X’TAQRA F’MALTA MISSJUNARJA – Claudia Cini
Matul is‑snin, bil‑fondi miġbura mill‑maratona, mill‑Ġurnata Missjunarja u minn diversi attivitajiet oħra li jiġu organizzati matul is‑sena, Missio Malta rnexxielu jisponsorja għexieren ta’ proġetti li jinkludu fost oħrajn, irziezet, skejjel, kliniċi u spieri. Permezz ta’ dawn il‑proġetti qed jibbenefikaw komunitajiet sħaħ u mhux biss individwi.

Matul ix-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu tista’ taqra aktar dwar dan kollu fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ erba’ darbiet fis-sena, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun organizza u se jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. Fost l-attivitajiet matul is-sena 2025 kien hemm żjarat fi djar tal-anzjani, preżenza waqt il-‘freshers’ week’ tal-università u tal-Mcast, Playcon u Notte Bianca. F’artiklu minnhom niltaqgħu ma’ Swor Marija Goretti li tmexxi ċ‑Ċentru tas‑Saħħa San Luqa f’Busuni l‑Uganda, li talbet l‑għajnuna immedjata sabiex jiġu salvagwardjati nisa tqal u t‑trabi tagħhom billi titwaqqaf u titgħammar sala tal‑operazzjonijiet.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona b’xejn fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.