Mill-istorja tal-Knisja Nisranija
Kitba ta’ Joe Galea
Wieħed tajjeb li jistaqsi xi klassijiet soċjali kienu l-aktar preżenti fil-Knisja tal-bidu. F’dan il-każ il-provi storiċi jistgħu jidhru skarsi, iżda mill-ftit materjal li fadal, lista ta’ nies interrogati mill-awtoritajiet, rakkonti ta’ martirju li nkitbu f’dan iż-żmien, deċiżjonijiet meħuda mill-mexxejja tal-Knisja, nistgħu nibnu stampa ftit jew wisq ċara ta’ min kienu dawn in-nies. Hawn taħt ser nagħmlu lista ta’ kategoriji u klassijiet soċjali u kif kienu preżenti fil-Knisja.

In-Nobbli/Patrizji:- Il-klassi magħrufa bħala Patrizzja jidher li fl-ewwel snin kienu ftit, minkejja l-fatt li xi kitbiet insara jsemmu l-preżenza ta’ nsara saħansitra fil-palazz tal-imperatur, dawn setgħu kienu qaddejja. Però maż-żmien kellek numru ta’ nisa minn din il-kategorija.
L-Ilsiera:- Din il-kategorija kienet kbira ħafna fl-Imperu Ruman u kien preżenti f’kull rokna ta’ l-Imperu. Minkejja li jidher li sa mill-bidu tal-Knisja kien hemm ilsiera fost l-ewwel insara, l-Knisja f’dawn iż-żminijiet ma kenitx xi moviment biex jemanċipa lil min kien f’din il-kundizzjoni, il-ħelsien nisrani kellu jkun mill-jasar tad-dnub. Barra minn hekk jidher li kien hemm numru ta’ nsara li kellhom ilsiera huma stess u ħafna minnu kienu jibqgħu pagani. Kollox ma’ kollox nistgħu ngħidu li minkejja xi eċċezzjonijiet (eż. l-Papa San Kallistu I), li l-ilsiera ma kinux xi element wisq importanti fil-Knisja tal- Bidu.
Ħaddiema sempliċi u nies tas-sengħa:- X’aktarx li kienu l-aktar element importanti, dan jixhdu għalih kittieba pagani bħal Celsus kif ukoll insara bħal Tertuljanu. Ma’ din il-kategorija rridu nżidu xi bejjiegħa żgħar.
In-nisa:- Jidher li fost l-aktar li laqgħu b’entużjażmu l-fidi nisranija kienu n-nisa. Minkejja li kellek xi padri tal-Knisja li tkellmu b’mod negattiv fuq il-mara jidher li bosta nisa fil-messaġġ nisrani raw appell sħiħ. Meta wieħed iqis li l-iskop tal-mara kien prinċipalment li tiżżewweġ (fi żwiġijiet miftiehma mill-familjari) u tinqafel fl-istruttura familjari, l-importanza sew tal-Vanġelu li jagħti lill-mara, kif ukoll l-ispazju ta’ ħidma pprovdut fil-Knisja b’mod speċjali l-għażla ta’ verġinità kkonsagrata, kienu jiġbdu lil bosta nisa, li forsi kienu fost l-aqwa missjunarji ta’ żmienhom. Dan l-aspett wasal biex mat-tielet seklu n-nisa jkunu f’xi uħud mill-knejjes il-maġġoranza tal-membri.
Il-Kriżi tat-Tielet Seklu
Bejn il-mewt ta’ l-Imperatur Marku Awrelju u t-tlugħ fit-tron ta’ Dioklezjanu l-Imperu Ruman għadda minn kriżi wara l-oħra. Gwerrer ċivili u epidemiji kbar infirxu ma’ l-imperu kollu. Ma’ dawn inżidu numru ta’ invażjonijiet minn tribujiet barbari ġejjin min-naħa tat-Tramuntana u numru ta’ gwerer qerrieda mal-Persjani.
F’dan iż-żmien ta’ inċertezza u biża’ l-istruttura organizzata tal-Knisja kif ukoll l-għajnuna li kienet tagħti lil dawk il-membri li kienu fil-bżonn waslet biex bosta jidħlubħala membri ġodda. Ir-riżultat kien li aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar l-importanza ta’ l-insara bdiet tidher hekk kif żdiedu l-persekuzzjonijiet kif ukoll il-kitbiet kontrihom. Issa l-insara vera kienu għadhom minoranza iżda l-preżenza tagħhom bdiet tinħass aktar minn qatt qabel.
Aktar kitbiet minn Joe Galea dwar l-Istorja tal-Knisja … https://laikosblog.org/jb_storja_knisja_kristjanezmu/