Ġublew speċjali ta’ San Franġisk ta’ Assisi

Sena ta’ Grazzja, Paċi u Tiġdid Spiritwali li jibda fl-10 ta’ Jannar 2026.

Fl-2026, il-Knisja Kattolika qed tiċċelebra Ġublew Speċjali ddedikat lil San Franġisk ta’ Assisi, fl-okkażjoni tat-tmien mitt sena mit-tluq tiegħu għal għand il-Mulej. Dan l-Anniversarju Ġubilari, li jdum mill-10 ta’ Jannar 2026 sal-10 ta’ Jannar 2027, huwa stedina lill-poplu kollu ta’ Alla biex jerġa’ jiskopri l-ġmiel tal-ħajja Nisranija permezz tal-eżempju ta’ wieħed mill-akbar qaddisin tal-Knisja.

San Franġisk twieled f’Assisi f’madwar is-sena 1181 jew 1182. Wara żgħożija mimlija ġid u ħolm ta’ glorja, iltaqa’ ma’ Kristu b’mod profond u ddeċieda li jħalli kollox biex jgħix l-Evanġelju fil-faqar, fl-umiltà u fl-imħabba. Il-ħajja tiegħu kienet xhieda qawwija ta’ fiduċja sħiħa fil-Providenza ta’ Alla u ta’ mħabba bla qies lejn kull persuna u lejn il-ħolqien kollu.

Il-Ġublew Franġiskan huwa aktar minn tifkira storika. Huwa żmien ta’ grazzja u konverżjoni. Matulu, il-Knisja tistieden lill-insara kollha biex jimxu fuq il-passi ta’ San Franġisk billi jġeddu r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla, ifittxu r-rikonċiljazzjoni, jgħixu b’qalb aktar sempliċi u jkabbru l-imħabba lejn il-proxxmu.

Il-messaġġ ta’ San Franġisk jibqa’ straordinarjament attwali. F’dinja mifnija bil-gwerer, il-vjolenza u l-firdiet, il-qaddis ta’ Assisi jfakkarna li l-paċi tibda mill-qalb tal-bniedem. It-talba magħrufa attribwita lilu – “Mulej, agħmel minni strument tal-paċi tiegħek” – tibqa’ sejħa qawwija biex inkunu bennejja ta’ għaqda, maħfra u fraternità.

San Franġisk kien ukoll il-qaddis tal-ħolqien. Fil-“Għanja tal-Ħlejjaq” huwa faħħar lil Alla għall-ġmiel tan-natura u għar-rigali kollha tal-ħolqien. Dan il-wirt spiritwali jħeġġiġna nieħdu ħsieb id-dinja bħala don ta’ Alla u ngħixu b’rispett u responsabbiltà lejn l-ambjent.

Din is-sena ġubilari hija wkoll opportunità biex il-familji, iż-żgħażagħ, il-komunitajiet parrokkjali u l-membri tal-Familja Franġiskana jsaħħu l-ħajja tat-talb, jagħmlu pellegrinaġġi lejn knejjes Franġiskani u jġeddu l-impenn tagħhom favur il-karità u s-servizz lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn.

Il-Ġublew Speċjali ta’ San Franġisk mhuwiex biss ċelebrazzjoni tal-passat, iżda stedina biex il-karizma tiegħu tkompli tagħti l-frott fil-preżent. Bħalma hu għażel li jħaddan l-Evanġelju b’qalb sħiħa, hekk ukoll aħna msejħin biex inkunu dixxipli ta’ Kristu li jxandru t-tama, il-paċi u l-ferħ.

Nitolbu biex, bl-interċessjoni ta’ San Franġisk ta’ Assisi, sabiex din is-sena ta’ grazzja ġġedded il-fidi tagħna, issaħħaħ il-komunjoni fil-Knisja u tagħmilna xhieda ħajja tal-imħabba ta’ Alla fid-dinja tal-lum.

8 ta’ Jannar 2026


Ara aktar dwar San Franġisku u dan il-Ġublew Speċjali …

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading