IMSEJĦIN BIEX INKUNU SOLIDALI MA’ ĦUTNA L-BNEDMIN!
Ma nafx qattx smajtu b’Father Damien ta’ Molokai…Father Damien twieled il-Belġju fit-3 ta’ Jannar 1840 u miet fil-15 t’April tal-1889. Bħala żagħżugħ ħassu msejjaħ għall-ħajja missjunarju u fil-fatt ingħaqad mal-Kongregazzjoni Reliġjuża Missjunarju tal-Qalb ta’ Ġesu’ u tal-Qalb ta’ Marija. Spiċċa missjunarju fil-Hawaii. Mela kien żmien li fih dal-pajjiż kien milqut minn ħafna mard li jittieħed, fosthom il-lebbra u biex iwaqqaf l-imxija ta’ din il-marda, ir-Re eżilja l-lebbrużi kollha fuq il-Gżira ta’ Molokai.
Minn jeddu, Father Damien iddeċieda li jmur jgħix ma’ dawn il-morda
abbandunati minn kulħadd. Bnielhom djar, skejjel, toroq, sptarijiet, kappelli u meta jmutu kien jagħtihom difna dinjituża…Kif? Billi jaħdmilhom twiebet sempliċi tal-injam u jidfinhom f’oqbra li kien iħaffer għalihom. F’waħda mill-ittri tiegħu huwa kiteb lil ħuħ u qallu: “Jien inqis lili nnifsi lebbruż mal-lebbrużi u nirbaħ lil kulħadd għal Kristu…” Fil-fatt, espost il-ħin kollu għal din il-marda, huwa laqqat il-marda tal-lebbra hu wkoll u miet fl-eta’ żgħira ta’ 49 sena. Father Damien ġie ikkanonizzat minn Papa Benedettu XVI fil-11 t’Ottubru 2009. F’ din l-okkażjoni, il-Papa qal għalih: “Father Damien huwa l-appostlu ta’ dawk morda bil-lebbra…Il-qaddes tal-Kelma (capital K) sar ukoll qaddej sofferenti, lebbruż mal-lebbrużi…” Ħa nagħmel żewġ riflessjonijiet….
L-ewwel riflessjoni: forsi tistaqsuni…Kif ftakart f’dal-qaddis Father Damien, illum li qegħdin niċċelebraw il-magħmudija tal-Mulej? Fakkarni l-ġest li għamel Ġesu’ fil-vanġelu tal-lum. Qabel xejn ħa nġibu quddiem għajnejna x-xena li jpinġielna San Mattew ftit qabel ma jirrakkuntalna dak li għadna kemm qrajna. Mela Ġwanni l-Battista qiegħed ħdejn ix-xmara Ġordan jgħammed lil dawk, li mqanqlin mill-predikazzjoni tiegħu, kienu qegħdin jindunaw li huma midinbin, iħossu l-bżonn tal-indiema u tal-maħfra t’Alla…Hawnhekk se niġu għall-ġest ta’ Ġesu’ li fakkarni f’ Damien ta’ Mololai. Ġesu’, li ma kellu ebda dnub, jidħol fil-filliera tal-midinbin u jersaq għand il-Prekursur tiegħu biex jitgħammed bħalhom. Nerġa’ ngħid, Ġesu’ jitħallat mal-massa tal-midinbin u bħalhom jissottometti ruħu għal dan ir-rit ta’ tisfija. Ġwanni li jagħrfu, jipprotesta miegħu u jgħidlu: “Jiena hu li jeħtieġ nitgħmmed minnek, u int tiġi għandi? Imma Ġesu’ jinsisti li jitgħammed u Ġwanni ħallieh jitgħammed!
Kif ħabbar Iżaija dwar dan Alla-Bniedem, Ġesu’ refa’ fuqu l-mard tagħna u tgħabba bin-niket tagħna. Għalfejn dal-ġest umli ta’ Ġesu’? Nafu li Ġesu’ wasal biex jibda l-ħajja pubblika tiegħu u għalhekk irid juri minn issa li skont il-pjan t’Alla, beħsiebu jkun Feddej solidali ma’ dawk li mhumiex sodisfatti bil-ħajja li qegħdin jgħixu; allura Feddej solidali mal-morda, kemm f’ruħhom kif ukoll f’ġisimhom. Feddej solidali mal-foqra. Feddej solidali ma’ dawk li qegħdin isofru xi tip ta’ miżerja…Fl-aħħar mill-aħħar din hija l-grammatika tal-Inkarnazzjoni, jiġifieri storikament dan kien il-mod li bih Alla għoġbu jerġa’ jgħolli lill-bniedem għad-dinjita’: ħalla lil Ibnu jitbaxxa, jiċċekken u jobdi sal-mewt anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk kienu jistħoqqulu l-kelmiet tal-Missier li nstemgħu ġejjin mis-sema hekk kif ħareġ mill-ilma. Il-Missier qal għalih: “Dan hu Ibni l-għażiż, fih sibt il-għaxqa tiegħi.” San Mattew jixhed ukoll li l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu bħal ħamiema. Ġesu’ kellu bżonn il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex kif qalilna San Pietru fit-tieni lezzjoni, “kien jgħaddi mit-toroq tal-Palestina jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan għax Alla kienu miegħu.”
It-tieni riflessjoni: ma nistgħux niċċelebraw il-festa tal-magħmudija tal-Mulej bla ma niftakru fil-magħmudija tagħna. Il-magħmudija li amministralna s-saċerdot meta konna għadna trabi hija differenti mill-magħmudija li kien qed jagħti Ġwanni l-Battista. Dik ta’ Ġwanni kienet ġest ta’ tisfija għall-maħfra tad-dnubiet. Il-magħmudija li rvevejna aħna hija ġest-sagrament. Ma nistax fi ftit ħin nagħmel katekeżi dwar il-magħmudija-sagrament. Se ngħid biss li dan is-sagrament, barra milli huwa l-muftieħ għal ħafna grazzi spiritwali fil-Knisja li waqqaf Ġesu’, jgħabbina wkoll b’diversi responsabilitajiet…fost l-oħrajn, ir-responsabilita’ li bħal Ġesu’ nkunu solidali ma’ ħutna l-bnedmin, speċjalment il-foqra, il-batuti, dawk li tilqu t-triq. Kemm qegħdin inkunu qrib tagħhom bi ħsibijietna, bis-sentimenti tagħna bi kliemna u bl-imġieba tagħna?