Messaġġ tal-Papa Ljun XIV waqt l-Angelus tas-6 Ħadd matul is-Sena

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 15 ta’ Frar, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-lum inkomplu nisimgħu parti “mid-diskors tal-muntanja” (cfr (Mt 5,17-37).  Wara li ħabbar il-Beatitudnijiet, Ġesù jistedinna biex nidħlu fil-fond tan-novità tas-Saltna t’Alla.  Biex jiggwidana f’dil-mixja, jurina l-veru tifsira tal-preċetti tal-Liġi ta’ Mosè:  dawn mhumiex qiegħdin hemm biex jissodisfaw xi bżonn reliġjuż esterjuri ħalli nħossuna f’postna quddiem Alla, iżda biex idaħħluna f’relazzjoni ta’ mħabba ma’ Alla u ma’ ħutna.  Għalhekk Ġesù jgħid li ma ġiex biex iwaqqa’ l-Liġi, “imma biex iwassalha għall-milja tagħha” (v. 17)

Il-milja tal-Liġi hi propju l-imħabba, li titwettaq it-tifsira profonda u l-iskop aħħari tagħha.  Ifisser li “nakkwistaw ġustizzja superjuri” (cfr v. 20) għal dik tal-iskribi u l-fariżej, ġustizzja li mhix limitata għall-osservanza tal-kmandamenti, imma ġustizzja li tiftaħna għall-imħabba u ta’ impenn għall-imħabba.  Infatti, Ġesù jieħu bħala eżempju propju xi preċetti tal-Liġi b’riferiment għal każi konkreti tal-ħajja, u juża forma lingwistika – l-antinomji – propju biex juri d-differenza bejn il-ġustizzja reliġjuża formali u l-ġustizzja tas-Saltna t’Alla: min-naħa: “Smajtu x’intqal” u mill-oħra Ġesù jafferma “Imma jien ngħidilkom” (cfr vv. 21-37).

Din hi impostazzjoni importanti ħafna. Tgħidilna li l-Liġi ingħatat lil Mosè u lill-profeti bħala triq biex jibdew jagħrfu min hu Alla u l-proġett tiegħu għalina u għall-istorja, jew, biex nuża sentenza minn San Pawl, issa li ġiet il-Liġi ma neħtiġux aktar min imexxina (cfr Gal 3, 23-25).  Issa huwa Hu stess, fil-persuna ta’ Ġesù, li ġie fostna u wassal il-Liġi għall-milja tagħha, għamilna wlied il-Missier u tana l-grazzja li nidħlu f’relazzjoni miegħu bħala ulied u bħala aħwa bejnietna.

Ħuti, Ġesù jgħallimna li l-veru ġustizzja hi l-imħabba u li, f’kull preċett tal-Liġi għandna nsibu esiġenza ta’ mħabba.  Infatti, mhux biżżejjed li ma toqtolx fiżikament lil xi ħadd jekk imbagħad toqtol b’ilsienek, jew billi tonqos mir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna (cfr vv. 21-22).  Bl-istess mod mhux biżżejjed li tkun fidil lejn martek/żewġek formalment u ma tagħmilx adulterju jekk fir-relazzjoni hemm nieqsa t-tenerezza reċiproka, is-smigħ, ir-rispett, il-kura ta’ xulxin u l-mixja flimkien fi proġett komuni għall-koppja (cfr vv. 27-28.31-32). Flimkien ma’ dawn l-eżempji li joffrielna Ġesù nnifsu nistgħu nżidu oħrajn.  L-Evanġelju joffrielna dan it-tagħlim prezzjuż: ġustizzja minima mhix biżżejjed, għandna bżonn imħabba kbira li hi possibbli  biss bil-grazzja tal-qawwa t’Alla.

Ninvokaw flimkien lill-Verġni Marija li tat ‘il Kristu lid-dinja, Hu li wassal għall-milja l-Liġi u l-proġett tas-salvazzjon: Hi tinterċedi għalina, tgħinna nidħlu fil-loġika tas-Saltna t’Alla u ngħixu s-sejħatiegħu għall-ġusitzzja.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

jien qrib il-popolazzjoni tal-Madagaskar li f’temp ta’ ftit żmien intlaqtet minn żewġ ċikluni, għarar u valangi.  Nitlob għall-vittmi u għall-familjari tagħhom u għal kulmin ġarrab ħafna ħsara.

Fil jiem li ġejjin jaħbat il-bidu tas-sena tal-qamar li jkun iċċelebrat minn biljuni ta’ persuni fl-Asja tal-lvant u fi nħawi oħra tad-dinja.  Jalla dil-festa ta’ ferħ tkun ta’ inkoraġġiment biex ir-relazzjonijiet familjari u l-ħbiberija jingħexu b’intensità akbar; jalla ġġib is-serenità fid-djar u fis-soċjetà; jalla tkun okkażjoni biex kuħadd flimkien iħares lejn il-ġejjieni bl-għan li jġib il-paċi u l-propserità għall-popli kollha.  Bl-awguri għas-sena l-ġdida, nesprimi l-għożża tiegħi għal kulħadd, filwaqt li ninvoka fuq kulħadd il-barka tal-Mulej.

B’hena nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini, partikolarment lill-fidili mill-parroċċa ta’ San Lorenzo de Cadice, fi Spanja, u lil dawk li ġew mir-reġun tal-Marche.  Nagħti merħba lill-istudenti u l-professuri tal-All Saints Catholic School minn Sheffield u tat-Thornleigh Salesian College minn Bolton, l-Ingilterra, mill-iskola ta’ Vila Paouca di Aguiar, fil-Portugall, lill-Colegio Altasierra minn Sivilja u mill-iskola “Edith Stein” minn Schillingfürst, il-Ġermanja.

Insellem lill-parteċipanti tal-Konvenju nazzjonali tal-Moviment Studenti Kattoliċi FIDAE; lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Almenno San Salvatore u lil dawk minn Lugo, Rosaro, Stallavena u Alcenago; lit-tfal tal-iskola “San Giuseppe” minn Bassano del Grappa u lil dawk mill-istitut Sależjan “Sant’Ambrogio” minn Milan; lill-adoloxxenti minn Petosino u liż-żgħażagħ minn Solbiate u Cagno.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading