Iġedded kollox. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Magħmudija tal-Mulej.

Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Il-Mulej ibierek il-poplu tiegħu bis-sliem.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?”. Ġesù qallu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu, biex intemmu s-sewwa kollu”. Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed.

Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”. Mt 3, 13-17.

  1. Riflessjoni/talba:

i. F’dak iż-żmien, Ġesù ġie mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu.

Alla ma joqgħodx iħares mill-bogħod:
jagħżel li jinżel

Alla sar bniedem
u issa jagħżel li jerġa jinżel
fil-Ġordan biex jitgħammed minn Ġwanni
jinżel biex jidħol f’solidarjetà mal-bniedem
anke fil-post fejn lanqas aħna
ma jirnexxielna nkunu solidali magħna nfusna:
fil-falliment.

Irrifletti:
• Xi tfisser għalik li Alla jidħol solidali miegħek fil-falliment/fid-dnub?

ii. Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?”. Ġesù qallu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu, biex intemmu s-sewwa kollu”. Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed.

Ġwanni ma ħalliehx jitgħammed.

Jirrikonoxxi lil Dak li hu aqwa minnu
għax kien qablu
li ma jistħoqqlux iħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.

imma issa iħallih jitgħammed.

Jaċċetta li l-ġustizzja t’Alla tmur lil hinn
li Alla mhux iqaċċat is-siġra jrid imma jsalvaha
li Alla jsalva mhux billi jitfi l-musbieħ inemnem

imma billi jinżel hu jaħsel ir-riġlejn.

Irrifletti
• Fejn kellek esperjenza tal-istil partikulari ta’ Alla?

iii. Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”.

Fuq dinja mqallba
u ilma maħmuġ

jerġa jittajjar l-Ispirtu:
Alla joħloq mill-ġdid!

Fuq il-bniedem li tħawwad
u tilef il-boxxla

terġa tinżel il-Kelma ta’ Alla:
jagħti barka u futur.

“Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”.

Irrifletti

• Oqgħod ftit ma’ Ġesù u irċievi l-kliem tal-Missier.

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading