Rubrika Lourdes

Minn Michael Caruana

Kull xahar se nibda nkun magħkom b’tagħrif dwar is-Santwarju ta’ Lourdes.   Dan se nkun qed nagħmlu għax Lourdes baqa’ post popolari ħafna magħna l-Maltin tant li ta’ kull sena eluf iżuruh għal raġunijiet diversi. Min biex jitlob xi grazzja, min biex jirrigrazzja lill-Madonna għall-grazzja li jkun qala’, min biex jagħmel tlett ijiem, erbgħa, fil-kwiet u l-paċi u min saħansitra b’kurżità! Dan is-servizz se nkun nista’ nagħtihulkom grazzi għall-Uffiċċju Komunikazzjoni tas-Santwarju ta’ Lourdes li regolarment jaġġornani b’dak li jkun għaddej.

L-Isqof ta’ Tarbes u Lourdes, Monsinjur Jean-Marc Micas u mir-Rettur tas-Santwarju ta’ Lourdes, Patri Michel Daubanes waqt udjenza privata li kellhom mal-Papa Ljun XIV

Agħti l-appoġġ tiegħek lis-Santwarju ta’ Lourdes

…il-post tat-talb u t-tama 

Michael Caruana
Kull sena, miljuni ta’ pellegrini jmorru Lourdes biex jafdaw l-intenzjonijiet tagħhom lill-Verġni Marija. Dan il-post ta’ akkoljenza u paċi jlaqqa’ it-talb mat-tama.
Iżda ftit jafu li fit-twettiq tal-ħidma pastorali tiegħu s-Santwarju ma jirċievi l-ebda għajnuna pubblika jew appoġġ mill-Knisja fi Franza jew mill-Vatikan. Il-ħidma tiegħu tiddependi għalkollox mill-ġenerożità tal-poplu.
Kull donazzjoni tgħodd, anke l-aktar modesta, għax din tgħin biex iżżomm is-Santwarju ta’ Lourdes ħaj.
Is-Santwarju ta’ Lourdes jinkludi fost oħrajn il-għar fejn dehret il-Madonna, tliet bażiliċi, knisja u kripta u 25 kappella. Jilqa’ l-pellegrini, speċjalment dawk li jġorru s-salib tal-mard jew tad-diżabbilità u lil dawk li jakkumpanjawhom. Iħejji l-pellegrinaġġi ewlenin u jorganizza ċ-ċelebrazzjonijiet u l-purċissjonijiet li huma tant popolari f’Lourdes.
Meta tagħti donazzjoni tkun qed tappoġġja missjoni u mhux post. Ingħaqad għalhekk mal-familja kbira ta’ dawk li qegħdin iżommu s-Santwarju ta’ Lourdes ħaj jum wara ieħor.
F’Ottubru ta’ kull sena s-Santwarju jibgħat ir-rivista uffiċjali tiegħu lil kull min jagħmel donazzjoni u d-donaturi jkunu inklużi fit-talb li jsir fil-Quddiesa għall-benefatturi ċċelebrata fil-11 ta’ kull xahar fil-Bażilika Madonna tar-Rużarju.
Li tappoġġja s-Santwarju ta’ Lourdes ifisser li tagħti daqqa t’id lit-tama!

Il-Papa Ljun mistieden iżur Lourdes

Il-Papa Ljun XIV ġie mistieden jagħmel żjara pastorali f’Lourdes. L-istedina saritlu mill-Isqof ta’ Tarbes u Lourdes, Monsinjur Jean-Marc Micas u mir-Rettur tas-Santwarju ta’ Lourdes, Patri Michel Daubanes waqt udjenza privata li kellhom miegħu fil-Vatikan. Matul l-udjenza privata huma taw lill-Papa informazzjoni dwar il-missjoni tas-Santwarju llum u dwar il-proġetti futuri ewlenin tas-Santwarju.
Il-Papa Ljun diġà żar Lourdes darbtejn: f’pellegrinaġġi li pparteċipa fihom meta kellu 19 u 29 sena.

L-aħħar persuna mfejqa b’mod mirakoluż tirritorna Lourdes

L-aħħar persuna mfejqa b’mod mirakoluż irritornat Lourdes għall-ewwel darba wara l-proklamazzjoni uffiċjali tal-miraklu tal-fejqan tagħha. Antonia Raco, Taljana,  hi t-72 persuna li fieqet b’mod mirakoluż.

F’Lourdes hi ltaqgħet ma’ Dr Alessandro de Franciscis, it-Tabib Permanenti u l-President tal-Uffiċċju Mediku tas-Santwarju ta’ Lourdes, li ppreżentalha uffiċjalment il-proklamazzjoni tal-miraklu tal-fejqan tagħha. Kienu preżenti wkoll l-Isqof ta’ Tarbes u Lourdes, Monsinjur Jean-Marc Micas, ir-Rettur tas-Santwarju Patri Michel Daubanes, Professur Olivier Jonquet, il-President tal-Kumitat Mediku Internazzjonali tas-Santwarju ta’ Lourdes (CMIL) u Professur Vincenzo Silani, Professur tan-Newroloġija u speċjalista fl-Isklerożi Laterali Primarja.

L-akbar pellegrinaġġ tas-sena 2025

F’Ottubru li għadda Lourdes laqa’ l-akbar pellegrinaġġ tas-sena li għaddiet: il-117-il Pellegrinaġġ Annwali tar-Rużarju li ġabar flimkien il-familja Dumnikana.
Għal erbat ijiem, fis-Santwarju kien saru ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi kbar fl-esplanade u sessjonijiet u mumenti ta’ talb u għaqda biex b’ b’hekk dan l-avveniment sar żmien speċjali ta’ tagħlim, talb u tama.
Din is-sena, is-17,000 pellegrin li kienu jinkludu wkoll il-morda u l-ospitalieri, kienu mmexxija mill-Kardinal Jean-Paul Vesco, l-Arċisqof ta’ Alġiers. Attenda dan il-pellegrinaġġ ukoll il-Kardinal François Bustillo, l-Isqof ta’ Ajaccio.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading