Omelija tal-Papa Ljun XIV matul il-lejl tal-Milied

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ
QUDDIESA TA’ BILLEJL
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
L-Erbgħa 24 ta’ Diċembru 2025

Kelmtejn ta’ tislima tal-Papa lill-fidili preżenti fi Pjazza San Pietru

Il-lejla t-tajba. Merħba lkoll! Bienvenidos! Welcome!

Il-Bażilika ta’ San Pietru hi Bażilika kbira ħafna, hi kbira ħafna, imma b’xorti ħażina mhux kbira biżżejjed biex tilqa’ lilkom kollha. Nammira u nirrispetta u nirringrazzjakom tal-kuraġġ u r-rieda tagħkom li tkunu hawn illejla.

Grazzi ħafna li ġejtu hawn illejla, imqar f’dan it-temp. Irridu niċċelebraw flimkien il-festa tal-Milied. Ġesù Kristu li twieled għalina jġibilna l-paċi, iġibilna l-imħabba ta’ Alla.

Awguri lilkom ilkoll. Segwu ċ-ċelebrazzjoni minn fuq l-iskrins. Alla jħariskom u jbierek lill-familji kollha tagħkom.

Awguri lil kulħadd!


Għeżież ħuti,

Għal diversi millennji, f’kull parti tad-dinja, il-popli fittxew fis-smewwiet biex jagħtu ismijiet u forom lil kwiekeb li ma jitkellmux: fil-fantasija tagħhom, fihom kienu jaqraw il-ġrajjiet tal-futur billi jfittxu fl-għoli, qalb il-kwiekeb, il-verità li kienet nieqsa hawn isfel, qalb id-djar. Imma bħal min idur fil-vojt, f’dak id-dlam kien jibqgħu mħawdin mill-istess orakli tagħhom. Imma f’dan il-lejl, “il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; dawk li kienu jgħixu f’art imwiet, dawl idda fuqhom” (Iż 19:1).

Din hi l-kewkba li tgħaġġeb lid-dinja, xrara li għadha kemm xegħlet u tarmi d-dija tal-ħajja: “Illum, fil-belt ta’ David, tweldilkom Salvatur, li hu Kristu l-Mulej” (Lq 2:11). Fiż-żmien u l-ispazju, hemm fejn ninsabu aħna, jiġi Dak li mingħajru qatt ma konna nibdew neżistu. Jgħammar magħna dak li għalina jagħti ħajtu, idawwal bis-salvazzjoni l-lejl tagħna. Ma hemmx dlam li din l-istilla ma ddawwalx, għax għad-dawl tagħha l-umanità kollha tista’ tara ż-żerniq ta’ ħajja ġdida u eterna.

Dan huwa l-Milied ta’ Ġesù, l-Għimmanu-El. Fl-Iben magħmul bniedem, Alla ma jagħtiniex xi ħaġa, imma lilu nnifsu, “biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih” (Tit 2:14). Jitwieled fil-lejl Dak li mil-lejl jeħlisna: il-ħjiel tal-jum li qed ifiġġ m’għadniex irridu nfittxuh fil-bogħod, fl-ispazji tal-kwiekeb, imma billi nbaxxu rasna, fil-maxtura biswitna.

Is-sinjal ċar mogħti lid-dinja mudlama fil-fatt hu “tarbija mfisqija, u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12). Biex insibu s-Salvatur, ma hemmx bżonn inħarsu fl-għoli, imma biżżejjed nikkontemplaw fil-baxx: is-setgħa ta’ Alla li jista’ kollox tilma fid-dgħufija ta’ tarbija tat-twelid; l-elokwenza tal-Verb etern tidwi fl-ewwel karba ta’ tarbija; il-qdusija tal-Ispirtu tiddi f’dak il-ġisem ċkejken li għadu kemm ġie maħsul u mfisqi fil-faxex. Huwa divin il-bżonn tal-kura u tas-sħana tal-imħabba, li l-Iben tal-Missier jaqsam tul l-istorja ma’ ħutu kollha. Id-dawl divin li jilma minn din it-Tarbija jgħinna nilmħu l-bniedem f’kull ħajja li għadha titwieled.

Biex idawwal l-għama tagħna, il-Mulej ried juri lilu nnifsu mill-bniedem għall-bniedem, xbieha vera tiegħu, skont pjan ta’ mħanbba li beda mal-ħolqien tad-dinja. Billi l-lejl tal-iżball idallam din il-verità providenzjali, allura “lanqas hemm wisa’ għall-oħrajn, għat-tfal, għall-foqra, għall-barranin” (Benedittu XVI, Omelija fil-lejl tal-Milied, 24 ta’ Diċembru 2012). Hekk attwali, il-kelmiet tal-Papa Benedittu XVI ifakkruna li fuq l-art ma hemmx wisa’ għal Alla jekk ma hemmx wisa’ għall-bniedem: li ma nilqgħux lil wieħed ifisser ma nilqgħux lill-ieħor. Imma hemm fejn hemm post għall-bniedem, hemm post għal Alla: allura maxtura tista’ ssir sagra iżjed minn tempju, u l-ġuf tal-Verġni Marija hu l-arka tal-Patt il-ġdid.

Għeżież, ejjew nammiraw l-għerf tal-Milied. F’Ġesù tarbija, Alla jagħti lid-dinja ħajja ġdida: dik tiegħu, għal kulħadd. Mhux idea biex issolvi kull problema, imma storja ta’ mħabba li tinvolvina. Quddiem ix-xewqat tal-popli hu jibgħat tarbija, biex tkun kelma ta’ tama; quddiem it-tbatija tal-imsejkna hu jibgħat xi ħadd li ma għandux x’jiddefendih, biex ikun qawwa għal min għandu bżonn jerġa’ jqum fuq saqajh; quddiem il-vjolenza u l-kefrija hu jixgħel dawl ħelu li jdawwal bis-salvazzjoni lill-ulied kollha ta’ din id-dinja. Kif innota Santu Wistin, “is-suppervja umana tant għaffġitek li l-umiltà divina biss setgħet terfgħek” (Sermo in Natale Domini 188, III, 3). Iva, waqt li ekonomija mgħawġa twassalna biex nittrattaw lill-bnedmin bħal merċa, Alla jsir jixbah lilna, jikxef id-dinjità infinita ta’ kull persuna. Waqt li l-bniedem irid isir Alla biex jaħkem fuq il-proxxmu, Alla jrid isir bniedem biex jeħlisna minn kull jasar. Biżżejjed għalina din l-imħabba, biex nibdlu l-istorja tagħna?

It-tweġiba tasal malli nqumu, bħar-ragħajja, minn lejl mortali għad-dawl tal-ħajja li qed titwieled, u nikkontemplaw lil Ġesù tarbija. Fuq l-istalla ta’ Betlehem, fejn Marija u Ġużeppi, mimlijin għoġba, qed jgħassu fuq it-Tarbija li għadha kemm twieldet, is-sema mimli kwiekeb jinbidel f’“għadd kbir tal-qtajja’ tas-sema” (Lq 2:13). Huma eżerċti bla armi u li jżarmaw, għax jgħannu l-glorja ta’ Alla, li tagħha l-paċi hi manifestazzjoni fuq l-art (ara v. 14): fil-fatt, fil-qalb ta’ Kristu hemm tbaqbaq ir-rabta li torbot fl-imħabba s-sema mal-art, il-Ħallieq mal-ħlejjaq.

Għalhekk, eżattament sena ilu, il-Papa Franġisku afferma li t-Twelid ta’ Ġesù jġedded fina “d-don u l-impenn li nwasslu t-tama hemm fejn intilfet”, għaliex “miegħU twarrad il-ħajja, miegħU l-ħajja tinbidel, miegħU t-tama ma tqarraqx” (Omelija fil-lejl tal-Milied, 24 ta’ Diċembru 2024). B’dawn il-kelmiet fetħet is-Sena Mqaddsa. Issa li l-Ġublew qed jersaq lejn it-tmiem tiegħu, il-Milied hu għalina żmien ta’ gratitudni u ta’ missjoni. Gratitudni għad-don li rċivejna, missjoni biex nagħtu xhieda tiegħu fid-dinja. Kif jgħanni s-Salmista: “Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu. / Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu, / fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu” (Salm 96:2-3).

Ħuti, il-kontemplazzjoni tal-Verb magħmul bniedem tqanqal fil-Knisja kollha kelma ġdida u vera: ejjew mela nħabbru l-ferħ tal-Milied, li hu festa tal-fidi, tal-imħabba u tat-tama. Hu festa tal-fidi, għax Alla jsir bniedem, u jitwieled mill-Verġni. Hu festa tal-imħabba, għax id-don tal-Iben feddej iseħħ fl-għotja tal-aħwa lil xulxin. Hu festa tat-tama, għax Ġesù tarbija jkebbisha fina, u jagħmilna messaġġiera tal-paċi. B’dawn il-virtujiet f’qalbna, bla biża’ mil-lejl, nistgħu noħorġu niltaqgħu maż-żerniq tal-jum ġdid.

Miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading