatt li aħna qegħdin niltaqgħu bejnietna mhux biżżejjed biex iferraħna u jagħtina l‑paċi. Il‑laqgħa tagħna saret iżjed virtwali u diġitali. Hekk ukoll fis‑soċjetà tagħna.
Kemm‑il‑darba aħna nużaw kliem iebes għal xulxin għax protetti mill‑anonimat, mingħalina, tas‑social media. Mentri jekk ikollna niltaqgħu personali ma’ dak li jkun, forsi il‑kelma tiegħi tkun differenti; il‑ħarsa ta’ għajnejja fl‑għajnejn ta’ persuna oħra tkun differenti. Kemm hija ħaġa importanti li aħna ma ninfatmux minn dawn il‑mezzi umani ta’ komunikazzjoni. Li aħna nużaw dak kollu li x‑xjenza u t‑teknika tagħtina biex niffaċilitaw u nikkomunikaw ma’ xulxin, imma ma ninsewx li l‑preżenza fiżika ma’ xulxin, l‑għożża ta’ bejnietna, huma valuri umani indispensabbli għal kwalità ta’ ħajja tajba.
U allura dan il‑Milied importanti li, kull min jista’, inkunu preżenti għal xulxin. Veru li min hu ’l bogħod ser ikollu bżonn tal‑mezzi soċjali biex jasal u jagħti messaġġ ta’ tama u mħabba lill‑għeżież tagħhom. Din hija ħaġa tajba u qaddisa. Niftakar fl‑emigranti tagħna. Niftakru f’dawk li huma mbegħdin. Niftakru f’dawk li qegħdin fl‑isptarijiet jew inkella fil‑ħabs u ma jistgħux forsi jikkomunikaw mal‑għeżież tagħhom.
Il‑mezzi tal‑komunikazzjoni soċjali f’dan il‑qasam huma essenzjali. Ħames snin ilu meta għaddejna mill‑pandemija tal‑COVID, aħna apprezzajna ħafna li l‑mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali għenuna ma niżolawx ruħna totalment avolja l‑iżolament personali kien parti mir‑regolamenti tas‑saħħa.
Imma llum, li forsi wara l‑COVID għadna wisq marbutin ma’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, li minflok iressquna lejn xulxin, ibegħduna minn xulxin, hemm bżonn li nieqfu nagħmlu mument ta’ riflessjoni. Qegħdin wkoll fl‑għatba t’era ġdida fejn l‑intelliġenza artifiċjali, l‑AI, ser tieħu s‑sopravvent fejn dak li mingħalina huwa veru ma jkun veru xejn.
It‑tarbija li twieldet bħal‑lum u li qed niċċelebraw it‑twelid tagħha qalet, “Il‑verità tagħmilkom ħielsa” (Ġw 8:32). Jiena nawgura li aħna nkunu tassew devoti u nkunu tassew mħeġġin biex infittxu l‑verità, li mhux kulma naraw, kulma nisimgħu jista’ jkun veru, jista’ jkun ukoll li jkun falz, u allura minflok jagħtina sens ta’ ħelsien iwaddabna fi skjavitù terribbli. Jiena nappella wkoll li l‑użu li nagħmlu tas‑social media jkun użu ta’ karità, ta’ mħabba, ta’ għożża għal xulxin. Ejjew innaddfu lil qalbna minn dak kollu li jtappan ix‑xbieha sabiħa ta’ min tassew jixtieq ikun preżenti għal xulxin.
Jiena nappella wkoll biex dan il‑Milied l‑ikbar rigal li nistgħu nagħtu jkun il‑preżenza tagħna, l‑għożża tagħna għal xulxin. Kemm tkun ħaġa sabiħa, jekk jista’ jkun, li meta niltaqgħu flimkien f’dan il‑Milied ninsew ftit l‑għodod, li suppost qed iressquna flimkien imma qed ibegħduna minn xulxin, biex ingawdu l‑preżenza ta’ xulxin.
Jiena nawgura mill‑qalb lil kull min qed jismagħna, il‑Milied hieni f’riġlejn Ġesù tarbija. Ħafna drabi n‑nies jgħiduli, “Jiena smajtha l‑quddiesa, Father. Rajtha fuq it‑televixin jew fuq il‑mezzi tax‑xandir u ta’ komunikazzjoni soċjali.”
Għal min ma jistax jiġi l‑knisja u jitqarben, hija ħaġa qaddisa li wieħed isegwi dak li jkun qed jixxandar. Imma jiena nistedinkom li dawn il‑ġranet tal‑Milied nagħmlu l‑isforz tagħna biex nersqu lejn id‑dar t’Alla, nisimgħu l‑Kelma t’Alla, nitqarbnu. Min għandu bżonn ukoll nersqu lejn is‑sagrament tal‑qrar. Ġesù meta ried iwassal il‑paċi u s‑salvazzjoni tiegħu ma bagħatilniex messaġġi. Ħoloq sistema ta’ laqgħat bejnietna – ngħidulhom is‑sagramenti, fejn aħna nkunu preżenti għal xulxin bis‑sinjali tal‑Ewkaristija, tal‑ikel u x‑xorb, il‑ġisem u d‑demm qaddis tiegħu; il‑qrar – is‑saċerdot li jbierkek u jgħidlek, “Jiena naħfirlek dnubietek”. Huma kuntatti personali li jifduna u jwassluna għas‑salvazzjoni.
F’dan il‑lejl qaddis ejjew nitolbu li aħna qatt ma ninsew is‑sejħa tagħna li nkunu preżenti għal xulxin waqt li niftakru li l‑isem sabiħ ta’ din it‑tarbija li qiegħda titwieled u li qed niċċelebraw il‑festa tat‑twelid tagħha llum, huwa Għimmanu‑El, ‘Alla magħna’, preżenza sabiħa li tagħtina paċi, kuraġġ u hena.
Bil‑qalb nagħtikom il‑barka pastorali tiegħi u nawguralkom mill‑qalb il‑Milied it‑tajjeb u sena ġdida mimlija riżq u barka.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta