Velja ta’ talb għar-Randan u Ċelebrazzjoni ta’ Qima lis-Salib Imqaddes

“Ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-Salib ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Gal 6:14)

L-EWWEL MUMENT

           FID-DALMA TA’ PAWLU

Ambjentazzjoni.

Il-mantari tagħhom għattewli wiċċi:

kien f’dak il-mument li jien ma bqajt nara xejn aktar.

Smajt l-għajat tagħhom, ħassejt l-għagħa tal-folla, il-qawwa mortali tar-rabja, it-tisfir vjolenti tal-ġebel imwaddab kontra dak l-innoċenti.

Ftit qabel il-wiċċ kollu dawl tiegħu u l-ħarsa ta’ għajnejh kienu ffissati jħarsu lejn is-sema, biex jara dak li jien ma stajtx nilmaħ.

Stiefnu kien qalibli ħajti ta’ taħt fuq u ċajparli l-ħarsa ta’ qalbi.

Il-mewt u d-demm tiegħu saru qishom mewġa li tagħmi,

li qallbitli ħajti kollha li, sa dak il-mument,

kienet mogħtja għall-qerda tad-dixxipli tat-Triq, tal-Insara.

Kellhom jinqatlu jew jinqalbu fil-ħabs

dawk id-dixxipli mġienen tar-raġel imsallab,

li ppretenda li hu l-Messija, Iben Alla l-Għoli.

Imrobbi kif kont fil-ħarsien strett tal-Liġi,

ma kontx niflaħ għal dak it-tagħlim ġdid,

tagħlim ta’ mħabba, ta’ maħfra, ta’ ħniena.

Hekk beda l-vjaġġ tiegħi fid-dlam tal-mibegħda.      (ara Atti 7)

Aħna ninsabu fid-dlam,

u l-għajnejn tar-ruħ ma jinfetħux għall-grazzja tad-dawl veru.

Niġġerrew fost vjolenza, indifferenza u egoiżmu,

u, bħal Pawlu, aħna wkoll ninsabu mgħaddsa fid-dlam.

Nixtiequ nduru lejk mill-ġdid, Mulej.

Nerfgħu talbna lejk biex int tixgħel mill-ġdid id-dawl tagħna.

Mulej,

nagħrfu li aħna nies vjolenti.

Fid-dinja tagħna jaħkem il-biża’,

m’għadx fadal rispett għall-ħajja tal-oħrajn,

ta’ min għandu ideat differenti minn tagħna,

ta’ min għandu l-ġilda b’kulur differenti minn tagħna.

Wasalna biex neqirdu l-ħajja fit-tnissil tagħha

u noqtlu lil dawk li nħossuhom żejda.

Il-gwerer u l-oppressjoni ma jieqfu qatt.

Jekk naħsbu li l-vjolenza jagħmilha biss ħaddieħor

inkunu qed ninsew malajr kemm il-kliem u l-ġesti tagħna

kapaċi joffendu u jweġġgħu għall-mewt.

Mulej, ikollok ħniena minna.

Mulej,

nagħrfu li aħna nies indifferenti.

Ma nafux nirrispettaw il-ħolqien, don tiegħek,

la nħammġu bla ħniena.

M’għadniex kapaċi nieqfu nistagħġbu

quddiem is-sinjali ta’ sbuħija u tjubija mxerrda fid-dinja.

Lanqas il-Vanġelu tiegħek m’għadu jsaħħarna,

tant kemm aħna għomja u torox quddiem is-sinjali tal-preżenza tiegħek.

Magħluqa fina nfusna,

ma nindunawx b’min jinsab maġenbna:

ma nagħtux kas tal-problemi u l-ħtiġijiet tiegħu,

ma jimpurtaniex minn dak li jħoss;

l-importanti li nħossu l-kuxjenza f’postha,

konvinti li m’għamilna xejn ħażin.

Mulej, ikollok ħniena minna.

Mulej,

nagħrfu li aħna nies egoisti,

nixtiequ biss għalina,

irridu naħkmu ħwejjeġ u persuni,

nixtiequ nkunu għonja u potenti.

Tinteressana biss il-loġika tal-qligħ,

togħġobna r-riħa tal-flus u tas-suċċess,

u nsejna l-fwieħa tal-ġenerożità u tal-għoti b’xejn.

Ta’ spiss għandna l-bibien magħluqa

għal min jitlobna komprensjoni u maħfra,

u nwarrbu l-anzjan u l-marid għax ma jħalliniex bi kwietna.

Mulej, ikollok ħniena minna.

Imma fil-qofol tal-karriera tiegħi ta’ persekutur,

meta x-xewqat ta’ vendetta kienu jbaqbqu f’qalbi,

fit-triq ta’ Damasku,

f’daqqa waħda waqa’ fuqi l-abbiss tad-dawl

li qatt qabel ma kont ħassejt…

Kien f’dak il-mument li sibt ruħi wiċċ imb’wiċċ mad-Dawl.            (ara Atti 22:3-16)


IT-TIENI MUMENT

           FID-DAWL TA’ KRISTU

Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu,

Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ.

Hu jfarraġna fl-hemm kollu tagħna.   (2 Kor 1:3-4)

Għeżież, Sawl il-persekutur, fl-eqqel tad-dalma tiegħu, meta kien wasal f’xifer ta’ rdum, iltaqa’ mal-Feddej.  Il-Mulej iltaqa’ miegħu fid-dija tad-dawl u fil-qawwa tal-leħen tiegħu.  F’din il-velja ta’ talb, fil-bidu tar-Randan, bis-sinjali tad-dawl, tal-Kelma u tas-Salib, ejjew, flimkien ma’ San Pawl, infaħħru lil Alla għad-don tas-salvazzjoni.  Ngħollu t-tifħir tagħna lil Alla Missier u Ħallieq u nilqgħu d-don tad-dawl u tal-Kelma.

Innu ta’ TIFĦIR lill-ĦALLIEQ tad-DAWL

Missier qaddis, int waħdek Alla, ħaj u veru,

qabel kull żmien u tibqa’ għal dejjem,

u tgħammar f’dawl fejn ħadd ma jista’ jersaq.

Int waħdek tajjeb u għajn tal-ħajja,

u tajt il-bidu lil kulma jeżisti. (ara Prefazju tat-Talba Ewkaristika IV)

Il-Kelma tiegħek li tagħti l-ħajja

dwiet fost id-dlamijiet tal-baħħ fil-bidu tal-ħolqien;

il-leħen ħallieq tiegħek għamel ix-xemx, sabiħa u tiddi,

li bid-dija kbira tagħha tferraħ l-istaġuni;

il-qamar u l-kwiekeb, ċari, prezzjużi u sbieħ,

li jdawlu l-iljieli tagħna;

il-fjamma tan-nar, sħun u ferrieħi,

li jfarraġ il-bniedem u d-dar tiegħu.           (ara Il-Kantiku ta’ Oħtna x-Xemx)

Dan kollu int għamiltu

biex timlihom b’kull barka

u thennihom bid-dija tad-dawl tiegħek.

(ara Prefazju tat-Talba Ewkaristika IV)

Id-dawl kien tajjeb u inti fridtu mid-dlam,    (ara Ġen 1:4)

u f’dak id-dawl tal-Ġenna ħlaqt ir-raġel u l-mara

biex ikunu s-sidien tal-jum.

Imma ġie dak li jgħammar fid-dlam

u għandu s-setgħa tad-dlamijiet.

Ir-raġel u l-mara ċedew għat-tentazzjoni

– isiru bħal Alla, ħallieq tad-dawl –,

u hekk sabu ruħhom fid-dlamijiet tad-dnub u tal-mewt.        (ara Ġen 3)

Meta l-bniedem ma qagħadx għar-rieda tiegħek

u tilef il-ħbiberija miegħek,

int ma tlaqtux fil-jasar tal-mewt,

imma ħennejt u waqaft ma’ kulħadd,

biex kulmin ifittxek isibek.  (ara Talba Ewkaristika IV)

Meta waslet il-milja taż-żminijiet,

int bgħattilna lill-isbaħ fost ulied il-bnedmin,  (ara Salm 45:3)

Alla minn Alla, dawl minn dawl,

Alla veru minn Alla veru,       (ara Simbolu ta’ Nicea-Kostantinopli)

l-Iben tiegħek Ġesù,

il-Kewkba tiddi ta’ filgħodu, l-imħabba bla tmiem,

imnissel fil-ġuf l-aktar safi tal-Verġni Marija,

Għodwa Mistika li bl-“iva” tagħha

ħabbret minn qabel “iż-żjara tax-xemx tielgħa,

biex iddawwal lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet

u fid-dell tal-mewt”.   (ara Lq 1:78b-79)

“Dawl biex idawwal il-ġnus

u glorja tal-poplu tiegħek Israel”, (ara Lq 2:32)

Kristu Ibnek, li fil-ħajja tiegħu fuq l-art

għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq

lil dawk li kienu lsiera tal-ħażen. (ara Prefazju tal-Komun VIII)

Lill-imwieled agħma tah id-dawl;

lil ħabibu Lazzru, imqajjem mill-mewt,

il-ferħ li jara mill-ġdid ix-xemx;

lill-adultera d-dehra tal-ħniena.

Anki meta d-dlamijiet tal-mibegħda kienu madwaru

u l-vjolenza tal-bniedem ingrat sammritu mas-Salib,

il-wiċċ tiegħu sfigurat mit-tbatija

baqa’ jarmi fid-dinja d-dawl tal-imħabba,

biex isseħħ l-Iskrittura:

“Meta nkun merfugħ mill-art niġbed il-bnedmin kollha lejja”. (ara Ġw 12:32)

Imqajjem u merfugħ fuq il-lemin tiegħek, Missier,

Kristu l-Mulej ma jħallix waħidha l-għarusa tiegħu, il-Knisja.

L-Ispirtu Paraklitu, raġġ tad-dawl,

li ġie għalina mis-Sema, imexxina fl-istorja.

Hu l-Konsolatur perfett, dawl tal-qlub,

dawl hieni li jinfed fil-fond il-qlub tal-fidili  (ara Sekwenza ta’ Pentekoste)

u jibgħathom fid-dinja.

Alla hu dawl u ebda dlam ma hemm fih.

Jekk ngħidu li aħna mseħbin miegħu

imma nimxu fid-dlam,

inkunu qegħdin nigdbu u ma nagħmlux il-verità.

Iżda jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess,

aħna nissieħbu flimkien,

u d-demm ta’ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub.   (ara 1 Ġw 1:5-7)

F’daqqa waħda dawl kbir mis-sema idda madwari;

waqajt fl-art u smajt leħen…  (ara Atti 22:6)

Intronizzazzjoni tal-Kelma

Glorja lilek, Kelma ħajja!

Glorja lilek, Verb ta’ Alla!  Kristu Mgħallem, Kristu l-Mulej!

Mulej tad-dawl,

fis-skiet ta’ din il-velja tar-Randan

aħna rroddulek ħajr għad-dawl li jirbaħ id-dlam,

u nitolbuk sabiex il-grazzja tiegħek

tirbaħ dejjem id-dnub li jjassarna,

sabiex, imsoffija u maħfura,

inkunu nistgħu nikkontemplaw it-twettiq tal-Għid.

Bi Kristu Sidna.

Akklamazzjoni tal-Vanġelu

Glorja lilek, Kelma ħajja!

Glorja lilek, Verb ta’ Alla!  Kristu Mgħallem, Kristu l-Mulej!

Qari mill-Evanġelju skond San Mark (10:46-52)

Hu u ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq.  Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazareth, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”.  Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.  Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”.  Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb!  Qum, qiegħed isejjaħlek”.  Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.  U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”.  “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma.  “Mur”, qallu Ġesù, “il-fidi tiegħek fejqitek”.  U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

Il-Kelma tal-Mulej.

It-tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni taċ-Ċelebrant


IT-TIELET MUMENT

XANDARA TAS-SALIB TA’ KRISTU

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin (1:17-25)

Ħuti, Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda biex inxandar l-Evanġelju, mhux bi kliem l-għerf, sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu.  Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta’ Alla.  Bħalma hu miktub:

“Neqred l-għerf tal-għorrief; inwarrab id-dehen tad-dehnin”.

Fejn hu l-għaref?  Fejn hu l-iskriba?  Fejn hu l-filosfu ta’ din id-dinja?  Forsi Alla ma bellahx l-għerf tad-dinja?  U billi, fl-għerf ta’ Alla, id-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla, Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha tal-predikazzjoni.  Għax il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi; iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud, sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla.  Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin.

Il-Kelma tal-Mulej.

Irroddu ħajr lil Alla.

Nitolbu.

Alla qaddis, li ridt issalva l-bnedmin

bis-Salib ta’ Ġesù Ibnek,

agħti lill-Knisja tiegħek li tilqa’ kull prova

bħala sehem fit-tbatijiet ta’ Kristu,

u l-bnedmin jaraw jidher fl-istorja

s-sinjal ta’ Bin il-bniedem:

is-Salib tas-salvazzjoni u l-barka.

Bi Kristu Sidna.

Amen.

Nikkontemplaw is-Salib tiegħek, Mulej,

siġra ta’ salvazzjoni eterna,

int li żżomm l-univers kollu.

Aħna nxandru Kristu msallab,

qawwa ta’ Alla u għerf ta’ Alla.                 

(ara 1 Kor 1:23-24)

Is-Salib hu d-dell tagħna fl-għomma,

ikel għall-ġuħ tagħna, għajn għall-għatx tagħna.

Aħna nxandru Kristu msallab,

qawwa ta’ Alla u għerf ta’ Alla.                  (ara 1 Kor 1:23-24)

Is-Salib hu mantar li jaħbi l-għajb tagħna,

hu qawwa fid-dgħufija tagħna,

għerf ta’ Alla fil-bluha tagħna.

Aħna nxandru Kristu msallab,

qawwa ta’ Alla u għerf ta’ Alla.                  (ara 1 Kor 1:23-24)

Is-Salib hu sostenn meta nkunu ħa naqgħu,

tarka fil-ġlied tagħna,

stendard tar-rebħa tagħna.

Aħna nxandru Kristu msallab,

qawwa ta’ Alla u għerf ta’ Alla.                  (ara 1 Kor 1:23-24)

Is-Salib hu siġra merfugħa bejn l-art u s-sema,

iħaddan l-umanità kollha,

sa minn dejjem fil-misteru ta’ Alla.

Aħna nxandru Kristu msallab,

qawwa ta’ Alla u għerf ta’ Alla.                  (ara 1 Kor 1:23-24)

Mulej Ġesù, li fuq is-salib għidt:

“Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”,

agħtina l-maħfra tiegħek.

Mulej Ġesù, li fuq is-salib għidt:

“Illum tkun miegħi fil-Ġenna”,

ħejji post għalina fis-saltna tiegħek.

Mulej Ġesù, li fuq is-salib għidt:

“Ara ommok”, u lil ommok, “Ara ibnek”,

ikkonferma l-Knisja tiegħek bħala omm ta’ kulmin jemmen.

Mulej Ġesù, li fuq is-salib għidt:

“Għandi l-għatx”,

agħti lilna wkoll l-għatx għal Alla l-ħaj.

Mulej Ġesù, li fuq is-salib għidt:

“Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”,

agħmilna kapaċi nissaportu s-skiet ta’ Alla.

Mulej Ġesù, li fuq is-salib għidt:

“Kollox mitmum”,

agħtina li nwettqu l-vokazzjoni tagħna sal-mewt.

Mulej Ġesù, li fuq is-salib għidt:

“Missier, nerħi ruħi f’idejk”,

għallimna nintelqu f’Alla fis-siegħa tal-mewt tagħna.

Barka u Mandat tal-Paċi

Ċelebrant        Il-Mulej magħkom.

Iberikkom Alla li jista’ kollox,

† il-Missier, † l-Iben, † u l-Ispirtu s-Santu.

Kant tal-aħħar

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading