It-Tieni Ħadd matul is-Sena. Kitba ta’ Fr Michael A. Galea

Print Friendly, PDF & Email

KEMM JIEN LEST/A NOFFRI T-TBATIJA GĦALL-OĦRAJN?

Kien il-Ħamis 3 ta’ Ġunju tas-sena 2010. Fit-Turkija ġie assassinat Monsjinjur Luigi Padovesi, isqof Taljan tal-Ordni Kapuċċin, li għal sitt snin kien qed jieħu ħsieb merħla ċkejkna ta’ kattoliċi f’dal-pajjiż ta’ maġġoranza musulmana. Hekk kif ġriet din l-aħbar, Patri Paolo Martinelli, wieħed minn sħabu l-kapuċċini, irrakkonta u qal: “Dak inhar li ġie innominat isqof jien għamilt diskursata twila miegħu u fost l-oħrajn urejtu l-preokupazzjoni tiegħi li narah isqof f’dawn l-inħawi tal-Lvant Nofsani għax l-insara f’dawn il-postijiet kienu diġa’ qegħdin isibu diffikulta’ biex jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom. Komplejt ngħidlu li għandu mnejn se jpoġġi ħajtu fil-periklu…” Niftakar li għal dal-biża’ li semmejtlu, Luigi Padovesi baxxa rasu u wara mument kemmxejn twil ta’ silenzju, b’kalma u serenita’, weġibni u qalli: “Iva, meta ddeċidejt li nobdi r-rieda tas-superjuri, ikkunsidrajt li nista’ nkun mitlub dan ukoll…! Xi ħadd ieħor ikkummenta u qal: “L-Isqof Padovesi offra ħajtu għall-oħrajn!” Pero’ ħa niġu għall-vanġelu tal-lum…

Se nieqaf fuq sentenza li qal Ġwanni l-Battista hekk kif ra lil Ġesu’ riesaq lejh. Qal għaliH: “Ara, hawn hu l-Ħaruf t’Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja!” Biex nifhmu din id-deskrizzjoni li biha Ġwanni l-Battista iddeskriva lil Ġesu’, irridu mmorru lura fl-Iskrittura u niftakru fi ġrajja importanti li għadda minnha l-Poplu Lhudi, jiġifieri l-ħelsien tiegħu mill-jasar tal-Eġittu.

Kien qed joqrob il-jum mistenni u skont kif qallu Alla, Mose’ ordna li kull familja takkwista ħaruf ta’ sena, mingħajr difett u f’data preċiża toqtlu bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Tieħu mbagħad mid-demm tiegħu u troxxu fuq il-ġnub u fuq il-blata tal-bieb fejn tkun se tieklu…Tieklu mixwi, b’ħobż bla ħmira u bil-għaġġla. Dak il-lejl, il-Mulej kien se jgħaddi joqtol l-ewwel fost l-imweldin fl-art tal-Eġittu, imma fejn jara d-demm tal-ħaruf imraxxax fuq djar tal-Lhud, jibqa’ għaddej u ebda ħsara ma tiġri lill-membri tal-Poplu tiegħu.

Kumment qasir dwar din il-ġrajja li tispjega dak li qal Ġwanni l-Battista għal Ġesu. Kif id-demm tal-ħaruf maqtul innoċentement salva lil-Lhud mill-mewt tal-ġisem, hekk iktar ‘il quddiem, id-demm tal-Ħaruf t’Alla fuq il-Kalvarju kellu jeħles lill-bnedmin mill-mewt tar-ruħ, jiġifieri mill-mewt li jġib id-dnub. Imkisser kif kien fil-kitbiet tal-Iskrittura, Ġwanni l-Battista għandu mnejn kellu f’moħħu s-sofferenzi li kien ħabbar il-Profeta Iżaija fuq u l-Qaddej tal-Mulej li kellu jiġi fid-dinja. Minn mijiet ta’ snin qabel, Iżaija qal għalih: “Ħaqruh, u Hu qagħad għalihom bla ma biss fetaħ fommu; bħal ħaruf għal qatla…” Xi jfisser fil-prattika dan kollu? Se nagħmel żewġ riflessjonijiet…
L-ewwel riflessjoni: aħna lkoll imċappsin bid-dnub. Min ħafna u min ftit, min f’ħaġa u min f’oħra, min f’mument u min f’ieħor…ilkoll kemm aħna mmorru kontra l-liġi u r-rieda t’Alla, forsi ta’ spiss, forsi kontinwament ukoll għax ninsabu fi stat tad-dnub il-mejjet. U dan f’kuntrast ma’ Ġesu’, Ħaruf innoċenti, li biex jobdi r-rieda tal-Missier (salm responsorjali) offra lilu nnifsu u xerred demmu għalina fuq il-Kalvarju. Waqt il-quddiesa, li hija t-tiġdid tas-sagrifiċċju tal-Kalvarju, Ġesu’ jerġa’ jingħata għalina sagramentalment. Mill-ġdid u mingħajr ma naraw xejn (għalhekk għandna bżonn il-fidi) Huwa jxerred demmu għall-maħfra tad-dnubiet tiegħi u tiegħek. Għaldaqstant tagħmel ħafna sens dik it-talba li nagħmlulu waqt il-qsim tal-Ħobż: għal darbtejn nitolbuh iħenn għalina u jagħtina l-paċi. Irrid ngħid li dit-talba penitenzjali ma taħfirx id-dnub il-mejjet. F’każ ta’ dnub mejjet ikollna bżonn nersqu għas-sagrament tal-qrar.
Niġi għat-tieni riflessjoni…Għadna kemm irriflettejna fuq Ġesu’ li joffri ħajtu għall-maħfra tad-dnubiet tiegħi u tiegħek. Għalkemm midinbin, aħna wkoll nistgħu noffru lill-Missier it-tbatijiet fiżiċi, emozzjonali, spiritwali tagħna għall-bżonnijiet spiritwali u materjali ta’ ħutna l-bnedmin. Kif qal xi ħadd: “we become wounded healers” jiġifieri feruti imma lesti ngħinu lil min h gu ferut bħalna jew iżjed minna! Ejjew ngħaqqdu t-tbatijiet tagħna ma’ dawk ta’ Ġesu’ għas-salvazzjoni tad-dinja. Nispiċċa b’talba, miktuba minn Padre Antonio Rungi. It-talba: “Ġesu’, Ħaruf issagrifikat fuq is-salib għalina, int li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, agħmel li dan iż-żmien tagħna ma jibqax f’dik il-kundizzjoni ta’ vjolenza kawża tal-qtil tal-ħrief innoċenti fuq l-altar tal-flus, tas-suċċess, tal-karriera, tal-mibgħeda u tal-gwerra ta’ kull xorta” Talba daqsxejn tqila…Ħa ngħidha fi kliemi: Mulej, agħmel li ma jinqatlux iżjed bnedmin innoċenti…għandi f’moħħi trabi li jinqatlu qabel jitwieldu: l-Konċilju Vatikan II jgħid li l-abort huwa delitt l-aktar gravi. L-ewwelnett għaliex it-tarbija hija innoċenti u t-tieninett għaliex it-tarbija ma tistax tiddefendi ruħha. Għandi f’moħħi nies li qegħdin imutu innoċentement fil-gwerer: anki dawn huma innoċenti. Għandi f’moħħi wkoll żgħażagħ vittmi tad-droga. Iqassmugħielhom dawk li jridu jħaxxnu bwiethom minn fuq daharhom.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading