Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom: ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli’. Anqas jien stess ma kont nafu, imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael”.
U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu’. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla”. Ġw 1:29-34.
- Riflessjoni/talba:
i. F’dak iż-żmien, Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja.
Ġwanni, msoffi mis-superfiċjalità:
fid-deżert tgħallem jgħarbel
dak li jagħti l-ħajja minn dak li le
mhux biss jinnota min riesaq lejh
imma jara (u jistedinna naraw) aktar fil-fond:
Alla jiġi fi stil umli, ġentili,
fil-qawwa li jieħu fuqu d-dnub li jifga:
Araw il-Ħaruf t’Alla.
Irrifletti:
• Fejn tara s-sinjali t’Alla?
ii. U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu.
Ġwanni mhux biss ra lil Ġesù
imma ħa l-ħin biex jikkontemplah,
il-ħin biex jinnota u jintmess minn dak li qed jiġri:
jara l-Ispirtu mis-sema jinżel fuqu
u miegħu il-qawwa li jagħti d-dawl lill-għomja
aħbar tajba lill-bniedem fraġli
jagħraf il-ħamiema li bagħat Noe –
wara dilluvju konsegwenza tal-ħażen –
issa tistrieħ fuq Dak li ġie jsalva l-ħolqien kollu;
u jiftakar fil-ħamiema tal-għanja tal-għanjiet
turih b’liema tenerezza
l-għarus jiġi jiltaqa’ mal-umanità.
Ġwanni jikkontempla u jieħu nifs.
Irrifletti
• Fejn waqaft tikkontempla lil Alla?
iii. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu’. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla”.
Ġwanni mhux biss jinnota u jikkontempla:
huwa jara u jemmen
bħad-dixxiplu l-maħbub quddiem il-faxex fl-għodwa tal-qawmien.
Jara u jemmen
f’Dak li ġej lejh
fi stil sempliċi ta’ profondità eterna
f’apparenza ta’ dgħufija imma b’qawwa li ma tintrebaħx:
jitgħabba bid-dnub tad-dinja
filwaqt li jimmarka bil-qdusija lil kull min jimxi warajH.
Irrifletti
• F’liema rokna ta’ ħajtek tixtieq li d-dawl jmiss id-dlam li titħabat miegħu?
- Missierna