KONĊISTORJU STRAORDINARJU
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħamis 8 ta’ Jannar 2026
“Għeżież, ejjew inħobbu lil xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla” (1 Ġw 4:7). Il-Liturġija tipproponilna din l-eżortazzjoni aħna u niċċelebraw il-Konċistorju straordinarju: mument ta’ grazzja li fih qed nesprimu li aħna magħqudin mas-servizz tal-Knisja.
Kif nafu, il-kelma Konċistorju, Consistorium, “assemblea”, nistgħu naqrawha fid-dawl tal-għerq tal-verb consistere, jiġifieri “tieqaf”. U fil-fatt ilkoll kemm aħna “waqafna” biex inkunu hawn: waqqafna għal ċertu żmien l-attivitajiet tagħna u warrabna impenji anki importanti, biex niltaqgħu flimkien ħa niddixxernu dak li l-Mulej qed jitlobna għall-ġid tal-Poplu tiegħu. Dan diġà hu fih innifsu ġest sinifikattiv ħafna, profetiku, partikularment fil-kuntest tas-soċjetà frenetika li fiha ngħixu. Fil-fatt dan ifakkarna fl-importanza, f’kull mixja tal-ħajja, li nieqfu, biex nitolbu, nisimgħu, nirriflettu u hekk nerġgħu lura biex niffukaw dejjem aħjar ħarsitna fuq id-destinazzjoni, waqt li nindirazzaw lejha kull sforz u riżorsa, biex ma nirriskjawx li niġru fil-għama jew niġġieldu mal-arja għalxejn, kif iwissina l-Appostlu Pawlu (ara 1 Kor 9:26). Fil-fatt aħna m’aħniex qegħdin hawn biex nippromovu “aġendi” – personali jew ta’ grupp –, imma biex nafdaw il-proġetti u t-tnebbiħ tagħna lill-għarbiel ta’ dixxerniment li hu ogħla minna “daqskemm is-sema hu ’l fuq mill-art” (Iż 55:9) u li jista’ jiġi biss mingħand il-Mulej.
Għalhekk importanti li issa, fl-Ewkaristija, inqiegħdu kull xewqa u ħsieb tagħna fuq l-Altar, flimkien mad-don tal-ħajja tagħna, u noffruh lill-Missier f’għaqda mas-Sagrifiċċju ta’ Kristu, biex jintradd lilna msoffi, imdawwal, magħġun u mibdul, bi grazzja, f’Ħobża waħda. Fil-fatt, hekk biss nagħrfu tabilħaqq nisimgħu leħnu, nilqgħuh fid-don li aħna għal xulxin: ir-raġuni li għaliha nġbarna hawn.
Il-Kulleġġ tagħna, imqar jekk għani b’tant kompetenzi u doni notevoli, fil-fatt mhuwiex imsejjaħ biex ikun, qabelxejn, tim ta’ esperti, imma komunità ta’ fidi, fejn id-doni li kull wieħed iġorr, offruti lill-Mulej u li minnu jintraddulna lura, jipproduċu, skont il-Providenza tiegħu, l-akbar frott.
Mill-bqija, l-Imħabba ta’ Alla li tagħha aħna dixxipli u appostli hi Mħabba “trinitarja”, “relazzjonali”, għajn ta’ dik l-ispiritwalità ta’ komunjoni li biha l-Għarusa ta’ Kristu tgħix u tagħha trid tkun dar u skola (ara Ittra appostolika Nove millennio ineunte, 6 ta’ Jannar 2001, 43). San Ġwanni Pawlu II, huwa u jawgura li din tikber fil-bidu tat-tielet millennju, iddefinieha bħala “ħarsa tal-qalb fuq il-misteru tat-Trinità li tgħammar fina, u li d-dawl tagħha nilmħuh ukoll fuq il-wiċċ ta’ ħutna li jinsabu maġenbna” (ibid.).
Allura, il-“waqfien” tagħna hu qabelxejn att kbir ta’ mħabba – lil Alla, lill-Knisja u lill-bnedmin tad-dinja kollha –, li bih inħallu l-Ispirtu jagħġinna fih: qabelxejn fit-talb u fis-skiet, imma mbagħad ukoll meta nħarsu f’wiċċ xulxin, nisimgħu lil xulxin u nsiru leħen, permezz tal-qsim ma’ xulxin, ta’ dawk kollha li l-Mulej fdahom fl-għożża tagħna ta’ Ragħajja, fl-aktar partijiet imxerrda tad-dinja. Att li ngħixuh b’qalb umli u ġeneruża, fl-għarfien li hu bi grazzja li ninsabu hawn, u li ma hemm xejn, minn dak li nġorru, li ma rċivejniehx, bħala don u talent li ma għandniex inħalluh jinħela, imma ninvestuh b’għaqal u kuraġġ (ara Mt 25:14-30).
San Ljun il-Kbir għallem li “hi ħaġa kbira u prezzjuża ħafna quddiem il-Mulej meta l-poplu kollu ta’ Kristu jħabrek flimkien għall-istess dmirijiet, u l-gradi kollha u l-ordnijiet kollha […] jikkollaboraw bl-istess spirtu […]. Hemm”, qal, “jieklu l-imġewħa, jitlibbsu l-għerja, isibu min iżurhom il-morda, u ħadd ma jfittex l-interessi tiegħu, imma dawk tal-oħrajn” (Sermoni 88,4). Dan hu l-ispirtu li bih irridu naħdmu flimkien: dak ta’ min jixtieq li fil-Ġisem mistiku ta’ Kristu kull membru jikkopera skont l-ordni tiegħu għall-ġid ta’ kulħadd (ara Efes 4:11-13), u jiżvolġi b’dinjità u b’mod sħiħ il-ministeru tiegħu taħt it-treġija tal-Ispirtu, hieni li jista’ joffri u jara jimmatura l-frott tal-ħidma tiegħu, kif ukoll li jirċievi u jara jikber dak tal-opra ta’ ħaddieħor (ara San Ljun il-Kbir, Sermoni 88,5).
Il-Knisja ilha żewġ millennji tinkarna dan il-misteru fil-ġmiel tagħha ta’ ħafna wċuħ (ara Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti, 280). Din l-istess ġemgħa hi xhieda ta’ dan, fil-firxa wiesgħa tal-provenjenzi u tal-etajiet u fl-għaqda tal-grazzja u tal-fidi li tiġborna flimkien u tagħmilna aħwa.
Bla dubju, aħna wkoll, quddiem il-“folla kbira” ta’ umanità mġewħa għall-ġid u għas-sliem, f’dinja fejn milja u ġuħ, abbundanza u miżerja, taqbida għall-għajxien u vojt eżistenzjali ddisprat ikomplu jifirdu u jfieru l-persuni, in-nazzjonijiet u l-komunitajiet, għall-kelmiet tal-Imgħallem: “Agħtuhom intom stess x’jieklu” (Mk 6:37), nistgħu nħossuna bħad-dixxipli: inadegwati u neqsin mill-mezzi. Imma Ġesù jerġa’ jtennilna: “Xi kemm għandkom ħobż? Morru araw” (Mk 6:38), u dan nistgħu nagħmluh flimkien. Fil-fatt, mhux dejjem se jirnexxilna nsibu soluzzjonijiet immedjati għall-problemi li rridu naffrontaw. Imma dejjem, f’kull post u ċirkustanza, nistgħu ngħinu lil xulxin – u b’mod partikulari lill-Papa – biex insibu l-“ħames ħobżiet u żewġ ħutiet” li l-Providenza qatt ma tonqos li tagħti hemm fejn uliedha jitolbu l-għajnuna; u biex nilqgħuhom, ngħadduhom, nirċevuhom u nqassmuhom, mogħnija bil-barka ta’ Alla u tal-fidi u tal-imħabba ta’ kulħadd, hekk li ħadd ma jonqsu l-meħtieġ (ara Mk 6:42).
Għeżież, dak li toffru lill-Knisja fis-servizz tagħkom, fuq kull livell, hu xi ħaġa kbira u estremament personali u profonda, unika għal kull wieħed u prezzjuża għal kulħadd; u r-responsabbiltà li taqsmu mas-Suċċessur ta’ Pietru hi kbira u tqila.
Għalhekk nirringrazzjakom minn qalbi, u nixtieq nagħlaq billi nafda l-ħidmiet tagħna u l-missjoni tagħna lill-Mulej bi kliem Santu Wistin: “Int tagħtina bosta grazzji jekk nitolbuhomlok, u kull ġid li ħafna qabel ma tlabnihulek waslilna mingħandek; kien b’don tiegħek ukoll li mbagħad għarafna l-ġid li tkun tajtna […]. Ftakar, Mulej, li aħna trab, u mit-trab int ħlaqt lill-bniedem” (Confessiones 10, 31, 45). Għalhekk ngħidulek: “Agħti dak li tikkmanda u kkmanda dak li trid” (ibid.).
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard