Omelija tal-Papa Ljun XIV nhar il-Milied filgħodu

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ
QUDDIESA TA’ BINHAR
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħamis 25 ta’ Diċembru 2025

Għeżież ħuti,

“Għajtu lkoll bil-ferħ” (Iż 52:9), jgħajjat il-messaġġier tal-paċi lil min isib ruħu qalb ir-rovini ta’ belt li trid terġa’ tinbena kollha kemm hi. Imqar jekk mimlijin trab u bil-ġrieħi fihom, riġlejh huma sbieħ – jikteb il-profeta (ara Iż 52:7) – għax, minn toroq twal u mġarrfa, huma wasslu aħbar hienja, li fiha issa kollox jitwieled mill-ġdid. Dan hu jum ġdid! Aħna wkoll għandna sehem f’din l-iżvolta, li fiha donnu ħadd ma għadu jemmen: il-paċi teżisti u diġà tinsab f’nofsna.

“Inħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi. Ma nagħtihilkomx kif tagħtiha d-dinja” (Ġw 14:27). Hekk qal Ġesù lid-dixxipli, li wara kien ħaslilhom riġlejhom, messaġġiera ta’ paċi li minn dakinhar ’il quddiem kellhom jiġru mad-dinja kollha, bla ma jegħjew, biex juru lil kulħadd is-“setgħa li jsiru wlied Alla” (Ġw 1:12). Mela llum mhux biss aħna sorpriżi mill-paċi li diġà tinsab hawn, imma qed niċċelebraw kif dan id-don ingħata lilna. Fil-fatt, fil-kif tiddi d-differenza divina li ġġagħalna ninfexxu f’għana ta’ ferħ. Hekk, fid-dinja kollha, il-Milied hu per eċċellenza festa ta’ mużika u ta’ kant.

Anki l-prologu tar-raba’ Vanġelu hu innu u għandu bħala protagonista l-Verb ta’ Alla. Il-“verb” hu kelma li taġixxi. Din hi karatteristika tal-Kelma ta’ Alla: qatt ma hi bla effett. Iva, il-kliem jaġixxi. Imma araw is-sorpriża li l-liturġija tal-Milied tqegħdilna quddiemna: il-Verb ta’ Alla jidher u ma jafx jitkellem, jiġi għandna bħala tarbija tat-twelid li tista’ biss tibki u tokrob. “Sar bniedem [ħa l-laħam]” (Ġw 1:14) u, imqar jekk għad jikber u jum wieħed għad jitgħallem il-lingwa tal-poplu tiegħu, bħalissa titkellem biss il-preżenza sempliċi u dgħajfa tiegħu. Il-“laħam” hu l-għera radikali li f’Betlehem u fuq il-Kalvarju tonqosha anki l-kelma; bħalma m’għandhomx kelma tant aħwa mneżżgħin mid-dinjità tagħhom u ridotti għas-silenzju. Il-ġisem uman jitlob kura, isejjaħ għall-akkoljenza u r-rikonoxximent, ifittex idejn li għandhom il-ħlewwa u mħuħ li lesti jkunu attenti, jixtieq kelmiet tajba.

“Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla” (Ġw 1:11). Din hi d-dinja paradossali li fiha l-paċi diġà tinsab fostna: id-don ta’ Alla jinvolvina, ifittex akkoljenza u jħaddem l-għotja. Jissorprendina għax jesponi ruħu għar-rifjut, isaħħarna għax ineżżagħna mill-indifferenza. Hi vera setgħa dik li nsiru wlied Alla: setgħa li tibqa’ midfuna sakemm aħna distakkati mill-bikja tat-tfal u mid-dgħufija tal-anzjani, mis-skiet impotenti tal-vittmi u mill-malinkonija rassenjata ta’ min jagħmel il-ħażen li ma jridx.

Kif kiteb il-maħbub Papa Franġisku, biex ifakkarna fil-ferħ tal-Vanġelu: “Xi kultant inħossu t-tentazzjoni li nkunu Nsara li jżommu distanza prudenti mill-ġrieħi tal-Mulej. Imma Ġesù jrid li mmissu l-miżerja umana, li mmissu l-ġisem sofferenti tal-oħrajn. Hu jistenna minna li ma noqogħdux infittxu dawk l-imkejjen ta’ kenn personali jew komunitarju li jżommuna mbegħdin minn fejn tħabbat il-qalb tat-tbatija umana, biex nistgħu naċċettaw tabilħaqq li nidħlu f’kuntatt mal-eżistenza konkreta tal-oħrajn u nagħrfu kemm hi kbira l-qawwa tal-ħlewwa” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 270).

Għeżież ħuti, billi l-Verb sar bniedem, issa l-laħam tiegħu jitkellem, jokrob bix-xewqa divina li jiltaqa’ magħna. Il-Verb waqqaf fostna l-għarix dgħajjef tiegħu. U kif ma naħsbux fl-għerejjex ta’ Gaza, li ilhom ġimgħat esposti għax-xita, għar-riħ u għall-kesħa, u f’dawk ta’ tant migranti u rifuġjati f’kull kontinent, jew tal-kenn li b’xorti tajba jsibu eluf ta’ persuni bla dar, fil-bliet tagħna? Dgħajjef hu l-laħam tal-popli li ma għandhomx min jiddefendihom, imġarrba minn tant gwerer li għaddejjin jew huma konklużi imma ħallew warajhom tant tifrix jew ġrieħi miftuħa. Dgħajfa huma l-imħuħ u l-ħajjiet taż-żgħażagħ imġiegħla jaqbdu l-armi, li proprju fuq il-front iħossu kemm hu bla sens dak li qed jiġi mitlub minnhom u l-gidba li fiha huma mxappa d-diskorsi pompużi ta’ min jibgħathom għall-qatla.

Meta d-dgħufija ta’ ħaddieħor tinfed il-qalb tagħna, meta l-uġigħ ta’ ħaddieħor iġarraf iċ-ċertezzi sodi tagħna, allura diġà tibda l-paċi. Il-paċi ta’ Alla titwieled minn karba milqugħa, minn bikja mismugħa: titwieled qalb ir-rovini li jinvokaw solidarjetà ġdida, titwieled minn ħolm u viżjonijiet li, bħala profeziji, idawru d-direzzjoni tal-istorja. Iva, dan kollu jeżisti, għax Ġesù huwa l-Logos, is-sens li minnu kollox ħa l-bixra tiegħu. “Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru” (Ġw 1:3). Dan il-misteru jisfidana minn ġol-presepji li bnejna, jiftħilna għajnejna fuq dinja li fiha l-Kelma terġa’ tidwi, “ħafna drabi u b’diversi modi” (ara Lhud 1:1), u għadha ssejħilna għall-konverżjoni.

Ċertament, il-Vanġelu ma jaħbix ir-reżistenza tad-dlamijiet għad-dawl, imma jfisser il-mixja tal-Kelma ta’ Alla bħala triq iebsa, mimlija xkiel. Sal-lum il-messaġġiera awtentiċi tal-paċi jimxu wara l-Verb f’din it-triq, li fl-aħħar tilħaq il-qlub: qlub imħassba, li spiss jixtiequ proprju dak li għalih jirreżistu. Hekk il-Milied jerġa’ jagħti motivazzjoni lil Knisja missjunarja, u jmexxiha tul toroq li l-Kelma ta’ Alla fasslitilha. Aħna ma naqdux kelma prepotenti – minnha diġà hawn jidwu ma’ kullimkien – imma preżenza li tqanqal għat-tajjeb, taf x’inhi l-effikaċja tiegħu, ma tippretendix li għandha monopolju fuqu.

Din hija t-triq tal-missjoni: triq lejn l-għoli. F’Alla kull kelma hi kelma mogħtija, hi stedina għall-konverżazzjoni, kelma li qatt ma hi ugwali għaliha nfisha. Dan huwa t-tiġdid li l-Konċilju Vatikan II ippromova u li nistgħu narawh iwarrad biss jekk nimxu flimkien mal-umanità kollha, u qatt ma ninfirdu minnha. Dak li hu mondan hu bil-maqlub: inpoġġu lilna nfusna fiċ-ċentru. Il-moviment tal-Inkarnazzjoni hu dinamiżmu ta’ konverżazzjoni. Ikollna l-paċi meta l-monologi tagħna jieqfu u, għammiela bis-smigħ, ninżlu għarkupptejna quddiem il-laħam għeri ta’ ħaddieħor. Il-Verġni Marija proprju f’dan hi Omm il-Knisja, il-Kewkba tal-evanġelizzazzjoni, is-Sultana tal-paċi. Fiha nifhmu li xejn ma jitwieled mill-esebizzjoni tal-forza u kollox jitwieled mill-ġdid mill-qawwa siekta tal-ħajja milqugħa.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading