LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 18 ta’ Frar 2026
Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. II. Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium. 1. Il-misteru tal-Knisja, sagrament tal-għaqda ma’ Alla u tar-rabta tal-ġeneru uman kollu
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Il-Konċilju Vatikan II, li lid-dokumenti tiegħu qed niddedikaw dawn il-katekeżijiet, meta ried jiddeskrivi lill-Knisja ra li qabelxejn ifisser fejn hi taf l-oriġni tagħha. Biex jagħmel dan, fil-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, approvata fil-21 ta’ Novembru 1964, issellef mill-Ittri ta’ San Pawl it-terminu “misteru”. Bl-għażla ta’ kelma bħal din hu ma riedx jgħid li l-Knisja hi xi ħaġa mudlama jew li ma tistax tinftiehem, kif xi drabi b’mod komuni nifhmu meta nisimgħu titlissen il-kelma “misteru”. Eżattament bil-maqlub: fil-fatt, meta San Pawl juża din il-kelma, fuq kollox fl-Ittra tiegħu lill-Efesin, hu jrid juri realtà li qabel kienet moħbija u issa ġiet irrivelata.
Dan huwa l-pjan ta’ Alla li għandu għan: li jiġbor flimkien lill-ħlejjaq kollha grazzi għall-azzjoni rikonċiljatriċi ta’ Ġesù Kristu, azzjoni li twettqet fil-mewt tiegħu fuq is-salib. Dan narawh qabelxejn fil-ġemgħa miġbura għaċ-ċelebrazzjoni liturġika: hemm id-differenzi huma relativizzati, dak li jgħodd hu li nkunu flimkien għax miġbuda mill-Imħabba ta’ Kristu, li ġarraf il-ħajt li kien jifred il-persuni u l-gruppi soċjali (ara Efes 2:14). Għal San Pawl il-misteru hu l-manifestazzjoni ta’ dak li Alla ried iwettaq għall-umanità sħiħa u nsiru nafuh f’esperjenzi lokali, li naqra naqra jitwessgħu sa ma jinkludu lill-bnedmin kollha u saħansitra lill-ħolqien.
Il-qagħda tal-umanità hi tifrik li l-bnedmin mhumiex kapaċi jsewwu, imqar jekk it-tensjoni lejn l-għaqda tgħammar fil-qalb tagħhom. F’din il-qagħda tidħol l-azzjoni ta’ Ġesù Kristu, li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, jegħleb fuq il-qawwa tal-firda u fuq Dak stess li jifred u jaqsam. Li nkunu flimkien biex niċċelebraw, għax emminna fit-tħabbira tal-Vanġelu, dan ngħixuh bħala attrazzjoni li nsibu fis-salib ta’ Kristu, li hu l-ogħla manifestazzjoni tal-imħabba ta’ Alla; ifisser li nħossuna msejħa flimkien minn Alla: għalhekk jintuża t-terminu ekklesía, jiġifieri ġemgħa ta’ persuni li jagħrfu li huma msejħa flimkien. Mela hawn insibu ċerta koinċidenza bejn dan il-misteru u l-Knisja: il-Knisja hija l-misteru li jsir perċepibbli.
Din is-sejħa flimkien, proprju għax jagħmilha Alla, xorta waħda ma tistax tillimita ruħha għal grupp ta’ persuni, imma hi ddestinata li ssir esperjenza tal-bnedmin kollha. Għalhekk il-Konċilju Vatikan II, fil-ftuħ tal-Kostituzzjoni Lumen gentium, jafferma dan: “Il-Knisja hija, fi Kristu, bħal sagrament jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-unità tal-ġens tal-bnedmin kollu” (n. 1). Bl-użu tat-terminu “sagrament” u l-ispjegazzjoni li tingħata tiegħu wara, irid jindika li l-Knisja hi fl-istorja tal-bnedmin espressjoni ta’ dak li Alla jrid iwettaq; għalhekk, meta nħarsu lejha, b’xi mod nifhmu l-qies tal-pjan ta’ Alla, il-misteru: f’dan is-sens il-Knisja hi sinjal. Barra minn hekk, mat-terminu “sagrament” jiżdied ukoll dak ta’ “strument”, proprju biex juri li l-Knisja hi sinjal attiv. Fil-fatt, meta Alla jaħdem fl-istorja, huwa jinvolvi fl-attività tiegħu l-persuni li huma destinatarji tal-azzjoni tiegħu. Huwa permezz tal-Knisja li Alla jilħaq l-għan li jiġbor il-persuni f’għaqda miegħu u jorbothom bejniethom.
L-għaqda ma’ Alla ssib ir-rifless tagħha fl-għaqda bejn il-bnedmin. Din hi l-esperjenza ta’ salvazzjoni. Mhux ta’ b’xejn li fil-Kostituzzjoni Lumen gentium fil-kapitlu VII, iddedikat lill-karattru eskatoloġiku tal-Knisja pellegrina, fin-n. 48, tintuża mill-ġdid id-deskrizzjoni tal-Knisja bħala sagrment, bl-ispeċifikazzjoni “tas-salvazzjoni”: “Kristu” – jgħid il-Konċilju – meta ntrefa’ mill-art, ġibed il-bnedmin kollha lejh (ara Ġw 12:32 gr); meta qam mill-imwiet (ara Rum 6:9) bagħat fuq id-dixxipli tiegħu l-Ispirtu tiegħu li jagħti l-ħajja u li bih bena l-ġisem tiegħu, jiġifieri l-Knisja, bħala s-sagrament tas-salvazzjoni għal kulħadd. Mil-leminija tal-Missier, fejn hu qiegħed, huwa jaħdem bla heda fid-dinja biex iwassal il-bnedmin fil-Knisja, u permezz tagħha jgħaqqadhom iżjed bis-sħiħ, jgħajjixhom b’Ġismu u b’Demmu u jagħtihom sehem mill-ħajja glorjuża tiegħu”.
Dan it-test jgħinna nifhmu r-relazzjoni bejn l-azzjoni ta’ għaqda tal-Għid ta’ Ġesù, li hu l-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien, u l-identità tal-Knisja. Fl-istess waqt jagħmilna grati li nagħmlu parti mill-Knisja, ġisem ta’ Kristu rxoxt u poplu wieħed ta’ Alla pellegrin fl-istorja, li jgħix bħala preżenza li tqaddes qalb umanità li għadha mfarrka, bħala sinjal effikaċi ta’ għaqda u rikonċiljazzjoni fost il-popli.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard