Komunjoni – Parteċipazzjoni – Missjoni

FRANĠISKU
IS-XVI-IL ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA
TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

Lejn Knisja Sinodali:
komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni

Dokument finali

Taqsiriet

AA                  Konċilju Vatikan II, Digriet Apostolicam actuositatem (18 novembre 1965)

AG                  Konċilju Vatikan II, Digriet Ad gentes (7 ta’ Diċembru 1965)

AL                   Franġisku, Eżortazzjoni Appostolika Amoris lætitia (19 ta’ Marzu 2016)

CCC                Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

CCEO              Codex Canonum Ecclesiarum Orientalium (18 ta’ Ottubru 1990)

CD                   Konċilju Vatikan II, Digriet Christus Dominus (28 ta’ Ottubru 1965)

CIC                  Codex Iuris Canonici (25 ta’ Jannar 1983)

CTI                  Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, La sinodalità nella vita e nella missione della Chiesa (2 ta’ Marzu 2018)

CV                   Benedittu XVI, Ittra Enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009)

DD                  Franġisku, Ittra Appostolika Desiderio desideravi (29 ta’ Ġunju 2022)

DN                  Franġisku, Ittra Enċiklika Dilexit nos (24 ta’ Ottubru 2024)

DTC                Is-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Dokument ta’ ħidma għat-tappa kontinentali (27 ta’ Ottubru 2022)

DV                  Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Dei Verbum (18 ta’ Novembru 1965)

EC                   Franġisku, Eżortazzjoni Appostolika Episcopalis communio (15 ta’ Settembru 2018)

EG                  Franġisku, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013)

EN                  San Pawlu VI, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975)

FT                   Franġisku, Ittra Enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020)

GS                   Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et spes (7 ta’ Diċembru 1965)

LG                  Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964)

LS                   Franġisku, Ittra Enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015)

MC                  San Pawlu VI, Eżortazzjoni Appostolika Marialis cultus (2 ta’ Frar 1974)

NMI                San Ġwanni Pawlu II, Ittra Appostolika Novo millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001)

PE                   Franġisku, Kostituzzjoni Appostolika Prædicate Evangelium (19 ta’ Marzu 2022)

SC                   Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium (4 ta’ Diċembru 1963)

SRS                 San Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987)

UR                   Konċilju Vatikan II, Digriet Unitatis redintegratio (21 ta’ Novembru 1964)

UUS                San Ġwanni Pawlu II, Ittra Enċiklika Ut unum sint (25 ta’ Mejju 1995)

Nota ta’ akkumpanjament
tal-Qdusija Tiegħu Franġisku

Fid-diversi mumenti tal-mixja tas-Sinodu msejjaħ minni f’Ottubru 2021 tajna widen għal dak li f’dan iż-żmien l-Ispirtu s-Santu qed jgħid lill-Knejjes.

Id-Dokument finali tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet jiġbor il-frott ta’ mixja mmarkata mis-smigħ tal-Poplu ta’ Alla u mid-dixxerniment tar-Ragħajja. Hija u tħalli l-Ispirtu s-Santu jdawwalha, il-Knisja kollha ġiet imsejħa taqra l-esperjenza tagħha u tgħarbel x’passi trid tmidd biex tgħix il-komunjoni, twettaq il-parteċipazzjoni u sseddaq il-missjoni li fdalha Ġesù Kristu. Il-mixja sinodali, li bdiet fil-Knejjes lokali, imbagħad għaddiet mill-fażijiet nazzjonali u kontinentali, biex waslet għaċ-ċelebrazzjoni tal-Assemblej Sinodali tal-Isqfijiet fiż-żewġ sessjonijiet ta’ Ottubru 2023 u Ottubru 2024. Issa l-mixja tkompli fil-Knejjes lokali u fil-gruppi tagħhom, b’attenzjoni għad-Dokument finali li fis-26 ta’ Ottubru li għadda ġie vvutat u approvat mill-Assemblea fil-partijiet kollha tiegħu. Jiena wkoll approvajtu u, bil-firma tiegħi, ordnajt li jiġi ppubblikat, u sseħibt mal-“aħna” tal-Assemblea li, permezz tad-Dokument finali, tindirizza l-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla.

Fl-għarfien tal-valur tal-mixja sinodali mwettqa, issa qed nafda f’idejn il-Knisja kollha l-indikazzjonijiet li hemm fid-Dokument finali, bħala restituzzjoni ta’ dak li mmatura matul dawn is-snin, permezz tas-smigħ u d-dixxerniment, u bħala orjentament awtorevoli għall-ħajja u l-missjoni tagħha.

Id-Dokument finali jagħmel parti mill-Maġisteru ordinarju tas-Suċċessur ta’ Pietru (ara EC 18 § 1; CCC 892) u bħala tali nitlob li jiġu milqugħ. Jirrappreżenta għamla ta’ taħriġ tat-tagħlim awtentiku tal-Isqof ta’ Ruma li għandu karatteristiċi ġodda imma li fil-verità jikkorrispondi ma’ dak li kelli l-opportunità nippreċiża fis-17 ta’ Ottubru 2015, meta affermajt li s-sinodalità hija l-qafas interpretattiv adegwat biex nistgħu nifhmu l-ministeru ġerarkiku.

Dakinhar li approvajt id-Dokument, fis-26 ta’ Ottubru li għadda, għidt li dan “mhuwiex strettament normattiv” u li “l-applikazzjoni tiegħu se jkollha bżonn ta’ bosta medjazzjonijiet”. Dan ma jfissirx li ma jimpenjax sa minn issa lill-Knejjes biex jagħmlu għażliet koerenti ma’ dak li hemm indikat fih. Il-Knejjes lokali u l-gruppi tal-Knejjes issa huma msejħin jattwaw, fid-diversi kuntesti, l-indikazzjonijiet awtorevoli li hemm fid-Dokument, permezz tal-proċessi ta’ dixxerniment u ta’ deċiżjonijiet previsti mid-Drittu u mid-Dokument innifsu. Żidt ukoll li “hemm bżonn taż-żmien biex naslu għal għażliet li jinvolvu l-Knisja kollha”: dan jgħodd b’mod partikulari għat-temi fdati lill-għaxar gruppi ta’ studju, li magħhom jistgħu jiżdiedu oħrajn, fid-dawl tad-deċiżjonijiet meħtieġa. Il-konklużjoni tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet mhix qed tagħlaq il-proċess sinodali.

Intenni hawn b’konvinzjoni dak li indikajt fi tmiem il-mixja sinodali artikolata li wasslet għall-promulgazzjoni tal-Amoris lætitia (19 ta’ Marzu 2016): “Mhux id-diskussjonijiet duttrinali, morali jew pastorali kollha jistgħu jissolvew b’interventi tal-Maġisteru. Naturalment, fil-Knisja hemm bżonn ta’ għaqda fid-duttrina u fil-prassi, imma dan ma jżommniex milli nħaddmu diversi modi ta’ interpretazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-duttrina jew ta’ ċerti konsegwenzi li joħorġu minnha. Dan jibqa’ jseħħ sa ma l-Ispirtu jwassalna għall-verità kollha (ara Ġw 16:13), jiġifieri meta jdaħħalna b’mod perfett fil-misteru ta’ Kristu u hekk inkunu nistgħu naraw kollox bl-għajnejn tiegħu. Barra minn hekk, f’kull pajjiż u reġjun jistgħu jitfittxew soluzzjonijiet li joqogħdu iktar għall-kultura tal-post, attenti għat-tradizzjonijiet u l-isfidi lokali” (AL 3).

Id-Dokument finali fih indikazzjonijiet li, fid-dawl tal-orjentamenti fundamentali tiegħu, diġà issa jistgħu jintlaqgħu fil-Knejjes lokali u fil-gruppi tal-Knejjes, waqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh id-diversi kuntesti, dak li diġà sar u dak li baqa’ xi jsir biex nagħrfu u niżviluppaw dejjem aħjar l-istil proprju tal-Knisja sinodali missjunarja.

F’ħafna każi jfisser li nagħtu attwazzjoni effettiva lil dak li diġà hu previst mid-Drittu bħalissa, Latin u Orjentali. F’każijiet oħra nistgħu nipproċedu, permezz ta’ dixxerniment sinodali u fil-qafas tal-possibbiltajiet indikati mid-Dokument finali, lejn l-attivazzjoni kreattiva ta’ għamliet ġodda ta’ ministerjalità u ta’ azzjoni missjunarja, waqt li nesperimentaw u nqiegħdu l-esperjenzi taħt il-lenti tal-verifika. Fir-relazzjoni prevista għall-visita ad limina kull isqof għandu jieħu ħsieb isemmi liema għażliet saru fil-Knisja lokali fdata lilu f’rabta ma’ dak li hu indikat fid-Dokument finali, liema diffikultajiet inqalgħu, u x’kien il-frott.

Il-ħidma li takkumpanja l-“fażi tal-attwazzjoni” tal-mixja sinodali, skont l-orjentamenti offruti mid-Dokument finali, hi fdata lis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu flimkien mad-Dikasteri tal-Kurja Rumana (ara EC 19-21).

Il-mixja sinodali tal-Knisja Kattolika, imħeġġa wkoll mix-xewqa li nibqgħu mexjin lejn l-għaqda sħiħa u viżibbli tal-Insara, “għandha bżonn li l-kliem li ġie maqsum ikun imsieħeb mill-fatti” (Tislima finali lis-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 26 ta’ Ottubru 2024). L-Ispirtu s-Santu, don tal-Irxoxt, iwieżen u jorjenta l-Knisja kollha f’din il-mixja. Hu, li hu armonija, ikompli jagħmel lill-Knisja żagħżugħa bil-qawwa tal-Vanġelu, iġeddidha u jwassalha għall-għaqda perfetta mal-Għarus tagħha (ara LG 4). Għax l-Ispirtu u l-għarusa jgħidu lill-Mulej Ġesù: “Ejja” (ara Apok 22:17).

Mill-Vatikan, 24 ta’ Novembru 2024

Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu

Franġisku

Introduzzjoni*

Ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. (Ġw 20:19-20)

1. Kull pass fil-ħajja tal-Knisja huwa ritorn lejn l-għajn, esperjenza mġedda tal-laqgħa mal-Irxoxt li d-dixxipli għexu fiċ-Ċenaklu dakinhar tal-Għid filgħaxija. Bħalhom, aħna wkoll, bis-sehem tagħna f’din l-Assemblea Sinodali, ħassejna l-ħniena tiegħu magħna u l-ġmiel tiegħu jmissna. Għexna l-konverżazzjoni fl-Ispirtu, fis-smigħ ta’ xulxin, u hekk ħassejna l-preżenza tiegħu f’nofsna: il-preżenza ta’ Dak li, waqt li jagħti l-Ispirtu s-Santu, ikompli jqanqal fil-Poplu tiegħu għaqda li hi armonija tad-differenzi.

2. Aħna u nikkontemplaw l-Irxoxt, niftakru li “tgħammidna fil-mewt tiegħu” (Rum 6:3). Rajna s-sinjali tal-ġrieħi tiegħu, ittrasfigurati minn ħajja ġdida, imma minquxa għal dejjem fl-umanità tiegħu. Dawn il-ġrieħi għadhom idemmgħu fil-ġisem ta’ tant ħutna, anki ħtija tagħna stess. Meta nsammru ħarsitna fuq il-Mulej, ma nkunux ninqatgħu mill-ġrajjiet traġiċi tal-istorja, imma nkunu niftħu għajnejna biex nagħrfu t-tbatija li hawn madwarna u li qed tmissna: l-uċuħ tat-tfal imwerwra mill-gwerra, il-biki tal-ommijiet, il-ħolm imxejjen ta’ tant żgħażagħ, ir-rifuġjati li jħabbtu wiċċhom ma’ vjaġġi terribbli, il-vittmi tat-tibdil fil-klima u tal-inġustizzji soċjali. It-tbatijiet tagħhom jidwu f’nofsna mhux biss fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, imma anki fl-ilħna ta’ ħafna, personalment involuti bil-familji u l-popli tagħhom f’dawn il-ġrajjiet traġiċi. Fil-jiem li fihom inġbarna f’din l-Assemblea, bosta, anzi wisq gwerer komplew jipprovokaw mewt u qerda, xewqa ta’ vendetta u taħwid tal-kuxjenzi. Ningħaqdu mal-appelli mtennija tal-Papa Franġisku għall-paċi, u nikkundannaw il-loġika tal-vjolenza, tal-mibegħda, tal-vendetta, waqt li nħabirku biex nippromovu dik tad-djalogu, tal-fraternità u tar-rikonċiljazzjoni. Paċi awtentika u li ttul hija possibbli u flimkien nistgħu nibnuha. “L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu” (GS 1) kienu għal darb’oħra l-ferħ u n-niket tagħna lkoll, dixxipli ta’ Kristu.

3. Sa minn meta fl-2021 il-Papa ta bidu għal dan is-Sinodu, qbadna mixja li qegħdin dejjem niskopru iżjed l-għana u l-frott tagħha. Bdejna nagħtu widen, attenti biex nagħrfu fil-ħafna ilħna dak li “l-Ispirtu qed jgħid lill-Knejjes” (Apok 2:7). Il-mixja bdiet bil-konsultazzjoni wiesgħa tal-Poplu ta’ Alla fid-Djoċesijiet u Eparkiji tagħna. Kompliet bit-tappi nazzjonali u kontinentali, fiċ-ċirkolarità ta’ djalogu kontinwament imnedija mis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu permezz ta’ dokumenti ta’ sintesi u ta’ ħidma. Iċ-ċelebrazzjoni tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet fiż-żewġ Sessjonijiet tagħha issa tippermettilna li ngħaddu lill-Qdusija Tiegħu l-Papa u lill-Knejjes kollha x-xhieda ta’ dak li għexna u l-frott tad-dixxeriment tagħna, għal ħeġġa missjunarja mġedda. Il-mixja kienet immarkata f’kull fażi tagħha mill-għerf tas-“sens tal-fidi” tal-Poplu ta’ Alla. Pass wara l-ieħor, fhimna li fil-qalba tas-Sinodu 2021-2024. Lejn Knisja sinodali. Komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni hemm sejħa tal-Mulej, fl-impenn b’risq il-qadi tal-missjoni tagħha, fit-tiftix tal-modi kif inkunu fidili lejh.

4. Din is-sejħa hi msejsa fuq l-identità komuni tal-imgħammdin kollha, issib għeruqha fid-diversità tal-kuntesti li fihom il-Knisja hi preżenti u ssib l-għaqda tagħha fil-Missier wieħed, fil-Mulej wieħed u fl-Ispirtu wieħed. Hija tisfida lill-imgħammdin kollha, bla eċċezzjonijiet: “Il-Poplu kollu ta’ Alla hu s-suġġett tat-tħabbira tal-Vanġelu. Fih, kull imgħammed hu msejjaħ biex ikun protagonista tal-missjoni għaliex ilkoll aħna dixxipli missjunarji” (CTI, n. 53). Hekk il-mixja sinodali torjentana lejn għaqda sħiħa u viżibbli tal-Insara, kif xehdu, bil-preżenza tagħhom, id-delegati tat-tradizzjonijiet Insara l-oħra. L-għaqda tiffermenta siekta fi ħdan il-Knisja Mqaddsa ta’ Alla: hi profezija ta’ għaqda għad-dinja kollha.

5. Il-mixja sinodali kollha, b’għeruqha fit-Tradizzjoni tal-Knisja, seħħet fid-dawl tal-maġisteru konċiljari. Fil-fatt, il-Konċilju Vatikan II kien bħal żerriegħa mixħuta fl-għalqa tad-dinja u tal-Knisja. Il-ħajja ta’ kuljum ta’ dawk li jemmnu, l-esperjenza tal-Knejjes f’kull poplu u kultura, l-għadd ta’ xhieda ta’ qdusija, ir-riflessjoni tat-teologi kienu l-art li fiha warrad u kiber. Is-Sinodu 2021-2024 jissokta jieħu mill-enerġija ta’ dik iż-żerriegħa u jiżviluppa l-pontenzjalitajiet tagħha. Il-mixja sinodali fil-fatt qed twettaq dak li l-Konċilju għallem fuq il-Knisja bħala Misteru u Poplu ta’ Alla, imsejħa għall-qdusija permezz ta’ konverżjoni kontinwa li tiġi mis-smigħ tal-Vanġelu. F’dan is-sens hi att ieħor ta’ kif jiġi milqugħ il-Konċilju, ittawwal l-ispirazzjoni tiegħu u tniedi mill-ġdid għad-dinja tal-lum il-qawwa profetika tiegħu.

6. Ma naħbux il-fatt li ħassejna fina t-taħbit, ir-reżistenzi għall-bidla u t-tentazzjoni li nħallu l-ideat tagħna jirbħu fuq is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u fuq it-tħaddim tad-dixxerniment. Imma, il-ħniena ta’ Alla, Missier l-aktar twajjeb, tagħtina kull darba li nsaffu qlubna u nibqgħu mexjin fit-triq. Dan irrikonoxxejnieh meta bdejna t-Tieni Sessjoni b’Velja penitenzjali, li fiha tlabna maħfra għal dnubietna, mirgħuxa għalihom, u għollejna ’l fuq talb ta’ interċessjoni għall-vittmi tal-ħażen tad-dinja. Sejjaħna b’isimhom id-dnubiet tagħna: kontra l-paċi, il-ħolqien, il-popli indiġeni, il-migranti, il-minuri, in-nisa, il-foqra, is-smigħ, il-komunjoni. Dan għenna nifhmu li s-sinodalità tesiġi ndiema u konverżjoni. Fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-ħniena ta’ Alla nagħmlu l-esperjenza li aħna maħbuba bla kundizzjonijiet: l-ebusija tal-qlub hi mirbuħa u tiftaħna għall-komunjoni. Għalhekk irridu nkunu Knisja ħanina, li kapaċi taqsam ma’ kulħadd il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni li jiġu minn Alla: grazzja pura li tagħha ma aħniex sidien, imma biss xhieda.

7. Diġà stajna naraw l-ewwel frott tal-mixja sinodali li bdejna fl-2021. Dak l-aktar sempliċi, imma l-aktar prezzjuż, jiffermenta fil-ħajja tal-familji, tal-Parroċċi, tal-Assoċjazzjonijiet u l-Movimenti, tal-komunitajiet żgħar Insara, tal-iskejjel u tal-komunitajiet reliġjużi li fihom qed tikber il-prattika tal-konverżjoni fl-Ispirtu, tad-dixxerniment komunitarju, tal-qsim tad-doni vokazzjonali u tal-korresponsabbiltà fil-missjoni. Il-laqgħa tal-“Kappillani għas-Sinodu” (Sacrofano [Ruma], 28 ta’April – 2 ta’ Mejju 2024) tatna li napprezzaw dawn l-esperjenzi għonja u li nerġgħu nibdew mexjin. Aħna grati u ferħana għal-leħen ta’ tant komunitajiet u Fidili li jgħixu l-Knisja bħala post ta’ akkoljenza, tama u ferħ.

8. L-Ewwel Sessjoni tal-Assemblea tat frott ieħor. Fir-Relazzjoni ta’ Sintesi ġbidna l-attenzjoni fuq xi tematiċi ta’ rilevanza kbira għall-ħajja tal-Knisja, li l-Papa, fi tmiem konsultazzjoni internazzjonali, fada lil Gruppi ta’ studju mwaqqfin minn Ragħajja u esperti mill-kontinenti kollha, imsejħin biex jaħdmu b’metodu sinodali. L-oqsma tal-ħajja u tal-missjoni tal-Knisja li diġà bdew jinżlu fil-fond tagħhom huma dawn li ġejjin:

  1. Xi aspetti tar-relazzjonijiet bejn Knejjes Orjentali Kattoliċi u Knisja Latina.
  2. Is-smigħ tal-karba tal-foqra u tal-art.
  3. Il-missjoni fl-ambjent diġitali.
  4. Ir-reviżjoni tar-Ratio Fundamentalis Institutionis Sacerdotalis f’perspettiva sinodali missjunarja.
  5. Xi kwistjonijiet teoloġiċi u kanonistiċi madwar forom speċifiċi ministerjali.
  6. Ir-reviżjoni, f’perspettiva sinodali u missjunarja, tad-dokumenti li jiddixxiplinaw ir-relazzjonijiet bejn Isqfijiet, Reliġjużi, u Aggregazzjonijiet ekkleżjali.
  7. Xi aspetti tal-figura u tal-ministeru tal-Isqof (b’mod partikulari: kriterji ta’ għażla tal-kandidati għall-episkopat, il-funzjoni ġudizzjali tal-Isqof, in-natura u l-iżvolġiment taż-żjajjar ad limina Apostolorum) f’perspettiva sinodali missjunarja.
  8. Ir-rwol tar-Rappreżentanti pontifiċji f’perspettiva sinodali missjunarja.
  9. Kriterji teoloġiċi u metodoloġiji sinodali għal dixxerniment flimkien ta’ kwistjonijiet duttrinali, pastorali u etiċi kontroversjali.
  10. L-ilqigħ tal-frott tal-mixja ekumenika fil-Poplu ta’ Alla.

Ma’ dawn il-Gruppi nżidu l-Kummissjoni Kanonistika, attivata fi qbil mad-Dikasteru għat-Testi Leġislattivi, għas-servizz tal-innovazzjonijiet meħtieġa fin-normattiva ekkleżjastika, u d-dixxerniment fdat lis-Simposju tal-Konferenzi Episkopali tal-Afrika u tal-Madagaskar dwar l-akkumpanjament pastorali ta’ persuni f’qagħda ta’ żwieġ poligamiku. Il-ħidma ta’ dawn il-Gruppi u Kummissjonijiet wasslet għall-fażi ta’ attwazzjoni, għaniet il-ħidma tat-Tieni Sessjoni, u se tgħin lill-Papa fl-għażliet pastorali u ta’ tmexxija.

9. Il-proċess sinodali ma jagħlaqx ma’ tmiem l-Assemblea attwali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, imma jiġbor fih il-fażi ta’ attwazzjoni. Bħala membri tal-Assemblea, inħossuh dmir tagħna nħabirku fl-animazzjoni tiegħu bħala missjunarji tas-sinodalità fi ħdan il-komunitajiet li minnhom aħna ġejjin. Lill-Knejjes lokali kollha nitolbuhom jibqgħu għaddejjin bil-mixja tagħhom ta’ kuljum b’metodoloġija sinodali ta’ konsultazzjoni u dixxerniment, waqt li jindividwaw modi konkreti u mixjiet ta’ formazzjoni biex isseħħ konverżjoni sinodali tanġibbli fid-diversi realtajiet ekkleżjali (Parroċċi, Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika, Aggregazzjonijiet ta’ Fidili, Djoċesijiet, Konferenzi episkopali, gruppi ta’ Knejjes flimkien, u l-bqija). Għandha ssir ukoll valutazzjoni tal-progress li seħħ f’termini ta’ sinodalità u ta’ parteċipazzjoni tal-imgħammdin kollha fil-ħajja tal-Knisja. Lill-Konferenzi episkopali u lis-Sinodi tal-Knejjes sui iuris nissuġġerulhom li jiddedikaw persuni u riżorsi biex isieħbu l-mixja ta’ maturazzjoni bħala Knisja sinodali f’missjoni u biex iżommu l-kuntatti mas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu (ara EC 19 §§ 1 u 2). Lilha nitolbuha li tkompli tkun attenta għall-kwalità sinodali tal-metodu ta’ ħidma tal-Gruppi ta’ Studju.

10. Offrut lill-Papa u lill-Knejjes bħala frott tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, dan id-Dokument finali jiġbor b’għożża l-passi kollha li saru sa issa. Jiġbor xi konverġenzi importanti li ħarġu fl-Ewwel Sessjoni, il-kontributi li waslu mill-Knejjes fix-xhur bejn l-Ewwel u t-Tieni Sessjoni u dak li mmatura, fuq kollox grazzi għall-konverżazzjoni fl-Ispirtu, matul it-Tieni Sessjoni.

11. Id-Dokument finali jesprimi l-għarfien li s-sejħa għall-missjoni hi fl-istess waqt is-sejħa għall-konverżjoni ta’ kull Knisja lokali u tal-Knisja kollha, fil-perspettiva indikata fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium (ara n. 30). Il-partijiet tat-test huma ħamsa. L-ewwel waħda, intitolata Il-qalba tas-sinodalità, turi liema huma l-fundamenti teoloġiċi u spiritwali li jdawlu u jseddqu dak li ġej wara. Tipproponi mill-ġdid l-għarfien flimkien tas-sinodalità li ħareġ fl-Ewwel Sessjoni u tiżviluppa l-perspettivi spiritwali u profetiċi tiegħu. Il-konverżjoni tas-sentimenti, tax-xbihat u tal-ħsibijiet li għandna fil-qalb tagħna timxi flimkien mal-konverżjoni tal-azzjoni pastorali u missjunarja. It-tieni parti, bit-titlu Fuq id-dgħajsa, flimkien, hi ddedikata lill-konverżjoni tar-relazzjonijiet li jibnu l-komunità Nisranija u jagħtu bixra lill-missjoni fin-nisġa ta’ vokazzjonijiet, kariżmi u ministeri. It-tielet, “Itfgħu x-xbieki”, tidentifika l-prattiċi marbuta b’mod qawwi bejniethom: dixxerniment ekkleżjali, proċessi deċiżjonali, kultura tat-trasparenza, tar-rendikont u tal-valutazzjoni. Anki dwar dawn hu mitlub minna li nibdew mixjiet ta’ “trasformazzjoni missjunarja”, fejn huwa urġenti tiġdid tal-organiżmi ta’ parteċipazzjoni. Ir-raba’ parti, bit-titlu Sajda abbundanti, turi l-mod li bih hu possibbli nrawmu f’għamliet ġodda l-qsim tad-doni u n-nisġa tar-rabtiet li jgħaqqduna mal-Knisja, fi żmien fejn l-esperjenza ta’ għeruq imniżżla f’post qed tinbidel bil-kbir. Wara hemm il-ħames parti, “Jien ukoll nibgħat lilkom”, li tgħinna nħarsu lejn pass indispensabbli: nieħdu ħsieb tal-formazzjoni ta’ kulħadd, fil-Poplu ta’ Alla, għas-sinodalità missjunarja.

12. L-iżvilupp tad-Dokument finali hu ggwidat mir-rakkonti evanġeliċi tal-Qawmien. Il-ġirja lejn il-qabar mas-sebħ tal-Għid, id-dehra tal-Irxoxt fiċ-Ċenaklu u fuq ix-xatt tal-għadira nebbħu d-dixxerniment tagħna u għenu fid-djalogu tagħna. Tlabna d-don Paskwali tal-Ispirtu s-Santu, u tlabnieh jgħallimna dak li għandna nagħmlu u jurina l-mixja li għandna nimxu lkoll flimkien. B’dan id-Dokument l-Assemblea tagħraf u tagħti xhieda li s-sinodalità, dimensjoni kostituttiva tal-Knisja, hi diġà parti mill-esperjenza ta’ tant komunitajiet tagħna. Fl-istess waqt, tissuġġerixxi toroq li għandna nimxu, prattiċi li għandna nwettqu, ixfqa li għandna nesploraw. Il-Papa, li sejjaħ lill-Knisja f’Sinodu, jgħid lill-Knejjes, fdati fil-kura pastorali tal-Isqfijiet, kif għandna nissoktaw il-mixja tagħna mseddqa mit-tama li “ma tqarraqx” (Rum 5:5).

Parti I – Il-qalba tas-sinodalità

Imsejħin mill-Ispirtu s-Santu għall-konverżjoni

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù. (Ġw 20:1-2)

13. Dakinhar tal-Għid filgħodu nsibu tliet dixxipli: Marija ta’ Magdala, Xmun Pietru, id-Dixxiplu li Ġesù kien iħobb. Kull wieħed minnhom qed ifittex lill-Mulej bil-mod tiegħu; kull wieħed għandu r-rwol tiegħu fiż-żerniq tat-tama. Marija Maddalena hi mqanqla minn imħabba li twassalha l-ewwel waħda biswit il-qabar. Mgħarrfa minnha, Pietru u d-Dixxiplu l-Maħbub imorru ħdejn il-qabar; id-Dixxiplu l-Maħbub jiġri bl-enerġija taż-żgħożija, ifittex bil-ħarsa ta’ min jintuwixxi hu l-ewwel, imma jaf iċedi l-pass lil min, iktar anzjan minnu, irċieva l-missjoni li jiggwida; Pietru, imtaqqal mill-fatt li kien ċaħad lill-Mulej, hu mistenni mill-appuntament mal-ħniena li tagħha sa jkun ministru fil-Knisja. Marija tibqa’ fil-ġnien, tisma’ lil min jgħajtilha b’isimha, tagħraf lill-Mulej li jibgħatha tħabbar il-Qawmien tiegħu lill-komunità tad-dixxipli. Għalhekk il-Knisja tilmaħ fiha l-Appostlu tal-Appostli. Id-dipendenza reċiproka tagħhom tinkarna l-qalba tas-sinodalità.

14. Il-Knisja teżisti biex tagħti xhieda quddiem id-dinja tal-ġrajja deċiżiva tal-istorja kollha: il-qawmien ta’ Ġesù. L-Irxoxt iġib il-paċi lid-dinja u jagħtina bħala don l-Ispirtu tiegħu. Kristu ħaj hu l-għajn tal-libertà vera, il-pedament tat-tama li ma tqarraqx, ir-rivelazzjoni tal-wiċċ veru ta’ Alla u tad-destin aħħari tal-bniedem. Il-Vanġeli jirrakkontawlna li biex nidħlu fil-fidi tal-Għid u nsiru xhieda tagħha rridu nagħrfu l-vojt interjuri tagħna, id-dalma tal-biża’, tad-dubju, tad-dnub. Imma dawk li fid-dalma jkollhom il-kuraġġ li joħorġu u jfittxu, fir-realtà jiskopru li hemm min qed ifittixhom, isejħilhom b’isimhom, jaħfrilhom u jibgħathom flimkien ma’ ħuthom.

Il-Knisja Poplu ta’ Alla, sagrament tal-għaqda

15. Mill-Magħmudija fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu toħroġ l-identità tal-Poplu ta’ Alla. Din titwettaq bħala sejħa għall-qdusija u mandat għal missjoni biex nistiednu lill-ġnus kollha jilqgħu d-don tas-salvazzjoni (ara Mt 28:18-19). Għalhekk, huwa mill-Magħmudija, li fiha Kristu jlibbisna bih (ara Gal 3:27) u jwellidna mill-ġdid mill-Ispirtu (ara Ġw 3:5-6) bħala wlied Alla, li titwieled il-Knisja sinodali missjunarja. Il-ħajja Nisranija kollha għandha l-għajn u x-xefaq tagħha fil-misteru tat-Trinità, li jqanqal fina d-dinamiżu tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba.

16. “Alla għoġbu jqaddes u jsalva l-bnedmin mhux individwalment, mingħajr ebda rabta ma’ xulxin, iżda ried li jagħmel minnhom poplu li jagħrfu fil-verità u jservih fil-qdusija” (LG 9). Il-Poplu ta’ Alla miexi lejn is-Saltna jitmantna kontinwament bl-Ewkaristija, għajn ta’ komunjoni u ta’ għaqda: “Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (1 Kor 10:17). Il-Knisja, mitmugħa mis-sagrament tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, hija mwaqqfa bħala l-Ġisem tiegħu (ara LG 7): “Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu” (1 Kor 12:27). Bil-ħajja tal-grazzja, hija t-Tempju tal-Ispirtu s-Santu (ara LG 4): fil-fatt, hu li jagħtiha l-ħajja u jibniha, u jagħmel minna lkoll il-ġebel ħaj ta’ binja spiritwali (ara 1 Piet 2:5; LG 6).

17. Il-proċess sinodali dewwaqna l-“gost spiritwali”  (EG 268) li nkunu Poplu ta’ Alla, miġmugħa minn kull tribù, ilsien, poplu u ġens, li jgħix f’kuntesti u kulturi differenti. Huwa qatt ma hu s-sempliċi ġabra flimkien tal-imgħammdin kollha, imma s-suġġett komunitarju u storiku tas-sinodalità u tal-missjoni, li għadha pellegrina fiż-żmien u hi diġà f’komunjoni mal-Knisja tas-sema. Fid-diversi kuntesti li fihom il-Knejjes singoli għandhom l-għeruq tagħhom imniżżla, il-Poplu ta’ Alla jħabbar u jagħti xhieda tal-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni; huwa jgħix fid-dinja u għad-dinja, u jimxi flimkien mal-popli kollha tal-art, jiddjaloga mar-reliġjonijiet tagħhom u l-kulturi tagħhom waqt li jagħraf fihom iż-żerriegħa tal-Verb, u jimxi ’l quddiem lejn is-Saltna. Inkorporati f’dan il-Poplu bil-fidi u l-Magħmudija, aħna mwieżna u msieħba mill-Verġni Marija, “sinjal ta’ tama żgura u ta’ faraġ” (LG 68), mill-Appostli, minn dawk li taw xhieda tal-fidi tagħhom sal-għotja ta’ ħajjithom, mill-qaddisin ta’ kull żmien u ta’ kull post.

18. Fil-Poplu qaddis ta’ Alla, li hi l-Knisja, il-komunjoni tal-Fidili (communio Fidelium) hi fl-istess waqt il-komunjoni tal-Knejjes (communio Ecclesiarum), li tidher fil-komunjoni tal-Isqfijiet (communio Episcoporum), skont il-prinċipju antikissmu li “l-Isqof hu fil-Knisja u l-Knisja hi fl-Isqof” (San Ċiprijanu, Epistola 66, 8). Għas-servizz ta’ din il-komunjoni ta’ bosta xejriet il-Mulej qiegħed lill-Appostlu Pietru (ara Mt 16:18) u s-suċċessuri tiegħu. Bil-qawwa tal-ministeru Petrin, l-Isqof ta’ Ruma hu “l-prinċipju perpetwu u viżibbli u l-fundament” (LG 23) tal-għaqda fil-Knisja.

19. “Fil-qalb ta’ Alla hemm post preferenzjali għall-foqra” (EG 197), l-emarġinati u l-esklużi, u għalhekk anki f’dak tal-Knisja. Fihom il-komunità Nisranija tiltaqa’ mal-wiċċ u l-laħam ta’ Kristu, li, għalkemm kien għani, ftaqar għalina, biex bil-faqar tiegħu aħna nsiru għonja (ara 2 Kor 8:9). L-għażla preferenzjali tal-foqra hi implikata fil-fidi Kristoloġika. Il-foqra għandhom għarfien dirett ta’ Kristu li jbati (ara EG 198) li jagħmilhom ħabbara ta’ salvazzjoni milqugħa b’don u xhieda tal-ferħ tal-Vanġelu. Il-Knisja hi msejħa tkun fqira mal-foqra, li spiss huma l-parti l-kbira tal-Fidili, tagħtihom widen u tqishom suġġetti tal-evanġelizzazzjoni, biex flimkien jitgħallmu jagħrfu l-kariżmi li huma jirċievu mill-Ispirtu.

20. “Id-dawl tal-ġnus huwa Kristu” (LG 1) u dan id-dawl jiddi fuq il-wiċċ tal-Knisja, imqar jekk immarkata mid-dgħufija tal-qagħda umana u tal-viżjoni dejqa tad-dnub. Hija tirċievi mingħand Kristu d-don u r-responsabbiltà li tkun il-ħmira effikaċi tar-rabtiet, tar-relazzjonijiet u tal-fraternità tal-familja umana (ara AG 2-4), b’xhieda fid-dinja tat-tifsira u d-destinazzjoni tal-mixja tagħha (ara GS 3 u 42). Illum qed iġġorr din ir-responsabbiltà fi żmien maħkum mill-kriżi tal-parteċipazzjoni – jiġifieri li nħossuna parti u atturi f’destin komuni – u minn kunċett individwalista tal-ferħ u tas-salvazzjoni. Il-vokazzjoni tagħha u s-servizz profetiku tagħha (ara LG 12) jikkonsistu f’li tagħti xhieda tal-pjan ta’ Alla li hi tiġbor fi ħdanha l-umanità kollha fil-libertà u fil-komunjoni. Il-Knisja, li hi “s-saltna ta’ Kristu, li għandha l-bidu tagħha f’misteru” (LG 3) u “ta’ din is-Saltna hija l-ewwel nibta u l-bidu” (LG 5), timxi għalhekk flimkien mal-umanità kollha, u tħabrek bis-saħħa kollha tagħha b’risq id-dinjità umana, il-ġid komuni, il-ġustizzja u l-paċi, u “hija nfisha tixxennaq għall-perfezzjoni tas-Saltna” (LG 5), meta Alla għad ikun “kollox f’kollox” (1 Kor 15:28).

21. Il-mixja sinodali tal-Knisja wasslitna biex niskopru mill-ġdid li l-firxa wiesgħa ta’ vokazzjonijiet, ta’ kariżmi u ta’ ministeri għandha għeruq: “Aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed” (1 Kor 12:13). Il-Magħmudija hija l-fundament tal-ħajja Nisranija għax tintroduċi lil kulħadd għall-ikbar don: li aħna wlied Alla, jiġifieri għandna sehem fir-relazzjoni ta’ Ġesù mal-Missier fl-Ispirtu. Xejn ma hemm ogħla minn din id-dinjità, mogħtija ndaqs lil kull persuna, li terġa’ tlibbisna lil Kristu u tlaqqamna fih bħal friegħi fid-dielja. Fl-isem ta’ “Kristjani” li għandna l-ġieħ li nġorru hemm miġbura l-grazzja li hi l-pedament tal-ħajja tagħna u li biha nistgħu nimxu flimkien bħal aħwa.

22. Bil-qawwa tal-Magħmudija, “il-poplu qaddis ta’ Alla għandu sehem ukoll mill-uffiċċju profetiku ta’ Kristu meta jxandar ix-xhieda ħajja tiegħu, l-aktar billi jgħix tassew il-fidi u l-karità” (LG 12). Grazzi għad-dilka tal-Ispirtu s-Santu li rċevew fil-Magħmudija (ara 1 Ġw 2:20,27), dawk kollha li jemmnu għandhom stint għall-verità tal-Vanġelu, li jissejjaħ sensus fidei. Dan jikkonsisti f’ċerta konnaturalità mar-realtajiet divini, imsejsa fuq il-fatt li fl-Ispirtu s-Santu l-imgħammdin “ikollhom sehem min-natura ta’ Alla” (DV 2). Minn din il-parteċipazzjoni tiġi l-attitudni li nagħrfu b’intuwizzjoni dak li jaqbel mal-verità tar-Rivelazzjoni fil-komunjoni tal-Knisja. Għalhekk il-Knisja għandha ċ-ċertezza li l-Poplu qaddis ta’ Alla ma jistax jiżbalja fit-twemmin, meta t-totalità tal-imgħammdin tesprimi l-kunsens universali tagħha f’materja ta’ fidi u ta’ morali (ara LG 12). It-tħaddim tas-sensus fidei ma nistgħux nifxluh mal-opinjoni pubblika. Hu dejjem marbut mad-dixxerniment tar-Ragħajja fuq id-diversi livelli tal-ħajja ekkleżjali, kif turi l-artikulazzjoni tal-fażijiet tal-proċess sinodali. Hu jimmira li jilħaq dak il-kunsens tal-Fidili (consensus Fidelium) li huwa “kriterju żgur biex niddeterminaw jekk duttrina partikulari jew prassi partikulari humiex parti mill-fidi Appostolika” (Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Il sensus fidei nella vita della Chiesa, 2014, n. 3).

23. Permezz tal-Magħmudija l-Insara kollha għandhom sehem fis-sensus fidei. Għalhekk, barra l-prinċipju tas-sinodalità, dan jikkostitwixxi wkoll il-pedament tal-ekumeniżmu. “Il-mixja tas-sinodalità, li l-Knisja Kattolika qiegħda tagħmel, hi u għandha tkun ekumenika, l-istess kif il-mixja ekumenika hi sinodali” (il-Papa Franġisku, Diskors lill-Qdusija Tiegħu Mar Awa III, 19 ta’ Novembru 2022). L-ekumeniżmu hu qabelxejn kwistjoni ta’ tiġdid spiritwali. Jesiġi proċessi ta’ ndiema u ta’ fejqan tal-memorja tal-ġrieħi tal-passat, sal-kuraġġ tal-korrezzjoni fraterna fi spirtu ta’ karità evanġelika. Fl-Assemblea dwiet xhieda mdawla ta’ Nsara minn diversi tradizzjonijiet ekkleżjali li jaqsmu flimkien il-ħbiberija, it-talb, il-ħajja u l-impenn b’risq il-qadi tal-foqra u l-kura tad-dar komuni. Mhux f’reġjun wieħed jew tnejn tad-dinja hemm fuq kollox l-ekumeniżmu tad-demm: Insara ta’ appartenenzi differenti li flimkien jagħtu ħajjithom għall-fidi f’Ġesù Kristu. Ix-xhieda tal-martirju tagħhom hi aktar elokwenti minn kull kelma: l-għaqda tiġi mis-Salib tal-Mulej.

24. Ma nistgħux nifhmu l-Magħmudija b’mod sħiħ jekk mhux fi ħdan l-Inizjazzjoni Nisranija, jew aħjar il-mixja li permezz tagħha l-Mulej, bil-ministeru tal-Knisja u d-don tal-Ispirtu, jintroduċina għall-fidi Paskwali u jdaħħalna fil-komunjoni Trinitarja u ekkleżjali. Din il-mixja taf firxa sinifikattiva ta’ xejriet skont l-età li fiha wieħed jaqbadha, id-diversi aċċentwazzjonijiet tat-tradizzjonijiet Orjentali u ta’ dik Oċċidentali, u l-ispeċifiċitajiet ta’ kull Knisja lokali. L-Inizjazzjoni tqegħidna f’kuntatt ma’ firxa wiesgħa ta’ vokazzjonijiet u ta’ ministeri ekkleżjali. Fihom insibu espressjoni tal-wiċċ ħanin ta’ Knisja li tgħallem lil uliedha jimxu billi timxi magħhom. Tismagħhom u, waqt li twieġeb għad-dubji tagħhom u għall-mistoqsijiet tagħhom, tistagħna bil-ġdid li kull persuna ġġorr fiha, bl-istorja u l-kultura tagħha. Fil-prattika ta’ din l-azzjoni pastorali l-komunità Nisranija tesperimenta, spiss mingħajr ma tkun taf għalkollox, l-ewwel xorta ta’ sinodalità.

25. Fi ħdan il-mixja tal-Inizjazzjoni Nisranija s-sagrament tal-Konfirmazzjoni jagħni l-ħajja ta’ dawk li jemmnu b’tiswib partikulari tal-Ispirtu fid-dawl tax-xhieda. L-Ispirtu li bih Ġesù kien mimli (ara Lq 4:1), li kkonsagrah bid-dilka u bagħtu jxandar il-Vanġelu (ara Lq 4:18), hu l-istess Spirtu li jiġi msawwab fuq kull min jemmen bħala siġill tal-appartenenza għal Alla u bħala dilka li tqaddes. Għalhekk il-Konfirmazzjoni, li tattwalizza l-grazzja ta’ Għid il-Ħamsin fil-ħajja tal-imgħammdin u tal-komunità, hija don ta’ valur kbir biex iġġedded il-miraklu ta’ Knisja mqanqla min-nar tal-missjoni, li jkollha l-kuraġġ toħroġ fit-toroq tad-dinja u l-ħila li tfisser ruħha lill-popli u l-kulturi kollha. Kull min jemmen huwa msejjaħ jikkontribwixxi għal dan il-moviment, u jilqa’ l-kariżmi li l-Ispirtu jqassam bil-kotra lil kull wieħed u waħda, waqt li jħabrek biex iqegħidhom għas-servizz tas-Saltna b’umiltà u ħeġġa kreattiva.

26. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, fuq kollox dik ta’ nhar ta’ Ħadd, hija l-ewwel għamla fundamentali li biha l-Poplu qaddis ta’ Alla jinġema’ u jiltaqa’ flimkien. Fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika “l-għaqda tal-Knisja titfisser u sseħħ” (UR 2). Fis-“sehem sħiħ, ħaj u li jinftiehem” (SC 14) tal-Fidili kollha, fil-preżenza ta’ diversi ministeri u fil-presidenza min-naħa tal-Isqof u tal-Presbiteru, tidher il-komunità Nisranija, li fiha sseħħ korresponsabbiltà differenzjata ta’ kulħadd għall-missjoni. Għalhekk il-Knisja, Ġisem ta’ Kristu, titgħallem mill-Ewkaristija kif tartikola l-għaqda u l-pluralità: għaqda tal-Knisja u multipliċità tal-ġemgħat Ewkaristiċi; għaqda tal-misteru sagramentali u firxa wiesgħa tat-tradizzjonijiet liturġiċi; għaqda taċ-ċelebrazzjoni u diversità tal-vokazzjonijiet, tal-kariżmi u tal-ministeri. Xejn aktar mill-Ewkaristija ma juri li l-armonija maħluqa mill-Ispirtu mhijiex uniformità u li kull don ekkleżjali hu ddestinat għall-bini ta’ kulħadd. Kull ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija hija wkoll espressjoni tax-xewqa u appell għall-għaqda bejn l-imgħammdin kollha li għadha mhijiex sħiħa u viżibbli. Fejn iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tal-Ħadd mhijiex possibbli, il-komunità, imqar jekk tixtieqha, tinġabar madwar iċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma, fejn Kristu hu xorta waħda preżenti.

27. Teżisti rabta qawwija bejn synaxis u synodos, bejn il-ġemgħa Ewkaristika u dik Sinodali. Imqar jekk f’għamla differenti, fit-tnejn li huma sseħħ il-wegħda ta’ Ġesù li hu preżenti fejn tnejn jew tlieta huma miġbura f’ismu (ara Mt 18:20). L-assemblej sinodali huma ġrajjiet li jiċċelebraw l-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja tiegħu permezz tal-azzjoni tal-Ispirtu. Huwa hu li jiżgura l-għaqda tal-Ġisem ekkleżjali ta’ Kristu fil-ġemgħa Ewkaristika bħal f’dik Sinodali. Il-liturġija hija smigħ tal-Kelma ta’ Alla u tweġiba għall-inizjattiva tal-patt tiegħu. Anki l-assemblea Sinodali hija smigħ tal-istess Kelma, li tidwi kemm fis-sinjali taż-żminijiet u kemm fil-qalb tal-Fidili, u tweġiba tal-ġemgħa li tiddixxerni r-rieda ta’ Alla biex tqegħidha fil-prattika. L-approfondiment tar-rabta bejn liturġija u sinodalità jista’ jgħin lill-komununitajiet kollha Nsara, fid-diversi xejriet tal-kulturi u tradizzjonijiet tagħhom, biex jassumu stili ċelebrattivi li jimmanifestaw il-wiċċ ta’ Knisja sinodali. Għal dan il-għan, nitolbu li jitwaqqaf Grupp speċifiku ta’ Studju, li lilu nafdaw anki r-riflessjoni fuq kif nagħmlu ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi iktar espressivi fis-sinodalità; nistgħu wkoll nutilizzaw il-predikazzjoni fi ħdan iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u l-iżvilupp ta’ katekeżi fuq is-sinodalità f’dawl mistagoġiku.

Sinifikat u dimensjonijiet tas-sinodalità

28. It-termini “sinodalità” u “sinodali” ġejjin mill-prattika ekkleżjali antika u kontinwa tal-miġemgħa li tinġabar flimkien f’sinodu. Fit-tradizzjonijiet tal-Knejjes tal-Lvant u tal-Punent il-kelma “sinodu” tirriferi għal istituzzjonijiet u ġrajjiet li maż-żmien ħadu xejriet differenti, u involvew fihom għadd ta’ suġġetti. Fil-firxa wiesgħa tagħhom dawn ix-xejriet kollha għandhom komuni bejniethom il-fatt li jinġabru flimkien biex jiddjalogaw, jiddixxernu u jiddeċiedu. Grazzi għall-esperjenza tal-aħħar snin, it-tifsira ta’ dawn it-termini ġiet mifhuma aktar, u iktar minn hekk, megħjuxa. Ġew dejjem assoċjati iktar max-xewqa ta’ Knisja iktar qrib tal-persuni u iktar relazzjonali, li tkun dar u familja ta’ Alla. Matul il-proċess sinodali mmaturat konverġenza fuq it-tifsira ta’ sinodalità li tinsab fil-bażi ta’ dan id-Dokument: is-sinodalità hija l-mixja flimkien tal-Insara ma’ Kristu u lejn is-Saltna ta’ Alla, f’għaqda mal-umanità kollha; orjentata għall-missjoni, hi tfisser li wieħed jinġabar flimkien f’assemblea fuq id-diversi livelli tal-ħajja ekkleżjali, is-smigħ reċiproku, id-djalogu, id-dixxerniment komunitarju, it-tiswir tal-kunsens bħala espressjoni ta’ Kristu li jsir preżenti ħaj fl-Ispirtu u t-teħid ta’ deċiżjoni f’korresponsabbiltà differenzjata. F’din il-linja nifhmu aħjar xi jfisser meta ngħidu li s-sinodalità hi dimensjoni kostituttiva tal-Knisja (ara CTI, n. 1). F’termini sempliċi u sintetiċi, nistgħu ngħidu li s-sinodalità hija mixja ta’ tiġdid spiritwali u ta’ riforma strutturali biex nagħmlu l-Knisja iżjed parteċipattiva u missjunarja, jiġifieri biex nagħmluha aktar kapaċi timxi ma’ kull bniedem u ddawlu bid-dawl ta’ Kristu.

29. Fil-Verġni Marija, Omm ta’ Kristu, tal-Knisja u tal-bnedmin, nilmħu jilmaw f’dawl sħiħ il-karatteristiċi ta’ Knisja sinodali, missjunarja u ħanina. Fil-fatt hi l-figura tal-Knisja li tisma’, titlob, timmedita, tiddjaloga, takkumpanja, tiddixxerni, tiddeċiedi u taġixxi. Minnha nitgħallmu l-arti tas-smigħ, l-attenzjoni għar-rieda ta’ Alla, l-ubbidjenza għall-Kelma tiegħu, il-kapaċità li nagħrfu l-bżonn tal-foqra, il-kuraġġ li nimxu, l-imħabba li tgħin, l-għana ta’ tifħir u l-hena fl-Ispirtu. Għalhekk, kif afferma San Pawlu VI, “il-ħidma tal-Knisja fid-dinja tixbah u tkompli l-ħidma ta’ Marija” (MC 28).

30. B’mod aktar dettaljat, is-sinodalità tfisser tliet aspetti distinti tal-ħajja tal-Knisja:

a)      l-ewwel nett, tirriferi għall-“istil partikulari li jikkwalifika l-ħajja u l-missjoni tal-Knisja, li jesprimi n-natura tagħha bħala l-mixja flimkien u l-ġemgħa miġbura tal-assemblea tal-Poplu ta’ Alla msejħa mill-Mulej Ġesù bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu għax-xandir tal-Vanġelu. Din għandha tesprimi ruħha fil-mod ordinarju tal-ħajja u l-ħidma tal-Knisja. Dan il-modus vivendi et operandi jseħħ permezz tas-smigħ komunitarju tal-Kelma u ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, il-fraternità tal-komunjoni u l-korresponsabbiltà u parteċipazzjoni tal-Poplu kollu ta’ Alla, fuq id-diversi livelli tiegħu u fid-distinzjoni bejn id-diversi ministeri u rwoli, fil-ħajja u fil-missjoni tiegħu” (CTI, n. 70a);

b)      it-tieni nett, “is-sinodalità tfisser imbagħad, f’sens iktar speċifiku u determinat mill-perspettiva teoloġika u kanonika, dawk l-istrutturi u dawk il-proċessi ekkleżjali li fihom in-natura sinodali tal-Knisja tesprimi ruħha fuq livell istituzzjonali, b’mod analogu, fid-diversi livelli tat-twettiq tagħha: lokali, reġjonali, universali. Dawn l-istrutturi u proċessi qegħdin hemm għas-servizz tad-dixxerniment awtorevoli tal-Knisja, li hi msejħa tindividwa d-direzzjoni li għandna nimxu fiha fis-smigħ tal-Ispirtu s-Santu” (CTI, n. 70b);

ċ)      it-tielet, is-sinodalità tfisser “is-seħħ puntwali ta’ dawk il-ġrajjiet sinodali li fihom il-Knisja hi msejħa mill-awtorità kompetenti u skond proċeduri speċifiċi determinati mid-dixxiplina ekkleżjastika, waqt li tinvolvi b’mod differenti, fuq il-livell lokali, reġjonali u universali, lill-Poplu kollu ta’ Alla taħt il-presidenza tal-Isqfijiet f’komunjoni kolleġġjali u ġerarkika mal-Isqof ta’ Ruma, għad-dixxerniment tal-mixja tiegħu u ta’ kwistjonijiet partikulari, u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u orjentamenti biex twettaq il-missjoni evanġelizzatriċi tagħha” (CTI, n. 70c).

31. Fil-kuntest tal-ekkleżjoloġija konċiljari tal-Poplu ta’ Alla, il-kunċett ta’ komunjoni jesprimi s-sustanza profonda tal-misteru u tal-missjoni tal-Knisja, li għandha fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija l-għajn u l-quċċata tagħha, jew aħjar l-għaqda ma’ Alla Trinità u l-għaqda bejn il-persuni umani li sseħħ fi Kristu permezz tal-Ispirtu s-Santu. F’dan l-isfond, is-sinodalità “tindika l-mod speċifiku kif tgħix u taħdem il-Knisja Poplu ta’ Alla li turi u twettaq b’mod konkret il-komunjoni tagħha billi ‘timxi flimkien’, meta tinġabar f’assemblea u meta tara li l-membri kollha tagħha jieħdu sehem attiv fil-missjoni evanġelizzatriċi tagħha” (CTI, n. 6).

32. Is-sinodalità mhijiex fini fih innifsu, imma timmira għall-missjoni li Kristu fada f’idejn il-Knisja fl-Ispirtu. Li tevanġelizza hi “l-missjoni essenzjali tal-Knisja […] il-grazzja u vokazzjoni preċiżi tal-Knisja, l-aqwa marka li tagħtiha l-identità tagħha” (EN 14). Meta jersqu qrib ta’ kulħadd, mingħajr differenza ta’ persuni, jipprietkaw u jgħallmu, jgħammdu, jiċċelebraw l-Ewkaristija u s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, il-Knejjes lokali kollha u l-Knisja sħiħa jkunu jwieġbu konkretement għall-amar tal-Mulej li jxandar il-Vanġelu lill-ġnus kollha (ara Mt 28:19-20; Mk 16:15-16). Waqt li tagħti valur lill-kariżmi u l-ministeri kollha, is-sinodalità tgħin lill-Poplu ta’ Alla jħabbar u jagħti xhieda tal-Vanġelu lill-bnedmin ta’ kull post u kull żmien, u hekk issir “sagrament viżibbli” (LG 9) tal-fraternità u tal-għaqda fi Kristu kif iridha Alla. Sinodalità u missjoni huma marbuta b’mod qawwi ma’ xulxin: il-missjoni ddawwal is-sinodalità u s-sinodalità twassal għall-missjoni.

33. L-awtorità tar-Ragħajja “hija don speċifiku tal-Ispirtu ta’ Kristu r-Ras għall-bini tal-Ġisem kollu” (CTI, n. 67). Dan id-don hu marbut mas-sagrament tal-Ordni li jwaħħad ma’ Kristu r-Ras, Ragħaj u Qaddej, u jqiegħed lil dawk li jirċevuh għall-qadi tal-Poplu qaddis ta’ Alla biex iħares l-appostoliċità tat-tħabbira u jippromovi fuq kull livell il-komunjoni ekkleżjali. Is-sinodalità toffri “l-qafas interpretattiv l-aktar xieraq biex nifhmu l-istess ministeru ġerarkiku” (Franġisku, Diskors għall-kommemorazzjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 17 ta’ Ottubru 2015) u tqiegħed fil-perspettiva t-tajba l-mandat li Kristu jafda, fl-Ispirtu s-Santu, lir-Ragħajja. Hi, għalhekk, tistieden lill-Knisja kollha, inklużi dawk li jeżerċitaw awtorità, għall-konverżjoni u għar-riforma.

L-għaqda bħala armonija

34. “Bħala ħliqa spiritwali, il-bniedem jirrealizza ruħu permezz ta’ relazzjonijiet interpersonali. Aktar ma jgħix dawn ir-relazzjonijiet b’mod awtentiku, aktar timmatura l-identità personali tiegħu. Il-bniedem juri kemm jiswa mhux billi jinqata’ għalih waħdu, imma billi jqiegħed lilu nnifsu f’relazzjoni mal-oħrajn u ma’ Alla. Għalhekk dawn ir­relazzjonijiet għandhom importanza fundamentali” (CV 53). Knisja sinodali hi kkaratterizzata minn spazju li fih ir-relazzjonijiet jistgħu jwarrdu, grazzi għall-imħabba reċiproka li minnha hu magħmul il-kmandament ġdid li ħalla Ġesù lid-dixxipli tiegħu (ara Ġw 13:34-35). Fi ħdan kulturi u soċjetajiet dejjem iżjed individwalisti, il-Knisja, “poplu ta’ Alla miġbur flimkien fl-għaqda tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (LG 4), tista’ tagħti xhieda tal-qawwa ta’ relazzjonijiet imsawra fit-Trinità. Id-differenzi ta’ vokazzjoni, età, sess, professjoni, kundizzjoni u appartenenza soċjali, preżenti f’kull komunità Nisranija, joffru lil kull persuna dik il-laqgħa mal-ieħor li hi indispensabbli għall-maturazzjoni personali.

35. Huwa qabelxejn fi ħdan il-familja, li mal-Konċilju nistgħu nsejħulha “Knisja tad-dar” (LG 11), li ngħixu l-għana tar-relazzjonijiet bejn persuni magħquda fid-differenzi tal-karattri, sess, età u rwoli. Għalhekk il-familji jirrappreżentaw post ipprivileġġjat fejn nifhmu u nesperimentaw il-prattiċi essenzjali ta’ Knisja sinodali. Minkejja t-tifrik u t-tbatijiet li jġarrbu l-familji, dawn jibqgħu postijiet fejn nitgħallmu naqsmu flimkien id-don tal-imħabba, tal-fiduċja, tal-maħfra, tar-rikonċiljazzjoni u tal-komprensjoni. Hu fil-familji li nitgħallmu li għandna l-istess dinjità, li aħna maħluqin għar-reċiproċità, li għandna bżonn li niġu mismugħa u li aħna kapaċi nisimgħu, li niddixxernu u niddeċiedu flimkien, li naċċettaw u nħaddmu awtorità mmexxija mill-imħabba, li aħna korresponsabbli u li rridu nagħtu kont ta’ għemilna. “Il-familja tumanizza l-persuni permezz tar-relazzjonijiet tal-‘aħna’ u fl-istess waqt tippromovi d-differenzi leġittimi ta’ kull wieħed u waħda” (Franġisku, Diskors lill-parteċipanti fil-Laqgħa Plenarja tal-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi Soċjali, 29 ta’ April 2022).

36. Il-proċess sinodali wera li l-Ispirtu s-Santu l-ħin kollu jqanqal fil-Poplu ta’ Alla firxa wiesgħa ta’ kariżmi u ministeri. “Fil-bini tal-ġisem ta’ Kristu hemm ukoll membri differenti u ħidmiet differenti. Wieħed iżda huwa l-Ispirtu li għall-ġid tal-Knisja jqassam l-għotjiet differenti tiegħu skont l-għana tiegħu u l-ħtieġa tal-ministeri (ara 1 Kor 12:11)” (LG 7). Bl-istess mod ħarġet ix-xewqa li jitwessgħu l-possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni u ta’ tħaddim tal-korresponsabbiltà differenzjata tal-imgħammdin kollha, irġiel u nisa. Imma dwar dan kien hemm min esprima diqa mqanqla min-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ tant membri tal-Poplu ta’ Alla f’din il-mixja ta’ tiġdid ekkleżjali u ta’ taħbit li jinħass kullimkien biex tingħax b’mod sħiħ relazzjonalità sana bejn irġiel u nisa, bejn ġenerazzjonijiet u bejn persuni u gruppi ta’ identitajiet kulturali u kundizzjonijiet soċjali differenti, b’mod partikulari l-foqra u l-imwarrbin.

37. Il-proċess sinodali wera wkoll il-wirt spiritwali tal-Knejjes lokali, li fihom u permezz tagħhom teżisti l-Knisja Kattolika, u l-ħtieġa li jartikulaw l-esperjenzi tagħhom. Bis-saħħa ta’ din il-kattoliċità, “kull parti twassal id-doni tagħha lill-partijiet l-oħra u lill-Knisja kollha. B’hekk il-partijiet waħda waħda u l-ġisem kollu jissaħħu u jikbru billi jaqsmu ma’ xulxin id-doni u jaħdmu lkoll għall-milja tal-unità” (LG 13). Il-ministeru tas-Suċċessur ta’ Pietru “jħares id-diversitajiet leġittimi u fl-istess ħin jgħasses biex dak li hu partikolari mhux biss ma jagħmilx ħsara lill-għaqda iżda jserviha ta’ ġid” (ibid.; ara AG 22).

38. Il-Knisja kollha hi sa minn dejjem kotra ta’ popli u lingwi, ta’ Knejjes bir-riti, dixxiplini u patrimonji teoloġiċi u spiritwali partikulari tagħhom, ta’ vokazzjonijiet, kariżmi u ministeri għall-qadi tal-ħtiġijiet komuni. L-għaqda ta’ din il-varjetà hi mwettqa minn Kristu, il-ġebla tax-xewka, u mill-Ispirtu, mgħallem tal-armonija. Din l-għaqda fid-differenzi tiġi riflessa b’mod preċiż fil-kattoliċità tal-Knisja. Tagħha hi sinjal il-kotra ta’ Knejjes sui iuris, li l-proċess sinodali wera l-għana tagħhom. L-Assemblea titlob li tissokta din it-triq tal-laqgħa, tal-għarfien reċiproku u tal-qsim ta’ doni li jseddqu l-komunjoni ta’ Knisja ta’ Knejjes.

 39. It-tiġdid sinodali jiffavorixxi l-valorizzazzjoni tal-kuntesti bħala post li fih issir preżenti u sseħħ is-sejħa universali ta’ Alla biex nagħmlu parti mill-Poplu tiegħu, minn dik is-saltna ta’ Alla li hi “ġustizzja, u sliem, u grazzja fl-Ispirtu s-Santu” (Rum 14:17). B’dan il-mod, kulturi differenti jkunu kapaċi jilqgħu fihom l-għaqda li hemm fil-pluralità tagħhom u tiftaħhom għall-perspettiva tal-qsim ta’ doni. “L-għaqda tal-Knisja mhijiex l-uniformità, imma l-integrazzjoni organika tad-differenzi leġittimi” (NMI 46). Il-varjetà tal-espressjonijiet tal-messaġġ salvifiku tevita li tirriduċih għal għarfien uniku tal-ħajja tal-Knisja u tal-forom teoloġiċi, liturġiċi, pastorali u dixxiplinari li fihom hi tesprimi ruħha.

40. Il-valorizzazzjoni tal-kuntesti, tal-kulturi u tad-differenzi, u tar-relazzjonijiet bejniethom, hi muftieħ biex nistgħu nikbru bħala Knisja sinodali missjunarja u nimxu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, lejn l-għaqda viżibbli tal-Insara. Intennu l-impenn tal-Knisja Kattolika li nimxu u nintensifikaw il-mixja ekumenika ma’ Nsara oħra, fid-dawl tal-Magħmudija komuni u bi tweġiba għas-sejħa li ngħixu flimkien il-komunjoni u l-għaqda bejn id-dixxipli li għalihom Kristu jitlob fl-Aħħar Ċena (ara Ġw 17:20-26). L-Assemblea tilqa’ b’ferħ u gratitudni l-progressi li saru fir-relazzjonijiet ekumeniċi matul l-aħħar sittin sena, id-dokumenti ta’ djalogu u d-dikjarazzjonijiet li jesprimu l-fidi komuni. Il-parteċipazzjoni tad-Delegati Fraterni għaniet l-iżvolġiment tal-Assemblea u aħna nħarsu bit-tama lejn il-passi li jmiss fil-mixja lejn il-komunjoni sħiħa grazzi għall-mod kif intlaqa’ l-frott tal-mixja ekumenika fil-prattiċi ekkleżjali.

41. F’kull post fid-dinja, l-Insara qed jgħixu minkeb ma’ minkeb ma’ persuni li mhumiex mgħammdin u jaqdu lil Alla billi jipprattikaw reliġjon differenti. Għalihom nitolbu b’mod solenni fil-liturġija tal-Ġimgħa l-Kbira, flimkien magħhom nikkollaboraw u nitqabdu biex nibnu dinja aħjar, u magħhom nitolbu lil Alla l-wieħed biex jeħles lid-dinja mill-ħażen li qed jifniha. Id-djalogu, il-laqgħa u l-qsim ta’ doni tipiċi ta’ Knisja sinodali huma msejħa biex jinfetħu għar-relazzjonijiet ma’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra, bl-għan li “jistabbilixxu ħbiberija, paċi, armonija u jaqsmu valuri u esperjenzi morali u spiritwali fi spirtu ta’ verità u ħbiberija” (Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Indja, Response of the Church in India to the present day challenges,9 ta’ Marzu 2016, ikkwotat fi FT 271). F’xi reġjuni, l-Insara li jħabirku biex jibnu relazzjonijiet fraterni ma’ persuni ta’ reliġjonijiet oħra jġarrbu persekuzzjonijiet. L-Assemblea tħeġġiġhom biex jipperseveraw fl-impenn tagħhom bit-tama.

42. L-għadd ta’ reliġjonijiet u kulturi, il-bosta xejriet ta’ tradizzjonijiet spiritwali u teoloġiċi, il-varjetà tad-doni tal-Ispirtu u tal-ħidmiet fil-komunità, kif ukoll id-differenzi fl-età, is-sess u l-appartenenzi soċjali fi ħdan il-Knisja huma stedina lil kull persuna biex tagħraf u tassumi l-parzjalità tagħha, tiċħad il-pretensjoni li tkun hi fiċ-ċentru u tinfetaħ biex tilqa’ perspettivi oħra. Kull persuna ġġorr magħha kontribut partikulari u indispensabbli biex l-opra komuni tkun sħiħa. Il-Knisja sinodali nistgħu nfissruha billi nirrikorru għax-xbieha tal-orkestra: il-varjetà tal-istrumenti hi meħtieġa biex jagħtu ħajja lill-ġmiel u l-armonija tal-mużika, li fih ħdanha l-leħen ta’ kull persuna għandu l-karatteristiċi distintivi tiegħu għas-servizz tal-missjoni komuni. Hekk tidher l-armonija li l-Ispirtu jwettaq fil-Knisja, hu li hu l-armonija nfisha (ara San Bażilju, Fuq is-Salm 29,1; Fuq l-Ispirtu s-Santu XVI, 38).

L-ispiritwalità sinodali

43. Is-sinodalità hi qabelxejn dispożizzjoni spiritwali li tinfirex fil-ħajja ta’ kuljum tal-imgħammdin u f’kull aspett tal-missjoni tal-Knisja. Spiritwalità sinodali li toħroġ mill-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu u titlob is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, il-kontemplazzjoni, is-skiet u l-konverżjoni tal-qalb. Kif afferma l-Papa Franġisku fil-ftuħ ta’ din t-Tieni Sessjoni, “l-Ispirtu s-Santu hu gwida żgura, u l-ewwel dmir tagħna hu li nitgħallmu nagħrfu l-leħen tiegħu, għax hu jitkellem f’kulħadd u f’kollox” (Intervent fl-Ewwel Kongregazzjoni Ġenerali tat-Tieni Sessjoni tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 2 ta’ Ottubru 2024). Spiritwalità sinodali tesiġi wkoll axxeżi, umiltà, paċenzja u disponibbiltà biex naħfru u niġu maħfura. Tilqa’ bi gratitudni u umiltà l-varjetà tad-doni u tal-ħidmiet imqassma mill-Ispirtu s-Santu għall-qadi tal-Mulej waħdieni (ara 1 Kor 12:4-5). Dan tagħmlu mingħajr ambizzjoni jew għira, lanqas b’xi xewqa ta’ ħakma jew ta’ kontroll, imma billi tikkultiva l-istess sentimenti ta’ Kristu Ġesù, li “xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir” (Fil 2:7). Il-frott ta’ dan nagħrfuh meta l-ħajja ta’ kuljum tal-Knisja tkun immarkata minn għaqda u armonija f’bosta xejriet. Ħadd ma jista’ jimxi waħdu t-triq ta’ spiritwalità awtentika. Għandna bżonn ta’ min iweżinna, inkluż bil-formazzjoni u l-akkumpanjament spiritwali, kemm bħala individwi u bħala komunità.

44. It-tiġdid tal-komunità Nisranija hu possibbli biss jekk nagħrfu l-primat tal-grazzja. Jekk tonqos il-profondità spiritwali personali u komunitarja, is-sinodalità tirriduċi ruħha għal soluzzjoni organizzattiva. Aħna msejħin mhux biss biex nittraduċu fi proċessi komunitarji l-frott ta’ esperjenza spiritwali personali, imma biex nagħmlu esperjenza ta’ kif il-prattika tal-kmandament il-ġdid tal-imħabba reċiproka tkun post u għamla ta’ laqgħa ma’ Alla. F’dan is-sens il-perspettiva sinodali, waqt li tixrob mill-wirt spiritwali għani tat-Tradizzjoni, tikkontribwixxi biex iġġedded il-forom tiegħu: talba miftuħa għall-parteċipazzjoni, dixxerniment li ngħixu flimkien, enerġija missjunarja li titwieled mill-kondiviżjoni u tilma bħala servizz.

45. Il-konverżazzjoni fl-Ispirtu hija strument li, imqar jekk għandu l-limiti tiegħu, jiswa ħafna biex jgħin fis-smigħ u d-dixxerniment ta’ “dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knejjes” (Apok 2:7). It-tħaddim tiegħu qanqal ferħ, stagħġib u gratitudni, u ħafna għexuh bħala mixja ta’ tiġdid li tibdel l-individwi, il-gruppi, il-Knisja. Il-kelma “konverżazzjoni” tesprimi xi ħaġa iktar mis-sempliċi djalogu: tinseġ b’mod armoniku ħsieb u sentiment, u tnissel dinja vitali kondiviża. Għalhekk nistgħu ngħidu li fil-konverżazzjoni hemm ukoll il-konverżjoni. Dan hu fatt antropoloġiku li nsibuh f’popli u kulturi differenti, li għandhom komuni bejniethom il-prattika li jinġabru flimkien b’mod solidali biex jittrattaw u jiddeċiedu fuq kwistjonijiet vitali għall-komunità. Il-grazzja twassal għall-milja tagħha din l-esperjenza umana: il-konverżazzjoni “fl-Ispirtu” tfisser li ngħixu l-esperjenza tal-qsim flimkien fid-dawl tal-fidi u aħna u nfittxu r-rieda ta’ Alla, f’atmosfera evanġelika li fiha l-Ispirtu s-Santu jista’ jsemma’ l-leħen inkonfondibbli tiegħu.

46. F’kull fażi tal-proċess sinodali dewa l-bżonn ta’ fejqan, rikonċiljazzjoni u bini mill-ġdid tal-fiduċja fi ħdan il-Knisja, b’mod partikulari wara l-ħafna skandli marbuta mal-bosta xejriet ta’ abbużi, u tas-soċjetà. Il-Knisja hi msejħa tqiegħed fiċ-ċentru tal-ħajja tagħha u tal-azzjoni tagħha l-fatt li fi Kristu, permezz tal-Magħmudija, aħna fdati lil xulxin. L-għarfien ta’ din ir-realtà profonda jinbidel fi dmir sagru li jagħmilna kapaċi nagħrfu l-iżbalji u nibnu mill-ġdid il-fiduċja. Li nagħmlu din il-mixja hu att ta’ ġustizzja, impenn missjunarju tal-Poplu ta’ Alla fid-dinja tagħna u don li rridu nitolbu mill-għoli. Ix-xewqa li nkomplu nimxu f’din it-triq hi frott tat-tiġdid sinodali.

Sinodalità bħala profezija soċjali

47. Meta mħaddem b’umiltà, l-istil sinodali jista’ jagħmel lill-Knisja leħen profetiku fid-dinja tal-lum. “Il-Knisja sinodali hi bħal stendard merfugħ fost il-ġnus (ara Iż 11:12)” (Franġisku, Diskors għall-kommemorazzjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 17 ta’ Ottubru 2015). Qed ngħixu f’epoka mmarkata minn nuqqasijiet ta’ ugwaljanza li dejjem jispikkaw aktar, minn diżillużjoni dejjem tikber fil-konfront ta’ mudelli tradizzjonali ta’ tmexxija, min-nuqqas ta’ sodisfazzjon dwar kif qed taħdem id-demokrazija, minn tendenzi dejjem jikbru awtokratiċi u dittatorjali, mill-predominju tal-mudell tas-suq mingħajr attenzjoni għall-vulnerabbiltà tal-persuni u tal-ħolqien, u mit-tentazzjoni li nsolvu l-kunflitti bil-forza pjuttost milli bid-djalogu. Prattiċi awtentiċi ta’ sinodalità jippermettu lill-Insara jelaboraw kultura b’ħila ta’ profezija kritika fil-konfronti tal-ħsieb dominanti u li hekk toffri kontribut partikulari għat-tiftix ta’ tweġibiet għad-diversi sfidi li s-soċjetajiet kontemporanji jkollhom jaffrontaw u għall-bini tal-ġid komuni.

48. Il-mod sinodali kif ngħixu r-relazzjonijiet hu għamla ta’ xhieda quddiem is-soċjetà. Barra minn hekk dan iwieġeb għall-bżonn uman li nkunu milqugħa u nħossuna rikonoxxuti fi ħdan komunità konkreta. Din hi sfida quddiem l-iżolament dejjem jikber tal-persuni u tal-individwaliżmu kulturali, li anki l-Knisja spiss xorbot minnu, u ssejħilna għall-għożża ta’ xulxin, għall-interdipendenza u għall-korresponsabbiltà għall-ġid komuni. Bl-istess mod, tisfida komunitarjaniżmu soċjali esaġerat li jifga l-persuni u ma jħallihomx ikunu suġġetti għall-iżvilupp tagħhom. Id-disponibbiltà għas-smigħ ta’ kulħadd, speċjalment tal-foqra, hu f’kuntrast qawwi ma’ dinja li fiha l-konċentrazzjoni tal-poter taqta’ barra lill-foqra, l-imwarrbin, il-minoranzi u l-art, id-dar komuni tagħna. Sinodalità u ekoloġija integrali jassumu t-tnejn li huma l-perspettiva tar-relazzjonijiet u jinsistu fuq il-ħtieġa li nikkuraw ir-rabtiet li għandna: għalhekk jikkorrispondu u jintegraw ruħhom fil-mod kif il-Knisja tgħix il-missjoni tagħha fid-dinja tal-lum.

Parti II – Fuq id-dgħajsa, flimkien

Il-konverżjoni tar-relazzjonijiet

Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien, u Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad”. Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll”. (Ġw 21:2-3)

49. L-għadira ta’ Tiberija hija l-post li minnu beda kollox. Pietru, Indrì, Ġakbu, Ġwanni kienu ħallew id-dgħajsa u x-xbieki biex imorru wara Ġesù. Wara l-Għid, kollox jerġa’ jitlaq minn dik l-għadira. Billejl, fuq ix-xatt jidwi djalogu: “Sejjer nistad”. “Ħa niġu miegħek aħna wkoll”. Il-mixja sinodali bdiet hekk ukoll: smajna l-istedina tas-Suċċessur ta’ Pietru u lqajnieha; dħalna f’moviment miegħu u warajh. Flimkien tlabna, irriflettejna, tħabatna u ddjalogajna. Imma fuq kollox doqna kif ir-relazzjonijiet huma dawk li jwieżnu l-ħajja tal-Knisja, janimaw l-istrutturi tagħha. Knisja sinodali missjunarja għandha bżonn li ġġedded kemm dawk u kemm dawn.

Relazzjonijiet ġodda

50. Matul il-mixja kollha tas-Sinodu u fuq kull livell ħarġet it-talba għal Knisja li tkun kapaċi trawwam aktar relazzjonijiet: mal-Mulej, bejn il-bnedmin, fil-familji, fil-komunitajiet, fost l-Insara kollha, fost il-gruppi soċjali, fost ir-reliġjonijiet, mal-ħolqien. Ħafna esprimew is-sorpriża li ġew involuti u l-ferħ li setgħu jsemmgħu leħinhom fil-komunità; ma naqasx anki min qasam it-tbatija li jħossu eskluż jew iġġudikat anki minħabba s-sitwazzjoni tiegħu taż-żwieġ, l-identità u s-sesswalità. Ix-xewqa għal relazzjonijiet iżjed awtentiċi u sinifikattivi ma tesprimix biss l-aspirazzjoni li wieħed jappartieni għal grupp magħqud, imma tikkorrispondi għal għarfien profond ta’ fidi: il-kwalità evanġelika tar-relazzjonijiet komunitarji hi deċiżiva għax-xhieda li l-Poplu ta’ Alla hu msejjaħ jagħti fl-istorja. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35). Ir-relazzjonijiet imġedda tal-grazzja u l-ospitalità offruta lil dawk fl-aħħar post skont it-tagħlim ta’ Ġesù huma s-sinjal l-aktar elokwenti tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-komunità tad-dixxipli. Għalhekk, biex inkunu Knisja sinodali hemm bżonn ta’ vera konverżazzjoni relazzjonali. Jeħtieġ nitgħallmu mill-ġdid mill-Vanġelu li l-għożża tar-relazzjonijiet mhijiex strateġija jew l-istrument għal effikaċja akbar organizzattiva, imma hija l-mod li bih Alla l-Missier wera lilu nnifsu f’Ġesù u fl-Ispirtu. Meta mir-relazzjonijiet tagħna, imqar fid-dgħufija tagħhom, jgħaddu l-grazzja ta’ Kristu, l-imħabba tal-Missier, il-komunjoni tal-Ispirtu, aħna nistqarru bil-ħajja tagħna l-fidi f’Alla Trinità.

51. Huwa lejn il-Vanġeli li rridu nħarsu biex infasslu l-mappa tal-konverżjoni li hi mitluba minna, u nitgħallmu nagħmlu tagħna l-atteġġjamenti ta’ Ġesù. Il-Vanġeli “jippreżentawhulna l-ħin kollu jisma’ l-persuni li jiltaqgħu miegħu tul it-toroq tal-Art Imqaddsa” (DTC 11). Kienu x’kienu, irġiel jew nisa, Lhud jew pagani, għorrief tal-liġi jew pubblikani, ġusti jew midinba, tallaba, għomja, imġiddma jew morda, Ġesù qatt ma bagħat lil ħadd mingħajr ma waqaf u ta widen u mingħajr ma daħal fi djalogu. Wera l-wiċċ tal-Missier u ġie jiltaqa’ ma’ kull persuna hemm fejn tinsab l-istorja tagħha u l-libertà tagħha. Mis-smigħ ta’ dawk l-aktar fil-bżonn u tal-fidi tal-persuni li magħhom kien jiltaqa’ kienu joħorġu kelmiet u ġesti li jġeddu l-ħajja tagħhom, jiftħu t-triq għal relazzjonijiet imfejqa. Ġesù hu l-Messija li “jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin” (Mk 7:37). Lilna d-dixxipli tiegħu jitlobna li nġibu ruħna bl-istess mod u jagħtina, bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, il-ħila li nagħmlu dan, u nfasslu l-qalb tagħna fuq tiegħu: hekk biss “il-qalb tagħmel possibbli kull rabta awtentika, għax relazzjoni li mhijiex mibnija permezz tal-qalb mhix kapaċi tegħleb il-frammentazzjoni tal-individwaliżmu” (DN 17). Meta nagħtu widen għal ħutna, ikollna sehem mill-imġiba li biha Alla f’Ġesù Kristu jiġi jiltaqa’ ma’ kull persuna.

52. L-esiġenza tal-konverżjoni fir-relazzjonijiet bilfors tmiss dawk bejn irġiel u nisa. Id-dinamiżmu relazzjonali hu minqux fil-kundizzjoni tagħna ta’ ħlejjaq. Id-differenza sesswali hija l-bażi tar-relazzjonalità umana. “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbiehetu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1:27). Fil-pjan ta’ Alla din id-differenza sa mill-bidu ma ġġibx nuqqas ta’ ugwaljanza bejn raġel u mara. Fil-ħolqien ġdid, hi terġa’ tinqara fid-dawl tad-dinjità tal-Magħmudija: “Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu. Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:27-28). Bħala Nsara aħna msejħin nilqgħu u nirrispettaw, fid-diversi modi u fid-diversi kuntesti li fihom tesprimi ruħha, din id-differenza li hija don ta’ Alla u għajn ta’ ħajja. Nagħtu xhieda tal-Vanġelu meta nfittxu li ngħixu relazzjonijiet li jirrispettaw id-dinjità ugwali u r-reċiproċità bejn irġiel u nisa. L-espressjonijiet rikorrenti ta’ uġigħ u ta’ tbatija min-naħa ta’ nisa ta’ kull reġjun u kontinent, sew jekk lajċi u sew jekk ikkonsagrati, matul il-proċess sinodali, juru kemm spiss dan ma jirnexxilniex nagħmluh.

Fi pluralità ta’ kuntesti

53. Is-sejħa għat-tiġdid tar-relazzjonijiet fil-Mulej Ġesù tidwi fil-pluralità tal-kuntesti li fihom id-dixxipli tiegħu jgħixu u jwettqu l-missjoni tal-Knisja. Kull wieħed minn dawn il-kuntesti għandu għana partikulari li huwa indispensabbli nagħtu kasu, marbut mal-pluraliżmu tal-kulturi. Kollha, imma, b’modi differenti, iġorru s-sinjali ta’ loġika relazzjonali mgħawġa jew xi drabi opposta għal dik tal-Vanġelu. Matul l-istorja, l-għeluq relazzjonali kompla ssaħħaħ fi strutturi ta’ dnub (ara SRS 36), li jinfluwenzaw il-mod li bih il-persuni jaħsbu u jaġixxu. B’mod partikulari, jiġġeneraw imblokki u biżgħat, li għandna bżonn naffaċċjaw u negħlbu biex nistgħu nimxu fit-triq tal-konverżjoni relazzjonali.

54. Isib għeruqu f’din id-dinamika l-ħażen li qed jifni d-dinja tagħna, ibda mill-gwerer u mill-kunflitti bl-armamenti, u mill-illużjoni li paċi ġusta tista’ tinkiseb bis-saħħa tal-armi. Daqshekk ieħor letali hi l-konvinzjoni li l-ħolqien kollu, saħansitra l-persuni, jista’ jiġi sfruttat skont il-pjaċir ta’ dak li jkun biex jikseb profitt minnhom. Konsegwenza ta’ dan huma l-ħafna ħitan li jifirdu l-persuni, anki fil-komunitajiet Insara, u jillimitaw il-possibbiltajiet ta’ xi wħud meta mqabbla ma’ dawk li jgawdu minnhom oħrajn: in-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn irġiel u nisa, ir-razziżmu, it-taqsim tal-kasti, id-diskriminazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, il-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi ta’ kull xorta, in-nuqqas ta’ disponibbiltà biex jiġu milqugħa l-migranti. Anki r-relazzjoni mal-art, oħtna u ommna (ara LS 1), iġġorr is-sinjali ta’ qasma li tpoġġi f’periklu l-ħajja ta’ għadd bla qies ta’ komunitajiet, b’mod partikulari fir-reġjuni l-aktar foqra, jekk mhux ukoll ta’ popli sħaħ u forsi tal-umanità kollha. L-għeluq l-aktar radikali u drammatiku hu dak fil-konfront tal-istess ħajja umana, li jwassal għar-rimi tat-tfal, sa mill-ġuf tal-omm, u tal-anzjani.

55. Tant ħażen li qed jifni lid-dinja tagħna jidher ukoll fil-Knisja. Il-kriżi tal-abbużi, fid-diversi manifestazzjonijiet traġiċi tagħha, ġabet magħha tbatijiet indeskrivibbli u spiss fit-tul għall-vittmi u għal dawk li ħarġu ħajjin minnhom, u għall-komunitajiet tagħhom. Il-Knisja għandha tagħti widen b’attenzjoni u sensibbiltà partikulari għal-leħen tal-vittmi ta’ abbużi sesswali, spiritwali, ekonomiċi, istituzzjonali, ta’ poter u ta’ kuxjenza min-naħa ta’ membri tal-kleru jew ta’ persuni b’karigi ekkleżjali. Is-smigħ hu element fundamentali tal-mixja lejn il-fejqan, l-indiema, il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni. Fi żmien fejn qed naraw kriżi globali ta’ fiduċja u fejn il-persuni huma mħeġġa jgħixu fis-suspett, il-Knisja għandha tagħraf in-nuqqasijiet tagħha, titlob umilment maħfra, tieħu ħsieb tal-vittmi, toħloq strumenti ta’ prevenzjoni u tagħmel sforz biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja reċiproka fil-Mulej.

56. Is-smigħ ta’ min qed ibati minn esklużjoni u emarġinazzjoni jsaħħaħ l-għarfien tagħna: li nieħdu fuqna l-piż ta’ dawn ir-relazzjonijiet midruba biex il-Mulej, il-Ħaj, ifejjaqhom, jagħmilhom parti mill-missjoni tal-Knisja. Hekk biss hi tista’ tkun “bħal sagrament jew  sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-unità tal-ġens tal-bnedmin kollu” (LG 1). Fl-istess waqt, il-ftuħ għad-dinja jgħinha tiskopri li f’kull rokna tal-pjaneta, f’kull kultura u f’kull grupp uman, l-Ispirtu xerred iż-żerriegħa tal-Vanġelu. Dawn jagħmlu frott skont kemm inkunu kapaċi ngħixu relazzjonijiet sani, nikkultivaw il-fiduċja reċiproka u l-maħfra, negħlbu l-biża’ minn min hu differenti u nagħtu l-ħajja lil komunitajiet akkoljenti, nippromovu ekonomija attenta għall-persuni u għall-pjaneta, nirrikonċiljaw wara kunflitt. L-istorja qed tgħaddilna wirt ta’ kunflitti mmotivati wkoll f’isem l-appartenenza reliġjuża, li jheddu l-kredibbiltà tal-istess reliġjonijiet. Għajn ta’ tbatija huwa l-iskandlu tal-firdiet bejn komunitajiet Insara, it-tilwim bejn l-aħwa li rċivew l-istess Magħmudija. L-esperjenza mġedda ta’ ħeġġa ekumenika li ssieħeb il-mixja sinodali, wieħed mis-sinjali tal-konverżjoni relazzjonali, tiftaħna għat-tama.

Kariżmi, vokazzjonijiet u ministeri għall-missjoni

57. L-Insara, personalment jew f’għamla ta’ assoċjazzjoni, huma msejħa jagħmlu frott mid-doni li l-Ispirtu jsawwab fid-dawl tax-xhieda u tal-aħbar tal-Vanġelu. “Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd. Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd” (1 Kor 12:4-7). Fil-komunità Nisranija, l-imgħammdin kollha huma mogħnija b’doni li huma jaqsmu ma’ xulxin, kull wieħed skont il-vokazzjoni u l-kundizzjoni ta’ ħajtu. Id-diversi vokazzjonijiet ekkleżjali huma fil-fatt espressjonijiet kotrana u artikulati tas-sejħa waħda batteżimali għall-qdusija u għall-missjoni. Il-firxa wiesgħa ta’ kariżmi, li għandha oriġni fil-libertà tal-Ispirtu s-Santu, hi finalizzata lejn il-Ġisem ekkleżjali ta’ Kristu (ara LG 32) u lejn il-missjoni fid-diversi postijiet u kulturi (ara LG 12). Dawn id-doni mhumiex proprjetà esklussiva ta’ min jirċevihom u jħaddimhom, lanqas jistgħu jkunu raġuni biex wieħed iżommhom għalih jew għal xi grupp. Anki b’pastorali vokazzjonali xierqa, huma msejħin jagħtu sehemhom kemm fil-ħajja tal-komunità Nisranija, u kemm fl-iżvilupp tas-soċjetà fid-diversi dimensjonijiet tagħha.

58. Kull imgħammed iwieġeb għall-esiġenzi tal-missjoni fil-kuntesti li fihom jgħix u jaħdem, ibda mill-inklinazzjonijiet u l-ħiliet tiegħu, u hekk juri l-libertà tal-Ispirtu fit-tiswib tad-doni tiegħu. Grazzi għal dan id-dinamiżmu fl-Ispirtu, il-Poplu ta’ Alla, waqt li jagħti widen għar-realtà li fiha jgħix, jista’ jiskopri oqsma ġodda ta’ ħidma u għamliet ġodda biex iwettaq il-missjoni tiegħu. L-Insara, li f’diversi oqsma – fil-familja u fi stati oħra tal-ħajja, fuq il-post tax-xogħol u fil-professjonijiet, fl-impenn ċiviku jew politiku, soċjali jew ekoloġiku, fl-elaborazzjoni ta’ kultura mnebbħa mill-Vanġelu kif ukoll fl-evanġelizzazzjoni tal-kultura tal-ambjent diġitali – jimxu fit-toroq tad-dinja u fl-ambjenti tal-ħajja jxandru l-Vanġelu, huma mwieżna mid-doni tal-Ispirtu.

59. Mill-Knisja huma jitolbu li ma jitħallewx waħidhom, imma li jħossuhom mibgħuta u mwieżna. Jitolbu li jiġu msaħħa mill-ġisem tal-Kelma u tal-Ewkaristija, barra mir-rabtiet tal-aħwa fil-komunità. Jitolbu li l-impenn tagħhom ikun magħruf għal dak li hu: azzjoni ta’ Knisja bil-qawwa tal-Vanġelu, mhux xi għażla privata. Fl-aħħar nett jitolbu li l-komunità ssieħeb lil dawk li, minħabba x-xhieda tagħhom, ġew miġbuda mill-Vanġelu. Fi Knisja sinodali missjunarja, taħt il-gwida tar-Ragħajja tagħhom, il-komunitajiet ikunu kapaċi jibagħtu u jwieżnu lil dawk li huma bagħtu. Allura, huma jħarsu lejhom infushom prinċipalment għall-qadi tal-missjoni li l-fidili jwettqu fi ħdan is-soċjetà, fil-ħajja tal-familja u tax-xogħol, bla ma jikkonċentraw esklussivament fuq il-ħidmiet li jitwettqu fi ħdanhom u fuq il-ħtiġijiet organizzattivi tagħhom.

60. Bil-qawwa tal-Magħmudija, irġiel u nisa jgawdu mill-istess dinjità fil-Poplu ta’ Alla. Imma, in-nisa għadhom qed isibu xkiel biex jiksbu għarfien iżjed sħiħ tal-kariżmi tagħhom, tal-vokazzjoni tagħhom u tal-post tagħhom fid-diversi oqsma tal-ħajja tal-Knisja, b’dannu għas-servizz tal-missjoni komuni. L-Iskrittura tixhed għar-rwol ewlieni ta’ ħafna nisa fl-istorja tas-salvazzjoni. Kienet mara, Marija ta’ Magdala, li ġiet fdata bl-ewwel tħabbira tal-Qawmien; nhar Għid il-Ħamsin, fiċ-Ċenaklu kien hemm preżenti Marija, Omm Alla, flimkien ma’ ħafna nisa oħra li kienu mxew wara l-Mulej. Importanti li siltiet bħal dawn fl-Iskrittura jsibu spazju xieraq fil-lezzjonarji liturġiċi. Xi mumenti kruċjali fl-istorja tal-Knisja jikkonfermaw il-kontribut essenzjali ta’ nisa mqanqla mill-Ispirtu. In-nisa huma l-parti l-kbira ta’ dawk li jiffrekwentaw il-knejjes u spiss huma l-ewwel xhieda tal-fidi fil-familji. Huma attivi fil-ħajja tal-komunitajiet żgħar Insara u fil-Parroċċi; imexxu skejjel, sptarijiet u ċentri ta’ akkoljenza; jinsabu fit-tmun ta’ inizjattivi ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ promozzjoni tad-dinjità umana u tal-ġustizzja soċjali. In-nisa jagħtu sehemhom fir-riċerka teoloġika u huma preżenti f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fl-istituzzjonijiet marbuta mal-Knisja, fil-Kurji djoċesani u fil-Kurja Rumana. Hemm nisa li jiżvolġu rwoli ta’ awtorità u huma fit-tmexxija ta’ komunitajiet. Din l-Assemblea tistieden biex jitwettqu b’mod sħiħ l-opportunitajiet kollha diġà previsti mil-Liġi Kanonika f’rabta mar-rwol tan-nisa, b’mod partikulari fil-postijiet fejn dawn għadhom mhumiex attwati. Ma hemmx raġunijiet li jżommu lin-nisa milli jassumu rwoli ta’ gwida fil-Knisja: ma nistgħux inwaqqfu dak li ġej mill-Ispirtu s-Santu. Anki l-kwistjoni tal-aċċess tan-nisa għall-ministeru djakonali tibqa’ miftuħa u titlob li jseħħ dixxerniment dwarha. L-Assemblea tistieden ukoll biex tingħata attenzjoni ikbar lil-lingwaġġ u lix-xbihat imħaddma fil-predikazzjoni, fit-tagħlim, fil-katekeżi u fit-tfassil tad-dokumenti uffiċjali tal-Knisja, biex jingħata spazju ikbar lis-sehem ta’ nisa qaddisa, teologi u mistiċi.

61. Fi ħdan il-komunità Nisranija, attenzjoni partikulari għandha tingħata lit-tfal: mhux biss għandhom isibu min iseħibhom fl-avventura tal-maturazzjoni tagħhom, imma għandhom ħafna x’jagħtu lill-komunità ta’ dawk li jemmnu. Meta l-Appostli jiddiskutu bejniethom fuq min hu l-ikbar fosthom, Ġesù jqegħdilhom f’nofshom tfajjel ċkejken, u jippreżentah bħala kriterju biex jidħlu fis-Saltna (ara Mk 9:33-37). Il-Knisja ma tistax tkun sinodali mingħajr is-sehem tat-tfal, li għandhom fihom potenzjal missjunarju li għandu jiġi vvalorizzat. Il-leħen tagħhom hu meħtieġ għall-komunità: irridu nagħtuh widen u nħabirku biex kulħadd fis-soċjetà jisimgħu, fuq kollox dawk li għandhom responsabbiltajiet politiċi u edukattivi. Soċjetà li ma tafx tilqa’ u tħares it-tfal hija soċjetà marida; it-tbatija li jgħaddu minnha ħafna minnhom minħabba l-gwerra, il-faqar u l-abbandun, l-abbuż u t-traffikar hija skandlu li jitlob il-kuraġġ tal-kundanna u l-impenn tas-solidarjetà.

62. Anki ż-żgħażagħ għandhom sehem x’jagħtu lit-tiġdid sinodali tal-Knisja. Huma partikularment sensibbli għall-valuri tal-fraternità u tal-qsim flimkien, waqt li jirrifjutaw atteġġjamenti paternalistiċi jew awtoritarji. Xi drabi l-atteġġjament tagħhom lejn il-Knisja jippreżenta ruħu bħala kritika, imma spiss jieħu l-bixra pożittiva ta’ impenn personali għal komunità akkoljenti u impenjata biex titqabad kontra l-inġustizzja soċjali u għall-għożża tad-dar komuni. It-talba li “nimxu flimkien fil-ħajja ta’ kuljum”, li għamlu ż-żgħażagħ fis-Sinodu ddedikat lilhom fl-2018, tikkorrispondi eżattament max-xefaq ta’ Knisja sinodali. Għalhekk hu fundamentali li niżgurawlhom akkumpanjament attent u paċenzjuż; b’mod partikulari ta’ min jerġa’ jaqbad il-proposta, li ħarġet grazzi għall-kontribut tagħhom, ta’ “esperjenza ta’ akkumpanjament fid-dawl tad-dixxerniment”, li tipprevedi l-ħajja fraterna maqsuma flimkien ma’ edukaturi adulti, impenn appostoliku li jgħixu flimkien għall-qadi ta’ dawk l-aktar fil-bżonn, offerta ta’ spiritwalità b’għeruqha fit-talb u fil-ħajja sagramentali (ara Dokument finali tal-XV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja ta-Sinodu tal-Isqfijiet, “Iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment Vokazzjonali”, 161).

63. Fil-promozzjoni tal-korresponsabbiltà għall-missjoni tal-Imgħammdin kollha, nagħrfu l-ħiliet appostoliċi tal-persuni b’diżabbiltà li jħossuhom imsejħin u mibgħutin bħala suġġetti attivi ta’ evanġelizzazzjoni. Nixtiequ nagħtu valur lill-kontribut li jiġi mill-għana immens ta’ umanità li jġorru magħhom. Nirrikonoxxu l-esperjenzi tagħhom ta’ tbatija, emarġinazzjoni, diskriminazzjoni, li xi drabi jġarrbu wkoll fi ħdan il-komunità Nisranija, minħabba atteġġjamenti paternalistiċi ta’ kommiżerazzjoni. Biex inħeġġu s-sehem tagħhom fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja, nipproponu l-ħolqien ta’ Osservatorju ekkleżjali tad-diżabbiltà.

64. Fost il-vokazzjonijiet li bihom hi mogħnija l-Knisja tispikka dik tal-miżżewġin. Il-Konċilju Vatikan II għallimna li dawn “fl-istat u l-grad tagħhom għandhom id-don proprju tagħhom fi ħdan il-poplu ta’ Alla” (LG 11). Is-sagrament taż-żwieġ jagħti missjoni partikulari li tmiss fl-istess waqt il-ħajja tal-familja, il-bini tal-Knisja u l-impenn fis-soċjetà. B’mod partikulari, fis-snin li għaddew kiber l-għarfien li l-familji huma suġġetti u mhux biss destinatarji tal-pastorali tal-familja. Għalhekk hemm bżonn li jiltaqgħu u joħolqu xbieki ta’ kuntatt ma’ xulxin, anki grazzi għall-għajnuna tal-istituzzjonijiet ekkleżjali ddedikati għall-edukazzjoni tat-tfal u tal-adolexxenti. Mill-ġdid l-Assemblea tesprimi qrubija u sostenn lil dawk li jgħixu f’qagħda ta’ solitudni bħala għażla ta’ fedeltà għat-Tradizzjoni u għall-Maġisteru tal-Knisja fil-qasam taż-żwieġ u tal-etika sesswali, li fihom jagħrfu għajn ta’ ħajja.

65. Matul is-sekli, id-doni spiritwali taw bidu wkoll għal diversi espressjonijiet ta’ ħajja kkonsagrata. Sa mill-bidu l-Knisja għarfet l-azzjoni tal-Ispirtu fil-ħajja ta’ dawk l-irġiel u nisa li għażlu li jimxu wara Kristu fit-triq tal-kunsilli evanġeliċi, billi kkonsagraw ruħhom għall-qadi ta’ Alla kemm fil-kontemplazzjoni u kemm fl-għadd ta’ għamliet ta’ servizz. Il-ħajja kkonsagrata hi msejħa tisfida lill-Knisja u lis-soċjetà bil-leħen profetiku tagħha. Fl-esperjenza tagħhom matul is-sekli, il-familji reliġjużi rawmu fi ħdanhom prattiċi ta’ ħajja sinodali u ta’ dixxerniment komunitarju li huma esperimentaw, u tgħallmu jqiegħdu f’armonija d-doni individwali u l-missjoni komuni. Ordnijiet u Kongregazzjonijiet, Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika, Istituti sekulari, kif ukoll Assoċjazzjonijiet, Movimenti u Komunitajiet Ġodda għandhom sehem speċjali x’jagħtu biex tikber is-sinodalità tal-Knisja. Illum ħafna komunitajiet ta’ ħajja kkonsagrata huma laboratorju ta’ interkulturalità li jikkostitwixxi profezija għall-Knisja u għad-dinja. Fl-istess waqt, is-sinodalità tistieden – u xi drabi tisfida – lir-Ragħajja tal-Knejjes lokali, kif ukoll lir-responsabbli tal-ħajja kkonsagrata u tal-Għaqdiet ekkleżjali, biex isaħħlu r-relazzjonijiet b’mod li jagħtu l-ħajja lil qsim ta’ doni għall-qadi tal-missjoni komuni.

66. Il-missjoni tinvolvi lill-imgħammdin kollha. L-ewwel ħidma tal-lajċi hi li jimlew u jibdlu r-realtajiet temporali bl-ispirtu tal-Vanġelu (ara LG 31,33; AA 5-7). Il-proċess sinodali, imwieżen minn stimolu mill-Papa Franġisku (ara Ittra Appostolika fl-għamla ta’ Motu Proprju ‘Spiritus Domini’, 10 ta’ Jannar 2021), ħeġġeġ lill-Knejjes lokali biex iwieġbu bi kreattività u kuraġġ għall-ħtiġijiet tal-missjoni, waqt li jiddixxernu liema fost il-kariżmi hu opportun li jieħdu bixra ministerjali, waqt li jiġu mogħnija bi kriterji, strumenti u proċeduri adegwati. Mhux il-kariżmi kollha għandhom jingħataw is-sura ta’ ministeri, lanqas l-imgħammdin kollha ma għandhom ikunu ministri, u lanqas il-ministeri kollha ma għandhom ikunu istitwiti. Biex kariżma tingħata s-sura ta’ ministeru hemm bżonn li l-komunità tidentifika bżonn pastorali veru, imsieħeb minn dixxerniment min-naħa tar-Ragħaj flimkien mal-komunità fuq l-opportunità li jinħoloq ministeru ġdid. Bħala frott ta’ dan il-proċess l-awtorità kompetenti tieħu d-deċiżjoni. Fi Knisja sinodali missjunarja, hi mħeġġa l-promozzjoni ta’ għamliet aktar numerużi ta’ ministeri lajkali, li allura ma jitolbux is-sagrament tal-Ordni, mhux biss fil-qasam liturġiku. Jistgħu jkunu istitwiti jew mhux istitwiti. Għandha tibda wkoll riflessjoni fuq kif nafdaw il-ministeri lajkali fi żmien fejn il-persuni jiċċaqilqu minn post għall-ieħor b’faċilità ikbar, u nippreċiżaw iż-żminijiet u l-oqsma tat-tħaddim tagħhom.

67. Fost il-bosta servizzi ekkleżjali, l-Assemblea għarfet il-kontribut lill-intelliġenza tal-fidi u lid-dixxerniment offrut mit-teoloġija fil-firxa wiesgħa ta’ espressjonijiet tagħha. Teologi rġiel u nisa jgħinu lill-Poplu ta’ Alla jiżviluppa għarfien tar-realtà mdawwal mir-Rivelazzjoni u jelabora tweġibiet idonji u lingwaġġi xierqa għall-missjoni. Fil-Knisja sinodali u missjunarja “l-kariżma tat-teoloġija hi msejħa tiżvolġi servizz speċifiku […]. Flimkien mal-predikazzjoni tar-Ragħajja, tikkontribwixxi biex il-Vanġelu jinfed dejjem iżjed b’mod profond. Barra minn hekk, bħal f’kull vokazzjoni oħra Nisranija, anki l-ministeru tat-teologu, barra li hu personali, hu wkoll komunitarju u kolleġġjali’” (CTI, n. 75), fuq kollox meta jsir f’għamla ta’ tagħlim fdat b’missjoni kanonika fl-istituzzjonijiet akkademiċi ekkleżjastiċi. “Għalhekk, is-sinodalità ekkleżjali timpenja lit-teologi biex jagħmlu t-teoloġija f’għamla sinodali, u jippromovu bejniethom il-ħila li jisimgħu, jiddjalogaw, jiddixxernu u jintegraw l-għadd kbir u varjat ta’ ġrajjiet u kontributi” (ibid.). F’din il-linja, huwa urġenti li ngħinu, permezz ta’ għamliet istituzzjonali opportuni, id-djalogu bejn ir-Ragħajja u dawk li huma impenjati fir-riċerka teoloġika. L-Assemblea tistieden lill-istituzzjonijiet teoloġiċi biex ikomplu bir-riċerka li għandha l-għan li tiċċara u tapprofondixxi t-tifsira tas-sinodalità u ssieħeb il-formazzjoni fil-Knejjes lokali.

Il-ministeru ordnat għall-qadi tal-armonija

68. Bħall-ministeri kollha tal-Knisja, l-episkopat, il-presbiterat u d-djakonat huma għall-qadi tax-xandir tal-Vanġelu u tal-bini tal-komunità ekkleżjali. Il-Konċilju Vatikan II fakkar li l-ministeru ordnat ta’ istituzzjoni divina “huwa eżerċitat f’ordnijiet differenti minn dawk li mill-ewwel żminijiet issejħu isqfijiet, presbiteri u djakni” (LG 28). F’dan il-kuntest, il-Konċilju Vatikan II afferma s-sagramentalità tal-episkopat (ara LG 21), irkupra r-realtà komunjonali tal-presbiterat (ara LG 28), u fetaħ it-triq biex jerġa’ jibda jitħaddem b’mod permanenti d-djakonat fil-Knisja Latina (ara LG 29).

Il-ministeru tal-Isqof: jiġbor fl-għaqda d-doni tal-Ispirtu

69. Ħidmet l-Isqof hi li jippresiedi Knisja lokali, bħala prinċipju viżibbli ta’ għaqda fi ħdanha u rabta ta’ komunjoni mal-Knejjes kollha. L-affermazzjoni tal-Konċilju li “bil-konsagrazzjoni episkopali tingħata l-milja tas-sagrament tal-Ordni” (LG 21) tgħinna nifhmu l-identità tal-Isqof fin-nisġa tar-relazzjonijiet sagramentali ma’ Kristu u mal-“parti mill-poplu ta’ Alla” (CD 11) fdata lilu u li hu msejjaħ jaqdi f’isem Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb. Min jiġi ordnat Isqof ma jingħatax xi prerogattivi u ħidmiet li jrid iwettaq waħdu. Pjuttost hu jirċievi l-grazzja u l-ħidma li jagħraf, jiddixxerni u jiġbor f’għaqda waħda d-doni li l-Ispirtu jsawwab fuq l-indvidiwi u fuq il-komunitajiet, b’ħidma fi ħdan ir-rabta sagramentali mal-Presbiteri u d-Djakni, li miegħu huma korresponsabbli għas-servizz ministerjali fil-Knisja lokali. Meta jagħmel dan huwa jwettaq dak li hu l-aktar tiegħu u speċifiku tal-missjoni tiegħu fil-kuntest tal-għożża għall-komunjoni tal-Knejjes.

70. Dak tal-Isqof hu servizz fil-komunità, magħha u għaliha (ara LG 20), li jsir permezz tat-tħabbira tal-Kelma, il-presidenza taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika u tas-sagramenti l-oħra. Għalhekk l-Assemblea sinodali tawgura li l-Poplu ta’ Alla jkollu leħen ikbar fl-għażla tal-Isqfijiet. Tirrakkomanda wkoll li l-Ordinazzjoni tal-Isqof isseħħ fid-Djoċesi li għaliha hu ddestinat bħala Ragħaj u mhux fid-Djoċesi tal-oriġni, kif spiss iseħħ, u li l-konsagranti prinċipali jiġu magħżula minn fost l-Isqfijiet tal-Provinċja ekkleżjastika, inkluż, sa fejn hu possibbli, il-Metropolita. Hekk jidher aħjar li dak li se jsir Isqof qed jidħol f’kuntratt ta’ rabta mal-Knisja li għaliha hu ddestinat, u jassumi pubblikament quddiemha l-impenji tal-ministeru tiegħu. Bl-istess mod hu importanti li, fuq kollox matul il-viżti pastorali, jista’ jgħaddi ħin mal-fidili, biex jismagħhom fid-dawl tad-dixxerniment tiegħu. Dan jgħin biex wieħed jagħmel esperjenza tal-Knisja bħala familja ta’ Alla. Ir-relazzjoni kostituttiva tal-Isqof mal-Knisja lokali llum mhix tidher b’biżżejjed ċarezza fil-każ tal-Isqfijiet titulari, ngħidu aħna r-Rappreżentanti pontifiċji jew dawk li jagħtu servizz fil-Kurja Rumana. Fuq din it-tema tajjeb li wieħed ikompli jirrifletti.

71. L-Isqfijiet ukoll għandhom bżonn li jkunu msieħba u mwieżna fil-ministeru tagħhom. Il-Metropolita jista’ jieħu r-rwol ta’ promozzjoni tal-fraternità bejn Isqfijiet ta’ Djoċesijiet biswit xulxin. Matul il-mixja sinodali ħarġet l-esiġenza li l-Isqfijiet jiġu offruti mixjiet ta’ formazzjoni kontinwa anki fil-kuntesti lokali. Ġiet imfakkra l-ħtieġa li nippreċiżaw ir-rwol tal-Isqfijiet awżiljarji u li jitwessgħu l-ħidmiet li l-Isqof jista’ jiddelega. Għandha tiġi vvalorizzata wkoll l-esperjenza tal-Isqfijiet emeriti fil-mod ġdid tagħhom ta’ kif ikunu għas-servizz tal-Poplu ta’ Alla. Importanti ngħinu lill-fidili biex ma jistennewx affarijiet żejda u irrealistiċi mill-Isqof, u jiftakru li hu wkoll hu ħuhom, dgħajjef, espost għat-tentazzjoni, fil-ħtieġa bħalna lkoll. Viżjoni idealizzata tal-Isqof ma tiffaċilitax il-ministeru delikat tiegħu, li mill-banda l-oħra jista’ jitwieżen minn sehem il-Poplu kollu ta’ Alla fil-missjoni fi ħdan Knisja tabilħaqq sinodali.

Mal-Isqof: Presbiteri u Djakni

72. Fi Knisja sinodali l-Presbiteri huma msejħa jgħixu s-servizz tagħhom f’atteġġjament ta’ qrubija għall-persuni, ta’ akkoljenza u ta’ smigħ ta’ kulħadd, huma u jinfetħu fi stil sinodali. Il-Presbiteri “jagħmlu mal-Isqof tagħhom presbiterju wieħed” (LG 28) u jikkollaboraw miegħu fid-dixxerniment tal-kariżmi u fit-tisħib u t-treġija tal-Knisja lokali, b’attenzjoni partikulari għas-servizz tal-għaqda. Huma msejħa jgħixu l-fraternità presbiterali u jimxu flimkien fis-servizz pastorali. Mill-presbiterju jagħmlu parti wkoll il-Presbiteri membri tal-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika, li jagħnuh bil-partikularità tal-kariżma tagħhom. L-istess bħall-Presbiteri li ġejjin minn Knejjes Orjentali sui iuris, ċelibi jew miżżewġin, il-Presbiteri fidei donum u dawk li ġejjin minn nazzjonijiet oħra, huma jgħinu lill-kleru lokali jinfetaħ għall-ixfqa tal-Knisja sħiħa, waqt li l-Presbiteri djoċesani jgħinu lil ħuthom l-oħra biex jidħlu fl-istorja ta’ Djoċesi konkreta, bit-tradizzjonijiet u l-għana spiritwali tagħha. B’dan il-mod anki fil-presbiterju jseħħ qsim veru ta’ doni fid-dawl tal-missjoni. Anki l-Presbiteri għandhom bżonn li jiġu msieħba u mwieżna, fuq kollox fl-ewwel tappi tal-ministeru u f’mumenti ta’ dgħufija.

73. Qaddejja tal-misteri ta’ Alla u tal-Knisja (ara LG 41), id-Djakni huma ordnati “mhux għas-saċerdozju iżda għall-ministeru” (LG 29). Dan iħaddmuh fil-qadi tal-karità, fix-xandir u fil-liturġija, waqt li juru f’kull kuntest soċjali u ekkleżjali li fih ikunu preżenti r-relazzjoni bejn Vanġelu mħabbar u ħajja mgħixa fl-imħabba, u jippromovu fil-Knisja kollha kuxjenza u stil ta’ qadi lil kulħadd, speċjalment lil dawk l-aktar foqra. Il-funzjonijiet tad-Djakni huma bosta, kif juru t-Tradizzjoni, it-talb liturġiku u l-prassi pastorali. Huma għandhom ikunu speċifikati bi tweġiba għall-ħtiġijiet ta’ kull Knisja lokali, b’mod partikulari biex iqanqlu u jwieżnu l-attenzjoni ta’ kulħadd fil-konfront ta’ dawk l-aktar foqra, fil-qafas ta’ Knisja sinodali missjunarja u ħanina. Il-ministeru djakonali għadu mhux magħruf għal ħafna Nsara, anki għaliex, imqar jekk reġa’ ngħata l-ħajja mill-Konċilju Vatikan II fi-Knisja Latina bħala grad proprju u permanenti (ara LG 29), għadu ma ġiex milqugħ fil-postijiet ġeografiċi kollha. It-tagħlim tal-Konċilju għandu jiġi approfondit iktar, imsejjes ukoll fuq verifika tal-għadd ta’ esperjenzi li jeżistu, imma diġà joffri motivazzjonijiet b’saħħithom lill-Knejjes lokali biex ma jħallux iktar żmien biex jippromovu d-djakonat permanenti b’mod iżjed ġeneruż, huma u jagħrfu f’dan il-ministeru fattur prezzjuż ta’ maturazzjoni ta’ Knisja qaddejja li timxi wara l-Mulej Ġesù li sar qaddej ta’ kulħadd. Dan l-approfondiment jista’ jgħinna wkoll nifhmu aħjar it-tifsira tal-Ordinazzjoni djakonali ta’ dawk li mbagħad isiru Presbiteri.

Il-kollaborazzjoni bejn il-Ministru ordnati fi ħdan il-Knisja sinodali

74. Kemm-il darba, tul il-proċess sinodali, ġiet espressa gratitudni lejn l-Isqfijiet, Presbiteri u Djakni għall-ferħ, l-impenn u d-dedikazzjoni li bihom jiżvolġu s-servizz tagħhom. Ġew mismugħa wkoll id-diffikultajiet li r-Ragħajja jiltaqgħu magħhom fil-ministeru tagħhom, marbuta fuq kollox ma’ sens ta’ iżolament, ta’ solitudni, barra li jħossuhom mgħaffġa mit-talbiet biex jissodisfaw kull bżonn. L-esperjenza tas-Sinodu tista’ tgħin lill-Isqfijiet, Presbiteri u Djakni biex jerġgħu jiskopru l-korresponsabbiltà fit-tħaddim tal-ministeru, li titlob ukoll il-kollaborazzjoni mal-membri l-oħra tal-Poplu ta’ Alla. Tqassim iżjed artikulat tal-ħidmiet u tar-responsabbiltajiet, dixxerniment iżjed kuraġġjuż ta’ dak li hu proprju tal-Ministeru ordnat u ta’ dak li jista’ u għandu jiġi ddelegat lil oħrajn, jista’ jgħin fit-tħaddim b’mod spiritwalment aktar san u pastoralment iktar dinamiku f’kull wieħed mill-ordinijiet tiegħu. Din il-perspettiva ma tonqosx milli jkollha impatt fuq il-proċessi deċiżjonali kkaratterizzati minn stil iżjed kjarament sinodali. Tgħin ukoll biex jiġi megħlub il-klerikaliżmu mifhum bħala użu tal-poter għall-vantaġġ ta’ dak li jkun u t-tagħwiġ tal-awtorità tal-Knisja li hi servizz għall-Poplu ta’ Alla. Dan jesprimi ruħu fuq kollox fl-abbużi sesswali, ekonomiċi, ta’ kuxjenza u ta’ poter min-naħa tal-Ministri tal-Knisja. “Il-klerikaliżmu, kemm jekk approvat mis-saċerdoti nfushom jew mil-lajċi, jiġġenera qasma fil-ġisem ekkleżjali li taqla’ l-għawġ u tgħin biex ikompli ħafna mill-ħażen li qed nikkundannaw illum” (Franġisku, Ittra lill-Poplu ta’ Alla, 20 ta’ Awwissu 2018).

Flimkien għall-missjoni

75. Bi tweġiba għall-esiġenzi tal-komunità u tal-missjoni, matul l-istorja tagħha l-Knisja tat ħajja lil xi ministeri, magħżula minn dawk ordnati. Dawn il-ministeri huma l-bixra li l-kariżmi jassumu meta huma pubblikament rikonoxxuti mill-komunità u minn dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jmexxuha u jitqiegħdu b’mod stabbli għall-qadi tal-missjoni. Xi wħud huma iżjed speċifikament maħsuba għas-servizz tal-komunità Nisranija. Ta’ rilevanza partikulari huma l-ministeri istitwiti, li jingħataw mill-Isqof, darba fil-ħajja, b’rit speċifiku, wara dixxerniment xieraq u formazzjoni tajba tal-kandidati. Mhuwiex sempliċi mandat jew assenjazzjoni ta’ ħidmiet; l-għoti tal-ministeru hu sagramentali li jagħġen il-persuna u jiddefinixxi l-mod ta’ kif hi tieħu sehem fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja. Fil-Knisja Latina hemm il-ministeru tal-lettur u tal-akkolitu (ara Franġisku, Ittra Appostolika f’għamla ta’ Motu Proprju ‘Spiritus Domini’, 10 ta’ Jannar 2021), u dak tal-katekista (ara Franġisku, Ittra Appostolika f’għamla ta’ Motu Proprju ‘Antiquum ministerium’, 10 ta’ Mejju 2021). It-termini u l-modi tat-tħaddim tagħhom għandhom jiġu definiti minn mandat ta’ awtorità leġittima. Huma l-Konferenzi episkopali li għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet personali li l-kandidati għandhom jissodisfaw, u jelaboraw il-mixjiet formattivi għall-aċċess għal dawn il-ministeri.

76. Ma’ dawn jingħaqdu ministeri mhux istitwiti ritwalment, imma mħaddma b’mod stabbli b’mandat tal-awtorità kompetenti, bħal, ngħidu aħna, il-ministeru ta’ min jikkordina komunità ekkleżjali ċkejkna, imexxi t-talb tal-komunità, jorganizza għemejjel ta’ karità, u l-bqija, fejn hemm varjetà kbira skont il-karatteristiċi tal-komunità lokali. Eżempju ta’ dan huma l-katekisti li sa minn dejjem f’ħafna reġjuni tal-Afrika huma responsabbli għal komunitajiet nieqsa minn Presbiteri. Imqar jekk ma jeżisti ebda rit preskritt, huwa opportun li l-affidament tagħhom isir pubbliku permezz ta’ mandat quddiem il-komunità biex ikun hemm rikonoxximent effettiv tagħhom. Jeżistu wkoll ministeri straordinarji, bħall-ministeru straordinarju tat-tqarbin, il-presidenza taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ħadd fl-istennija ta’ Presbiteru, l-amministrazzjoni ta’ xi sagramentali jew oħrajn. L-ordinamenti kanoniċi Latin u Orjentali diġà jipprevedu li, f’xi każi, il-Fidili lajċi, irġiel u nisa, jistgħu jkunu wkoll ministri straordinarji tal-Magħmudija. Fl-ordinament kanoniku Latin, l-Isqof (bl-awtorizzazzjoni tas-Santa Sede) jista’ jiddelega l-assistenza għaż-żwiġijiet lill-Fidili lajċi, irġiel u nisa. Skont l-esiġenzi tal-kuntesti lokali, tiġi vvalutata l-possibbiltà li nwessgħu u nagħmlu stabbli dawn l-opportunitajiet ta’ taħriġ ministerjali min-naħa tal-Fidili lajċi. Fl-aħħar nett, hemm is-servizzi spontanji, li ma għandhomx bżonn ta’ kundizzjonijiet oħra jew rikonoxximenti espliċiti. Juru li l-Fidili kollha, b’diversi modi, jistgħu jieħdu sehem fil-missjoni permezz tad-doni u l-kariżmi tagħhom.

77. Lill-Fidili lajċi, irġiel u nisa, għandna noffrulhom opportunitajiet akbar ta’ parteċipazzjoni, u nesploraw ukoll xejriet oħra ta’ servizz u ministeru bi tweġiba għall-esiġenzi pastorali ta’ żmienna, fi spirtu ta’ kollaborazzjoni u korresponsabbiltà differenzjata. Mill-proċess sinodali joħorġu b’mod partikulari xi esiġenzi konkreti li rridu nagħtu tweġiba għalihom b’mod li jixraq lid-diversi kuntesti:

a)      parteċipazzjoni usa’ ta’ Lajċi fil-proċessi ta’ dixxerniment ekkleżjali u fil-fażijiet kollha tal-proċessi deċiżjonali (elaborazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet);

b)      aċċess usa’ lil-Lajċi għal pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà fid-Djoċesijiet u fl-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi, inklużi Seminarji, Istituti u Fakultajiet teoloġiċi, f’linja mad-dispożizzjonijiet li diġà jeżistu;

ċ)      għarfien ikbar u sostenn iktar deċiż tal-ħajja u l-kariżmi ta’ Persuni kkonsagrati u x-xogħol tagħhom f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà ekkleżjali;

d)      iż-żieda fl-għadd ta’ Lajċi kkwalifikati li jiżvolġu r-rwol ta’ mħallfin fil-proċessi kanoniċi;

e)      rikonoxximent effettiv tad-dinjità u r-rispett tad-drittijiet ta’ dawk li jaħdmu bħala dipendenti tal-Knisja u tal-istituzzjonijiet tagħha.

78. Il-proċess sinodali ġedded l-għarfien li s-smigħ hu komponent essenzjali ta’ kull aspett tal-ħajja tal-Knisja: l-amministrazzjoni tas-sagramenti, b’mod partikulari dak tar-Rikonċiljazzjoni, il-katekeżi, il-formazzjoni u l-akkumpanjament pastorali. F’dan il-qafas, l-Assemblea xeħtet attenzjoni għall-proposta li jitwaqqaf ministeru tas-smigħ u tal-akkumpanjament, u wriet firxa wiesgħa ta’ orjentamenti. Xi wħud esprimew ruħhom favorevolment, għax dan il-ministeru jista’ jikkontribwixxi mod profetiku għal insistenza fuq l-importanza tas-smigħ u l-akkumpanjament fil-komunità. Oħrajn affermaw li smigħ u akkumpanjament huma ħidma tal-imgħammdin kollha, mingħajr il-ħtieġa ta’ ministeru speċifiku. Oħrajn urew ukoll il-ħtieġa ta’ approfondiment, ngħidu aħna fir-relazzjoni bejn dan il-ministeru jekk jinħoloq u l-akkumpanjament spiritwali, il-counseling pastorali u ċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Ħarġet ukoll il-proposta li ministeru tas-smigħ u tal-akkumpanjament bħal dan ikunu iddestinat b’mod partikulari għall-akkoljenza ta’ min jinsab fit-trufijiet tal-komunità ekkleżjali, ta’ min jirritorna wara li jkun tbiegħed, ta’ min qed ifittex il-verità u jixtieq ikun megħjun jiltaqa’ mal-Mulej. Allura tibqa’ l-esiġenza li nkomplu bid-dixxerniment dwar dan. Il-kuntesti lokali fejn din l-esiġenza tinħass aktar jistgħu jippromovu esperimentazzjoni u jelaboraw mudelli possibbli fuq xiex wieħed jiddixxerni.

Parti III – “Itfgħu x-xbieki”

Il-konverżjoni tal-proċessi

Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”. “Le”, weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut! (Ġw 21:5-6)

79. Is-sajda ma tatx frott u issa wasal il-ħin li wieħed jerġa’ jidħol l-art. Imma hemm Leħen li jidwi, awtorevoli, li jistieden għal xi ħaġa li d-dixxipli waħidhom ma setgħux jagħmlu, li jindika possibbiltà li għajnejhom u moħħhom ma rnexxilhomx jintebħu bihom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. Matul il-proċess sinodali, fittixna li nisimgħu dan il-Leħen u nilqgħu dak li jgħidilna. Fit-talb u fid-djalogu fratern, għarafna li d-dixxerniment ekkleżjali, il-kura tal-proċessi deċiżjonali u l-impenn biex nagħtu kont tal-ħidma tagħna u biex nivvalutaw il-frott tad-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu huma prattiċi li bihom inwieġbu għall-Kelma li turina t-toroq tal-missjoni.

80. Dawn it-tliet prattiċi huma strettament minsuġa ma’ xulxin. Il-proċessi deċiżjonali għandhom bżonn ta’ dixxerniment ekkleżjali, li jitlob is-smigħ fi klima ta’ fiduċja, imwieżen mit-trasparenza u r-rendikont. Il-fiduċja għandha tkun reċiproka: dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet iridu jkunu jafdaw u jisimgħu lill-Poplu ta’ Alla, li min-naħa tiegħu jrid ikun jafda f’min iħaddem l-awtorità. Din il-viżjoni integrali turi li kull waħda minn dawn il-prattiċi tiddependi mill-oħrajn u tweżinhom, għas-servizz tal-ħila tal-Knisja li tiżvolġi l-missjoni tagħha. Li nħabriku għal proċessi deċiżjonali li jserrħu fuq id-dixxerniment ekkleżjali u li nassumu kultura tat-trasparenza, tar-rendikont u tal-valutazzjoni jitlob formazzjoni xierqa mhux biss teknika, imma li kapaċi tesplora l-fundamenti teoloġiċi, bibliċi u spiritwali tagħhom. L-imgħammdin kollha għandhom bżonn ta’ din il-formazzjoni għax-xhieda, għall-missjoni, għall-qdusija u għas-servizz, li turi l-importanza tal-korresponsabbiltà. Tieħu xejriet partikulari għal dawk li jiżvolġu karigi ta’ responsabbiltà jew għas-servizz tad-dixxerniment ekkleżjali.

Id-dixxerniment ekkleżjali għall-missjoni

81. Biex nippromovu relazzjonijiet li kapaċi jwieżnu u jorjentaw il-missjoni tal-Knisja, esiġenza prijoritarja hi dik li nħaddmu l-għerf evanġeliku li lill-komunità Appostolika ta’ Ġerusalemm għenha tissiġilla r-riżultat tal-ewwel ġrajja sinodali bil-kliem: “Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna” (Atti 15:28). Huwa d-dixxerniment li nistgħu nikkwalifikaw bħala “ekkleżjali” għax imħaddem mill-Poplu ta’ Alla fid-dawl tal-missjoni. L-Ispirtu, li l-Missier bagħat f’isem Ġesù u li jgħallimna kollox (ara Ġw 14:26), imexxi f’kull żmien lil dawk li jemmnu “għall-verità kollha” (Ġw 16:13). Bil-preżenza tiegħu u bl-azzjoni kontinwa tiegħu, it-“Tradizzjoni li ġejja mill-Appostli tiżviluppa ruħha fil-Knisja” (DV 8). Waqt li jitlob id-dawl tiegħu, il-Poplu ta’ Alla, huwa u jieħu sehem fil-funzjoni profetika ta’ Kristu (ara LG 12), “ifittex li  jilmaħ fil-ġrajjiet, fl-esiġenzi u fix-xewqat li jaqsammal-bnedmin l-oħra ta’ żmienna liema huma tassew is-sinjali tal-preżenza u tal-pjanijiet ta’ Alla” (GS 11). Dan id-dixxerniment jinqeda bid-doni kollha ta’ għerf li l-Mulej iqassam fil-Knisja u jsib għeruqu fis-sensus fidei kkomunikat mill-Ispirtu lill-imgħammdin kollha. F’dan l-ispirtu rridu nifhmu u norjentaw mill-ġdid il-ħajja tal-Knisja sinodali missjunarja.

82. Id-dixxerniment ekkleżjali mhuwiex xi teknika organizzattiva, imma prattika spiritwali li għandna ngħixu bil-fidi. Dan jitlob libertà interjuri, umiltà, talb, fiduċja reċiproka, ftuħ għall-ġdid u abbandun għar-rieda ta’ Alla. Qatt ma hu l-affermazzjoni ta’ perspettiva personali jew ta’ grupp, lanqas jissolva fis-sempliċi ġabra ta’ pariri individwali; kull persuna, hija u titkellem skont il-kuxjenza, tinfetaħ għas-smigħ ta’ dak li l-oħrajn jaqsmu skont il-kuxjenza, hekk li flimkien ifittxu li jagħrfu “dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knejjes” (Apok 2:7). Id-dixxerniment ekkleżjali, waqt li jipprevedi s-sehem tal-persuni kollha involuti, huwa fl-istess ħin kundizzjoni u espressjoni pprivileġġjata tas-sinodalità, fejn jingħaxu flimkien komunjoni, missjoni u parteċipazzjoni. Iktar ma kulħadd jiġi mismugħ, iktar id-dixxerniment ikun għani. Għalhekk huwa fundamentali li nippromovu sehem wiesa’ fil-proċessi ta’ dixxerniment, b’kura partikulari għall-involviment ta’ dawk li jsibu ruħhom fit-truf tal-komunità Nisranija u tas-soċjetà.

83. Is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla huwa l-punt tat-tluq u l-kriterju ta’ kull dixxerniment ekkleżjali. Fil-fatt, l-Iskrittura Mqaddsa turi li Alla kellem lill-Poplu tiegħu, sa ma f’Ġesù tana l-milja tar-Rivelazzjoni kollha (ara DV 2), u jindikaw il-postijiet li fihom nistgħu nisimgħu leħnu. Alla jikkomunika magħna qabelxejn fil-liturġija, għax huwa Kristu nnifsu li jitkellem “meta fil-Knisja tinqara l-Iskrittura Mqaddsa” (SC 7). Alla jitkellem permezz tat-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, il-maġisteru tagħha, il-meditazzjoni personali u komunitarja tal-Iskrittura, u t-taħriġ tal-pjetà popolari. Alla jissokta juri ruħu fil-karba tal-foqra u l-ġrajjiet tal-istorja tal-umanità. Mill-ġdid, Alla jikkomunika mal-Poplu tiegħu permezz tal-elementi tal-ħolqien, li l-istess eżistenza tiegħu tfakkarna fl-azzjoni tal-Ħallieq u li hu mimli bil-preżenza tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja. Fl-aħħar nett, Alla jitkellem anki fil-kuxjenza personali ta’ kull persuna, li hi “ċ-ċentru l-aktar moħbi tal-bniedem u s-santwarju fejn hu jinsab waħdu ma’ Alla, u fejn il-leħen ta’ Alla jinstama’ ġo fina” (GS 16). Id-dixxerniment ekkleżjali jesiġi l-kura u formazzjoni kontinwa tal-kuxjenzi u l-maturazzjoni tas-sensus fidei, biex hekk ma nittraskuraw ebda wieħed mill-postijiet li fihom Alla jitkellem u jiġi jiltaqa’ mal-Poplu tiegħu.

84. Il-passaġġi tad-dixxerniment ekkleżjali jistgħu jiġu artikulati b’diversi modi, skont il-postijiet u t-tradizzjonijiet. Anki jekk nibnu fuq l-esperjenza sinodali, huwa possibbli nidentifikaw xi elementi fundamentali li ma għandhomx ikunu neqsin:

a)      il-preżentazzjoni ċara tal-oġġett tad-dixxerniment u l-użu ta’ tagħrif u għodod xierqa għall-għarfien tiegħu;

b)      żmien biżżejjed għat-tħejjija bit-talb, is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u r-riflessjoni dwar it-tema;

ċ)      dispożizzjoni interjuri ta’ libertà fir-rigward tal-interessi proprji, personali jew ta’ grupp, u l-impenn għat-tiftix tal-ġid komuni;

d)      smigħ attent u rispettuż ta’ x’għandha x’tgħid kull persuna;

e)      it-tiftix ta’ l-aktar kunsens wiesa’ possibbli, li joħroġ minn dak li l-aktar jista’ “jkebbes il-qlub”  (ara Lq 24:32)          , bla ma wieħed jaħbi l-kunflitti u bla ma jfittex kompromessi rħas;

f)       il-formulazzjoni min-naħa ta’ min imexxi l-proċess tal-kunsens milħuq u l-preżentazzjoni tagħha lill-parteċipanti kollha, biex jgħidu jekk jarawx jew le li hemm dak li jridu fiha.

Skont id-dixxerniment, timmatura d-deċiżjoni opportuna li għaliha jħabrek biex joqgħod kulħadd, anki meta l-parir ta’ dak li jkun ma jkunx ġie milqugħ, u żmien biex din tiġi milqugħa fil-komunità li jista’ jwassal għal aktar verifiki u valutazzjonijiet.

85. Id-dixxerniment iseħħ dejjem fi ħdan kuntest konkret, li għandna nkunu nafu dejjem bl-aħħar mod il-kumplessità u l-partikularitajiet tiegħu. Biex id-dixxerniment ikun effettivament “ekkleżjali”, għandna ninqdew bil-mezzi meħtieġa, fosthom eseġesi tajba tat-testi bibliċi, li tgħinna ninterpretawhom u nifhmuhom filwaqt li nevitaw approċċi parzjali jew fundamentaliċisti; għarfien tal-Missirijiet tal-Knisja, tat-Tradizzjoni u tat-tagħlim tal-maġisteru, skont il-grad differenti ta’ awtorità tagħhom; is-sehem tad-diversi dixxiplini teoloġiċi; il-kontribut tax-xjenzi umani, storiċi, soċjali u amministrattivi, li mingħajrhom mhuwiex possibbli nagħrfu serjament il-kuntest li fih u fid-dawl tiegħu jseħħ id-dixxerniment.

86. Fil-Knsja hemm firxa wiesgħa ta’ modi kif wieħed jagħmel dixxerniment u ta’ metodoloġiji konsolidati. Din il-varjetà hija għana kbir: bl-adattamenti opportuni għad-diversi kuntesti, il-pluralità ta’ modi tista’ tkun għammiela. Fid-dawl tal-missjoni komuni, importanti li dawn jidħlu fi djalogu kordjali, bla ma tintilef l-ispeċifiċità ta’ kull wieħed u mingħajr enfasi żejda fuq l-identità ta’ wieħed jew l-ieħor. Fil-Knejjes lokali, ibda mill-komunitajiet ekkleżjali ż-żgħar u mill-parroċċi, hu fundamentali li noffru opportunitajiet ta’ formazzjoni li jxerrdu u jseddqu kultura tad-dixxerniment ekkleżjali għall-missjoni, b’mod partikulari fost dawk li għandhom rwoli ta’ responsabbiltà. Daqstant ieħor importanti li nieħdu ħsieb il-formazzjoni ta’ figuri ta’ akkumpanjaturi jew faċilitaturi, li l-kontribut tagħhom spiss ikun kruċjali fl-iżvolġiment tal-proċessi ta’ dixxerniment.

L-artikulazzjoni tal-proċessi deċiżjonali

87. Fil-Knisja sinodali “l-komunità kollha, fid-diversità ħielsa u għanja tal-membri tagħha, hi msejħa biex titlob, tisma’, tistħarreġ, tiddjaloga, tiddixxerni u tagħti pariri fit-teħid ta’ deċiżjonijiet” (CTI, n. 68) għall-missjoni. Li ngħinu biex ikun hemm l-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli tal-Poplu kollu ta’ Alla fil-proċessi deċiżjonali hija t-triq l-aktar effikaċi biex nippromovu Knisja sinodali. Fil-fatt, jekk huwa minnu li s-sinodalità tiddefinixxi l-mod ta’ ħajja u ħidma li jikkwalifika lill-Knisja, din tindika fl-istess waqt prattika essenzjali fit-twettiq tal-missjoni tagħha: tiddixxerni, tilħaq kunsens, tiddeċiedi bit-tħaddim tad-diversi strutturi u istituzzjonijiet ta’ sinodalità.

88. Il-komunità tad-dixxipli msejħa u mibgħuta mill-Mulej mhijiex suġġett uniformi u bla kulur. Hija l-Ġisem tiegħu ta’ ħafna membri differenti, suġġett storiku komunitarju li fih għandha ż-“żerriegħa u l-bidu” tagħha s-Saltna ta’ Alla għall-qadi tal-miġja tiegħu fil-familja kollha tal-bnedmin (ara LG 5). Diġà l-Missirijiet tal-Knisja jirriflettu fuq in-natura komunjonali tal-missjoni tal-Poplu ta’ Alla permezz tax-“xejn mingħajr” (nihil sine) triplika: “xejn mingħajr l-Isqof” (Sant’Injazju ta’ Antjokja, Ittra lit-Tralljani, 2,2), “xejn mingħajr il-parir tagħkom [tal-Presbiteri u Djakni] u mingħajr il-kunsens tal-Poplu” (San Ċiprijanu ta’ Kartaġni, Ittra lill-Aħwa Presbiteri u Djakni, 14,4). Fejn tiġi miksura din il-loġika tan-nihil sine tkun qed tiġi mdallma l-identità tal-Knisja u mxekkla l-missjoni tagħha.

89. F’dan il-qafas ta’ riferiment ekkleżjoloġiku jitqiegħed l-impenn biex nippromovu l-parteċipazzjoni msejsa fuq korresponsabbiltà differenzjata. Kull membru tal-komunità għandu jiġi rispettat, u vvalorizzati l-ħiliet u d-doni tiegħu fid-dawl tad-deċiżjoni maqsuma flimkien. Huma meħtieġa xejriet ta’ medjazzjoni istituzzjonali ftit jew wisq artikulati f’rabta mal-kobor tal-komunità. Il-liġi attwali diġà tipprevedi organiżmi ta’ parteċipazzjoni fuq diversi livelli, li d-Dokument se jittrattahom iktar ’il quddiem.

90. Biex dan jaħdem, tidher opportuna riflessjoni fuq l-artikulazzjoni tal-proċessi deċiżjonali. Din tal-aħħar soltu tipprevedi fażi ta’ elaborazzjoni jew istruzzjoni “permezz ta’ ħidma komuni ta’ dixxerniment, konsultazzjoni u koperazzjoni” (CTI, n. 69), li tinforma u ssaħħaħ id-deċiżjoni li mbagħad ikun hemm bżonn tittieħed, min-naħa tal-awtorità kompetenti. Bejn iż-żewġ fażijiet ma hemmx kompetizzjoni jew kuntrast, imma bl-artikulazzjoni tagħhom jgħinu biex id-deċiżjonijiet meħuda jkunu frott tal-ubbidjenza min-naħa ta’ kulħadd għal dak li Alla jrid għall-Knisja tiegħu. Għal dan hemm bżonn nippromovu proċeduri li jagħmlu effettiva r-reċiproċità bejn il-ġemgħa u min jippresiedi fuqha, fi klima ta’ ftuħ għall-Ispirtu u fiduċja reċiproka, fit-tiftix ta’ kunsens possibbilment unanimu. Il-proċess għandu jipprevedi wkoll il-fażi tal-attwazzjoni tad-deċiżjoni u dik tal-valutazzjoni tagħha, fejn il-funzjonijiet tas-suġġetti involuti jerġgħu jiġu artikulati b’modi ġodda.

91. Hemm każi fejn diġà l-liġi attwali tippreskrivi li, qabel ma tieħu deċiżjoni, l-awtorità hi obbligata tmur għall-konsultazzjoni. L-awtorità pastorali għandha d-dmir li tisma’ lil dawk li jieħdu sehem fil-konsultazzjoni u, konsegwentement, ma tistax taġixxi iżjed bħallikieku ma semgħethomx. Għaldaqstant, ma għandhiex titbiegħed mill-frott tal-konsultazzjoni, meta hi fi qbil, mingħajr raġuni li tirriżulta prevalenti (ara CIC, kan. 127, § 2, 2; CCEO, kan. 934, § 2, 3) li tiġi espressa b’mod opportun. Bħal f’kull komunità li tgħix skont il-ġustizzja, fil-Knisja t-tħaddim tal-awtorità ma jikkonsistix fl-impożizzjoni ta’ rieda arbitrarja. Fid-diversi modi li bihom titħaddem, hi dejjem għas-servizz tal-komunjoni u tal-akkoljenza tal-verità ta’ Kristu, li fiha u li lejha l-Ispirtu s-Santu jmexxina fid-diversi żminijiet u kuntesti (ara Ġw 14:16).

92. Fi Knisja sinodali, il-kompetenza deċiżjonali tal-Isqof, tal-Kulleġġ episkopali u tal-Isqof ta’ Ruma hi inaljenabbli, għax għandha għeruqha fl-istruttura ġerarkika tal-Knisja mwaqqfa minn Kristu għas-servizz tal-għaqda u tar-rispett lejn id-differenzi leġittimi (ara LG 13). Madankollu, mhijiex inkundizzjonata: orjentament li joħroġ mill-proċess kosultattiv bħala frott ta’ dixxerniment korrett, fuq kollox jekk imwettaq minn entitajiet ta’ parteċipazzjoni, ma jistax jiġi injorat. Allura tkun inadegwata l-kontrapożizzjoni bejn konsultazzjoni u deliberazzjoni: fil-Knisja d-deliberazzjoni sseħħ bl-għajnuna ta’ kulħadd, u qatt mingħajr l-awtorità pastorali li tiddeċiedi skont l-uffiċċju tagħha. Għal din ir-raġuni l-formula rikorrenti fil-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, li titkellem dwar vot “konsultattiv biss” (tantum consultivum), għandha tiġi eżaminata biex tiġi eliminata kull ambigwità possibbli. Tidher opportuna reviżjoni tan-norma kanonika f’dawl sinodali, li tiċċara kemm id-distinzjoni u kemm l-artikulazzjoni bejn il-konsultattiv u d-deliberattiv, u ddawwal ir-responsabbiltà ta’ dawk li fid-diversi funzjonijiet tagħhom jieħdu sehem fil-proċessi deċiżjonali.

93. L-attenzjoni għall-iżvolġiment ordnat u r-responsabbiltà li tintrefa’ b’mod ċar mill-parteċipanti huma fatturi kruċjali biex il-proċessi deċiżjonali jagħtu l-frott fil-modi hawn imsemmija:

a)        hu partikularment xogħol l-awtorità li: tiddefinixxi b’mod ċar l-oġġett tal-konsultazzjoni u tad-deliberazzjoni, kif ukoll is-suġġett li għandu jieħu d-deċiżjoni; tidentifika lil dawk li għandhom ikunu kkonsultati, anki skont il-kompetenzi speċifiċi u l-involviment tagħhom fil-kwistjoni; tara li l-parteċipanti kollha jkollhom aċċess effettiv għat-tagħrif rilevanti, hekk li jistgħu jifformulaw il-parir tagħhom b’mod tajjeb;

b)        dawk li jesprimu l-parir tagħhom f’konsultazzjoni, individwalment jew bħala membri ta’ organu kolleġġjali, jassumu r-responsabbiltà li: joffru parir sinċier u onest, skont l-għarfien u l-kuxjenza; jirrispettaw il-kunfidenzjalità tat-tagħrif li rċivew; joffru formulazzjoni ċara tal-opinjoni tagħhom, u jidentifikaw il-punti prinċipali tagħha, hekk li l-awtorità, jekk tiġi biex tiddeċiedi b’mod differenti mill-parir li rċiviet, tkun tista’ tfisser kif tat kas ta’ dan fid-deliberazzjoni tagħha;

c)        ladarba l-awtorità kompetenti tkun ifformulat id-deċiżjoni, wara li rrispettat il-proċess ta’ konsultazzjoni u esprimiet b’mod ċar il-motivazzjonijiet bħala bażi tagħha, kulħadd, bis-saħħa ta’ dik ir-rabta ta’ komunjoni li tiġbor flimkien lill-imgħammdin kollha, hu marbut li jirrispettaha u jpoġġiha fil-prattika, anki meta ma taqbilx mal-fehma tiegħu, ħlief meta jkun hemm id-dmir li wieħed jieħu sehem b’onestà anki fil-fażi ta’ valutazzjoni. Dejjem tibqa’ l-possibbiltà li wieħed jappella lill-awtorità superjuri, fil-modi stabbiliti mid-Drittu.

94. L-attenzjoni korretta u l-attwazzjoni sinodali tajba tal-proċessi deċiżjonali tista’ tikkontribwixxi għall-progress tal-Poplu ta’ Alla f’perspettiva parteċipattiva, b’mod partikulari permezz tal-medjazzjonijiet istituzzjonali previsti mil-Liġi Kanonika, qabelxejn l-organiżmi ta’ parteċipazzjoni. Mingħajr bidliet konkreti fuq perjodu ta’ żmien definit, il-viżjoni ta’ Knisja sinodali ma tkunx kredibbli u dan ibiegħed lil dawk il-membri tal-Poplu ta’ Alla li rċivew mill-mixja sinodali qawwa u tama. Il-Knejjes lokali għandhom isibu l-modi xierqa kif iwettqu dawn il-bidliet.

Trasparenza, rendikont, valutazzjoni

95. Ladarba tkun ittieħdet deċiżjoni, dan ma jtemmx il-proċess deċiżjonali. Dan għandu jiġi msieħeb u segwit mit-tħaddim tar-rendikont u l-valutazzjoni, fi spirtu ta’ trasparenza mnebbħa minn kriterji evanġeliċi. Li nagħtu kont tal-ministeru tagħna lill-komunità hi ħaġa li ġejja mit-tradizzjoni l-aktar antika, li tmur lura għall-Knisja Appostolika. Jagħtina eżempju ta’ dan il-kapitlu 11 tal-Atti tal-Appostli: meta Pietru jerġa’ jidħol Ġerusalemm wara li kien għammed lil Kornelju, pagan, “dawk li riedu jżommu ċ-ċirkonċiżjoni bdew jeħduha miegħu u jgħidulu: ‘Inti dħalt għand nies li ma għandhomx iċ-ċirkonċiżjoni u kilt magħhom’” (Atti 11:2-3). Pietru jwieġeb b’rakkont li bih jagħti kont tar-raġunijiet tal-ħidma tiegħu.

96. B’mod partikulari, f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasparenza, ħarġet il-ħtieġa li ndawlu t-tifsira tagħha billi norbtuha ma’ serje ta’ termini bħal verità, lealtà, ċarezza, onestà, integrità, koerenza, rifjut tan-nuqqas ta’ ċarezza, tal-ipokrezija u tal-ambigwità, nuqqas ta’ fini sekondarji. Ġiet imfakkra l-beatitudni evanġelika ta’ dawk li huma safja f’qalbhom (ara Mt 5:8), il-kmand li nkunu “safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16) u l-kelmiet tal-Appostlu Pawlu: “Inwarrbu kull ħabi u għajb; u la nimxu bil-qerq u lanqas ngħawġu l-kelma ta’ Alla, iżda nuru l-verità kollha u nħallu l-kuxjenza ta’ kull bniedem tiġġudikana hi quddiem Alla” (2 Kor 4:2). Allura dan hu riferiment għal atteġġjament profond, b’għeruqu fl-Iskrittura, pjuttost milli għal serje ta’ proċeduri jew rekwiżiti ta’ bixra amministrattiva jew ta’ tmexxija. It-trasparenza, fis-sens korrett evanġeliku tagħha, ma tikkompromettix ir-rispett tar-riservatezza u tal-kunfidenzjalità, il-ħarsien tal-persuni, tad-dinjità tagħhom u tad-drittijiet tagħhom anki fil-konfront ta’ pretensjonijiet żbaljati tal-awtorità ċivili. Imma dan kollu ma jista’ qatt jiġġustifika prattiċi kuntrarji għall-Vanġelu jew isir pretest biex nevitaw jew nidfnu azzjonijiet li jeħduha kontra l-ħażen. F’kull każ, f’dak li jmiss is-sigriet tal-qrar, “is-siġill sagramentali hu indispensabbli u ebda setgħa umana ma għandha ġurisdizzjoni, u lanqas tista’ tieħdu fuqha hi” (Franġisku, Diskors lill-Parteċipanti tat-XXX Kors dwar il-Foro Interno organizzat mill-Penitenzerija Appostolika, 29 ta’ Marzu 2019).

97. L-atteġġjament tat-trasparenza, fis-sens li għadu kemm ġie indikat, iħares dik il-fiduċja u dik il-kredibbiltà li Knisja sinodali, attenta għar-relazzjonijiet, ma tistax tgħaddi mingħajrha. Meta l-fiduċja tiġi mxellfa, dawk li jbatu l-konsegwenzi huma l-persuni l-aktar dgħajfa u vulnerabbli. Fejn il-Knisja tgawdi l-fiduċja, prattiċi ta’ trasparenza, rendikont u valutazzjoni jikkontribwixxu biex isaħħuha, u huma element iżjed kritiku hemm fejn il-kredibbiltà tal-Knisja trid terġa’ tinbena mill-ġdid. Dan hu partikularment importanti fil-ħarsien tal-minuri u tal-persuni vulnerabbli (safeguarding).

98. Dawn il-prattiċi jikkontribwixxu biex jiżguraw il-fedeltà tal-Knisja għall-missjoni tagħha. In-nuqqas tagħhom hu waħda mill-konsegwenzi tal-klerikaliżmu u fl-istess waqt ikomplu jkabbruh. Dan jissejjes fuq l-assunzjoni impliċita li dawk li għandhom awtorità fil-Knisja ma għandhomx jagħtu kont tal-azzjonijiet tagħhom u tad-deċiżjonijiet tagħhom, bħallikieku kienu iżolati jew ’il fuq mill-bqija tal-Poplu ta’ Alla. Ma għandniex nappellaw għat-trasparenza u r-rendikont biss meta jkun hemm abbużi sesswali, finanzjarji jew ta’ xi ġeneru ieħor. Dawn jolqtu wkoll l-istil ta’ ħajja tar-Ragħajja, il-pjanijiet pastorali, il-metodi ta’ evanġelizzazzjoni u l-modi li bihom il-Knisja tirrispetta d-dinjità tal-persuna umana, ngħidu aħna fejn jidħlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħha.

99. Jekk il-Knisja sinodali trid tkun akkoljenti, ir-rendikont għandu jsir prattika komuni fuq kull livell. Madankollu, min għandu rwoli ta’ awtorità hawnhekk għandu responsabbiltà ogħla u hu msejjaħ jagħti kont tagħha lil Alla u lill-Poplu tiegħu. Jekk matul is-sekli nżammet il-prattika li wieħed jagħti kont lis-superjuri, jeħtieġ nirkupraw id-dimensjoni tar-rendikont li l-awtorità hi msejħa tagħti lill-komunità. L-istituzzjonijiet u l-proċeduri kkonsolidati fl-esperjenza tal-ħajja kkonsagrata (bħall-kapitli, iż-żjajjar kanoniċi, u l-bqija), jistgħu jkunu għejun ta’ ispirazzjoni f’dan ir-rigward.

100. Jidhru daqstant ieħor meħtieġa strutturi u xejriet ta’ valutazzjoni regolari tal-mod li bih huma mħaddma r-responsabbiltajiet ministerjali ta’ kull xorta. Il-valutazzjoni ma hix ġudizzju fuq il-persuni: pjuttost hi tgħinna nixħtu dawl fuq l-aspetti pożittivi u l-oqsma ta’ titjib possibbli fl-aġir ta’ min għandu responsabbiltà ministerjali, u tgħin lill-Knisja titgħallem mill-esperjenza, tadatta l-pjanijiet ta’ azzjoni u tibqa’ attenta għal-leħen tal-Ispirtu s-Santu, waqt li tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq ir-riżultati tad-deċiżjonijiet f’rabta mal-missjoni.

101. Barra li josservaw dak li hu diġà previst min-normi kanoniċi fejn jidħlu l-kriterji u mekkaniżmi ta’ kontroll, il-Knejjes lokali, u fuq kollox il-gruppi tagħhom flimkien, għandhom jibnu b’mod sinodali għamliet u proċeduri effikaċi ta’ rendikont u valutazzjoni, li jixirqu lill-varjetà ta’ kuntesti, ibda mill-qafas normattiv ċivili, dak li leġittimament tistenna minnhom is-soċjetà u d-disponibbiltajiet effettivi ta’ kompetenzi fil-materja. F’din il-ħidma għandhom jingħataw preferenza metodoloġiji ta’ valutazzjoni parteċipattiva, jiġu vvalorizzati l-kompetenzi ta’ dawk, b’mod partikulari lajċi, li għandhom familjarità akbar mal-proċessi ta’ rendikont u valutazzjoni, u jitħaddem dixxerniment tal-prattiċi tajba diġà preżenti fis-soċjetà ċivili lokali, waqt li jiġu adattati għall-kuntesti lokali. Il-mod kif fuq livell lokali jiġu attwati l-proċessi ta’ rendikont u valutazzjoni jidħol fil-qasam tar-relazzjoni ppreżentata fl-okkażjoni taż-żjajjar ad limina.

102. B’mod partikulari, f’għamliet li jixirqu lid-diversi kuntesti, hemm bżonn niggarantixxu tal-inqas:

a)      tħaddim effettiv tal-Kunsilli tal-affarijiet ekonomiċi;

b)      l-involviment effettiv tal-Poplu ta’ Alla, b’mod partikulari tal-membri l-aktar kompetenti, fil-pjanifikazzjoni pastorali u ekonomika;

ċ)      il-predispożizzjoni u l-pubblikazzjoni (li tixraq lill-kuntest lokali u b’aċċessibbiltà effettiva) ta’ rendikont ekonomiku annwali, kemm jista’ jkun iċċertifikat minn reviżuri esterni, li jagħmel trasparenti l-immaniġġjar tal-beni u tar-riżorsi finanzjarji tal-Knisja u tal-istituzzjonijiet tagħha;

d)      il-predispożizzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ rendikont annwali dwar l-iżvolġiment tal-missjoni, li jiġbor fih ukoll illustrazzjoni tal-inizjattivi li jittieħdu f’materja ta’ safeguarding (il-ħarsien tal-minuri u tal-persuni vulnerabbli) u ta’ promozzjoni tal-aċċess ta’ persuni lajċi għal pożizzjonijiet ta’ awtorità u tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi deċiżjonali, bi speċifikazzjoni tal-proporzjon f’rabta mal-ġeneru;

e)      proċeduri ta’ valutazzjoni perjodika tal-iżvolġiment tal-ministeri u l-inkarigi kollha fi ħdan il-Knisja.

Għandna bżonn nintebħu li dan mhuwiex impenn burokratiku b’fini għalih innifsu, imma sforz komunikattiv li jista’ jkun mezz edukattiv fid-dawl tat-tibdil fil-kultura, barra li jippermetti li nagħtu viżibbiltà akbar lil diversi inizjattivi ta’ valur marbuta mal-Knisja u mal-istituzzjonijiet tagħha, li spiss jibqgħu moħbija.

Sinodalità u organiżmi ta’ parteċipazzjoni

103. Is-sehem tal-imgħammdin kollha fil-proċessi deċiżjonali, bħall-prattiċi ta’ rendikont u valutazzjoni, iseħħ permezz ta’ medjazzjonijiet istituzzjonali, qabelxejn l-organiżmi ta’ parteċipazzjoni li fuq livell ta’ Knisja lokali diġà huma previsti mil-Liġi Kanonika. Fil-Knisja Latina dawn huma: Sinodu djoċesan (ara CIC, kan. 466), Kunsill presbiterali (ara CIC, kan. 500, § 2), Kunsill pastorali djoċesan (ara CIC, kan. 514, § 1), Kunsill pastorali parrokkjali (ara CIC, kan. 536), Kusill djoċesan u parrokkjali għall-affarijiet ekonomiċi (ara CIC, kan. 493 u 537). Fil-Knejjes Orjentali Kattoliċi dawn huma: Assemblea eparkjali (ara CCEO, kan. 235 ss.), Kunsill eparkjali għall-affarijiet ekonomiċi (ara CCEO, kan. 262 ss.), Kunsill presbiterali (ara CCEO, kan. 264), Kunsill pastorali eparkjali (ara CCEO, kan. 272 ss.), Kunsilli parrokkjali (ara CCEO, kan. 295). Il-komponenti jagħmlu parti minnhom skont ir-rwol ekkleżjali tagħhom u r-responsabbiltajiet differenti (kariżmi, ministeri, esperjenza jew kompetenza, u l-bqija). Kull wieħed minn dawn l-organiżmi jieħu sehem fid-dixxerniment meħtieġ għat-tħabbira inkulturata tal-Vanġelu, il-missjoni tal-komunità fl-ambjent tagħha u x-xhieda tal-imgħammdin li jagħmlu parti minnha. Jgħin ukoll fil-proċessi deċiżjonali fl-għamliet stabbiliti u jikkostitwixxi l-ambjent meħtieġ biex fih jingħataw rendikont u valutazzjoni, waqt li min-naħa tiegħu jrid jivvaluta u jagħti kont ukoll tal-operat tiegħu. L-organiżmi ta’ parteċipazzjoni huma wieħed mill-ambjenti l-aktar promettenti li fuqhom għandna naħdmu għal attwazzjoni minnufih tal-orjentamenti sinodali, li twassal għal bidliet li jistgħu jidhru fi żmien qasir.

104. Knisja sinodali tibbaża fuq l-eżistenza, fuq l-effiċjenza u fuq il-vitalità effettiva, u mhux biss nominali, ta’ dawn l-organiżmi ta’ parteċipazzjoni, kif ukoll fuq il-funzjonament tagħhom f’konformità mad-dispożizzjonijiet kanoniċi jew mal-konswetidunijiet leġittimi u fuq ir-rispett tal-istatuti u r-regolamenti li jiddixxiplinawhom. Għal din ir-raġuni għandhom ikunu obbligatorji, kif mitlub fit-tappi kollha tal-proċess sinodali, u jistgħu jiżvolġu b’mod sħiħ ir-rwol tagħhom, mhux b’mod purament formali, f’għamla li tixraq lid-diversi kuntesti lokali.

105. F’din l-istess linja, ikun opportun intervent fuq il-funzjonament ta’ dawn l-organiżmi, ibda mill-adozzjoni ta’ metodoloġija ta’ ħidma sinodali. Il-konverżazzjoni fl-Ispirtu, b’adattamenti opportuni, tista’ tkun punt ta’ riferiment. Attenzjoni partikulari għandha tingħata lill-modi ta’ kif jiġu assenjati l-membri. Meta ma hix prevista l-elezzjoni, għandha ssir konsultazzjoni sinodali li tisprimi bl-aktar mod possibbli r-realtà tal-komunità jew tal-Knisja lokali u l-awtorità tipproċedi għan-nomina skont l-eżiti tagħha, b’rispett lejn l-artikulazzjoni bejn konsultazzjoni u deliberazzjoni hawn fuq imfissra. Jeħtieġ ukoll nipprevedu li l-komponenti tal-Kunsilli pastorali djoċesani u parrokkjali jkollhom il-fakultà li jipproponu temi li jidħlu fl-ordni tal-ġurnata, f’xebh ma’ dak li jsir għall-komponenti tal-Kunsill presbiterali.

106. Attenzjoni simili titlob il-kompożizzjoni tal-organiżmi ta’ parteċipazzjoni, b’mod li jiffavorixxi involviment ikbar tan-nisa, taż-żgħażagħ u ta’ dawk li jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ faqar jew emarġinazzjoni. Barra minn hekk, huwa fundamentali li f’dawn l-organiżmi jkun hemm imgħammdin impenjati fix-xhieda tal-fidi fir-realtajiet ordinarji tal-ħajja u fid-dinamiċi soċjali, b’dispożizzjoni appostolika u missjunarja rikonoxxuta, u mhux biss persuni impenjati fl-organizzazzjoni tal-ħajja u tas-servizz interni għall-komunità. B’dan il-mod id-dixxerniment ekkleżjali jgawdi minn ftuħ ikbar, kapaċità ta’ analiżi tar-realtà u pluralità ta’ perspettivi. Skont il-ħtiġijiet tad-diversi kuntesti, jista’ jkun opportun li nipprevedu s-sehem ta’ rappreżentanti ta’ Knejjes u Komunjonijiet Insara oħra, f’xebh ma’ dak li seħħ fl-Assemblea sinodali, jew tar-rappreżentanti ta’ reliġjonijiet oħra preżenti fit-territorju. Il-Knejjes lokali u l-gruppi tagħhom flimkien jistgħu b’mod aktar faċli jindikaw xi kriterji għall-kompożizzjoni tal-organiżmi ta’ parteċipazzjoni li jixirqu lil kull kuntest.

107. L-Assemblea tat attenzjoni partikulari lill-esperjenzi ta’ riforma u prattiċi tajba li diġà jseħħu, bħall-ħolqien ta’ xbieki ta’ Kunsilli pastorali fuq livell ta’ komunitajiet ta’ bażi, parroċċi u żoni, sal-Kunsill pastorali djoċesan. Bħala mudell ta’ konsultazzjoni u smigħ, hu propost ukoll l-iżvolġiment ta’ assemblej ekkleżjali fuq il-livelli kollha b’ċerta regolarità, fejn infittxu mhux li nillimitaw il-konsultazzjoni fi ħdan il-Knisja Kattolika, imma li ninfetħu għas-smigħ tas-sehem ta’ Knejjes u Komunjonijiet Insara oħra, waqt li nibqgħu attenti għar-reliġjonijiet l-oħra preżenti fit-territorju.

108. L-Assemblea tipproponi li s-Sinodu djoċesan u l-Assemblea eparkjali jingħataw valur ikbar bħala organi għall-konsultazzjoni regolari min-naħa tal-Isqof tal-porzjon tal-poplu ta’ Alla li hu fdat lilu, bħala post ta’ smigħ, ta’ talb, ta’ dixxerniment, b’mod partikulari meta jiġi għal għażliet relevanti għall-ħajja u l-missjoni ta’ Knisja lokali. Is-Sinodu djoċesan jista’ anki jkun post ta’ tħaddim ta’ rendikont u valutazzjoni: lilu l-Isqof jirrapporta dwar l-attività pastorali fid-diversi oqsma, dwar l-attwazzjoni tal-pjan pastorali, dwar it-tħaddim tal-proċessi sinodali tal-Knisja kollha, dwar l-inizjattivi f’materja ta’ safeguarding, minbarra dwar l-amministrazzjoni tal-finanzi u tal-beni temporali. Għalhekk hu meħtieġ it-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet kanoniċi f’din il-materja, b’mod li dawn jirriflettu aħjar il-karattru sinodali missjunarju ta’ kull Knisja lokali, u jipprevedu li s-Sinodi djoċesani u l-Assemblej eparkjali jiltaqgħu fuq bażi regolari u mhux waħda rari.

Parti IV – Sajda kotrana

Il-konverżjoni tar-rabtiet

Id-dixxipli l-oħra […] resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut. […] Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. (Ġw 21:8,11)

109. Ix-xbieki mixħuta għall-kelma tal-Irxoxt ippermettew sajda kotrana. Kulħadd ikkollabora biex setgħu jkaxkru x-xbieki, Pietru għandu rwol partikulari. Fil-Vanġelu s-sajda hi azzjoni mwettqa flimkien: kull persuna għandha ħidma preċiża, differenti imma kkordinata ma’ dik tal-oħrajn. Hekk tkun il-Knisja sinodali, magħmula minn rabtiet li jġibu l-għaqda fil-komunjoni u minn spazji għall-varjetà ta’ kull poplu u ta’ kull kultura. Fi żmien li fih qed tinbidel l-esperjenza tal-postijiet li fihom il-Knisja għandha għeruqha u hi pellegrina, jeħtieġ nikkultivaw f’għamliet ġodda l-qsim tad-doni u n-nisġa tar-rabtiet li jorbtuna flimkien, imwieżna mill-ministeru tal-Isqfijiet f’komunjoni bejniethom u mal-Isqof ta’ Ruma.

B’għeruqna mniżżla u pellegrini

110. It-tħabbira tal-Vanġelu, li tqanqal il-fidi fil-qlub tal-bnedmin, twassal għat-twaqqif ta’ Knisja f’post partikulari. Il-Knisja ma nistgħux nifhmuha mingħajr għeruqha mniżżla f’territorju konkret, fi spazju u fi żmien fejn tissawwar esperjenza maqsuma flimkien ta’ laqgħa ma’ Alla li jsalva. Id-dimensjoni lokali tal-Knisja tippreserva d-diversità għanja tal-espressjonijiet ta’ fidi b’għeruqhom imniżżla f’kuntesti speċifiċi kulturali u storiċi, u l-komunjoni tal-Knejjes timmanifesta l-komunjoni tal-fidili fi ħdan il-Knisja waħda. Il-konverżjoni sinodali tistieden b’dan il-mod lil kull persuna biex twessa’ l-ispazju ta’ qalbha, l-ewwel “post” li fih jidwu r-relazzjonijiet kollha tagħna, b’għeruqhom fir-relazzjoni personali ta’ kull wieħed u waħda ma’ Kristu Ġesù u l-Knisja tiegħu. Din hija l-għajn u l-kundizzjoni għal kull riforma tar-rabtiet ta’ appartenenza u tal-postijiet ekkleżjali f’dawl sinodali. L-azzjoni pastorali ma tistax tillimita ruħha li tikkura r-relazzjonijiet bejn persuni li diġà jħossuhom f’sintonija bejniethom, imma għandha tiffavorixxi l-laqgħa ma’ kull persuna.

111. L-esperjenza tat-tniżżil tal-għeruq għandha tqis il-bidliet soċjokulturali li qed jimmodifikaw il-perċezzjoni tal-postijiet. Il-kunċett ta’ post ma jistax jinftiehem iżjed f’termini purament ġeografiċi u spazjali, imma jevoka fi żmienna l-appartenenza għal xibka ta’ relazzjonijiet u għal kultura li l-għeruq territorjali tagħha huma iżjed dinamiċi u flessibbli milli qatt kienu sa issa. L-urbanizzazzjoni hi waħda mill-fatturi prinċipali ta’ din il-bidla: illum, għall-ewwel darba fl-istorja tal-umanità, il-parti l-kbira tal-popolazzjoni dinjija tgħix f’kuntesti urbani. Il-bliet il-kbar spiss huma agglomerati umani bla storja u bla identità li fihom il-persuni jgħixu qishom gżejjer. Ir-rabtiet territorjali tradizzjonali qed tinbidlilhom it-tifsira tagħhom, u hekk il-konfini ta’ parroċċi u djoċesijiet saru inqas ċari. Il-Knisja hi msejħa tgħix qalb dawn il-kuntesti, u tibni mill-ġdid il-ħajja komunitarja, tagħti wiċċ lil realtajiet anonimi u tinseġ relazzjonijiet fraterni. Għal dan il-għan, barra li nivvalorizzaw l-istrutturi li għadhom jidhru idonji, hemm bżonn ta’ kreattività missjunarja li tesplora għamliet ġodda ta’ pastorali u li nindividwaw mixjiet konkreti ta’ kura. Imma jibqa’ veru li r-realtajiet rurali, xi wħud minnhom tassew periferiji eżistenzjali, ma għandhomx jiġu ttraskurati u jitolbu attenzjoni pastorali speċifika, u l-istess il-postijiet tal-emarġinazzjoni u tal-esklużjoni.

112. Iż-żminijiet tagħna huma kkaratterizzati wkoll miż-żieda fil-mobbiltà umana, immotivata minn diversi raġunijiet. Rifuġjati u migranti spiss jiffurmaw komunitajiet dinamiċi, anki fil-prattiċi reliġjużi tagħhom, u hekk jagħmlu aktar multikulturali l-post li fih jistabbilixxu ruħhom. Xi wħud fosthom iżommu rabtiet stretti mal-pajjiżi tal-oriġni, fuq kollox grazzi għall-midja diġitali, u jesperimentaw diffikultà biex jinsġu rabtiet fil-pajjiż il-ġdid; oħrajn jibqgħu bla għeruq. Anki dawk li jgħixu fil-postijiet ta’ immigrazzjoni jintmessu mill-fatt tal-akkoljenza ta’ min jasal. Kulħadd iħossu l-impatt ipprovokat mil-laqgħa mad-diversità ta’ provenjenza ġeografika, kulturali u lingwistika, u huma msejħin jibnu komunitajiet interkulturali. Ma għandux jiġi ttraskurat l-impatt tal-fenomeni migratorji fuq il-ħajja tal-Knejjes. F’dan is-sens, emblematika hi s-sitwazzjoni ta’ xi Knejjes Orjentali Kattoliċi, minħabba n-numru dejjem jikber ta’ fidili fid-dijaspora; hemm bżonn ta’ approċċi ġodda biex jinżammu r-rabtiet mal-Knisja tal-oriġni ta’ dak li jkun, u jinħolqu oħrajn ġodda, fir-rispett lejn l-għeruq spiritwali u kulturali ta’ bosta xorta.

113. Anki t-tixrid tal-kultura diġitali, evidenti b’mod partikulari fost iż-żgħażagħ, qed jibdel mill-qiegħ il-perċezzjoni tal-ispazju u taż-żmien, u jinfluwenza l-attivitajiet ta’ kuljum, il-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet interpersonali, inkluża l-fidi. Il-possibbiltajiet li joffri l-internet qed jibdlu l-bixra tar-relazzjonijiet, rabtiet u fruntieri. Imqar jekk illum aħna iktar konnessi minn qatt qabel, spiss jinħassu solitudni u emarġinazzjoni. Barra minn hekk, il-mezzi ta’ midja soċjali jistgħu jiġu utilizzati minn dawk li għandhom interessi ekonomiċi u politiċi li, filwaqt li jimmanipulaw lill-persuni, ixerrdu ideoloġiji u jiġġeneraw polarizzazzjonijiet aggressivi. Din ir-realtà qed issibna fuq sieq waħda u titlob l-għażla li niddedikaw riżorsi biex l-ambjent diġitali jkun post profetiku ta’ missjoni u ta’ tħabbira. Il-Knejjes lokali jinkuraġġixxu, iwieżnu u jakkumpanjaw lil dawk li huma impenjati fil-missjoni fl-ambjent diġitali. Anki l-komunitajiet u l-gruppi diġitali Nsara, b’mod partikulari taż-żgħażagħ, huma msejħa jirriflettu fuq il-mod kif qed joħolqu rabtiet ta’ appartenenza, jippromovu l-laqgħa u d-djalogu, joffru formazzjoni bejn nies tal-istess età, jiżviluppaw modi sinodali kif inkunu Knisja. L-internet, magħmul minn konnessjonijiet, joffri opportunitajiet ġodda biex ngħixu aħjar id-dimensjoni sinodali tal-Knisja.

114. Dawn l-iżviluppi soċjali u kulturali jitolbu mill-Knisja li terġa’ taħseb fuq it-tifsira tad-dimensjoni “lokali” tagħha u li tistħarreġ sew ix-xejriet organizzattivi tagħha, bl-għan li taqdi aħjar il-missjoni tagħha. Imqar jekk nagħrfu l-valur li wieħed iniżżel l-għeruq f’kuntesti ġeografiċi u kulturali konkreti, huwa indispensabbli nifhmu l-“post” bħala r-realtà storika li fiha l-esperjenza umana tieħu l-għamla tagħha. Huwa hemm, fin-nisġa tar-relazzjonijiet li jitwaqqfu fi ħdanha, li l-Knisja hi msejħa tesprimi s-sagramentalità tagħha (ara LG 1) u tiżvolġi l-missjoni tagħha.

115. Ir-relazzjoni bejn post u spazju tissuġġerixxi wkoll riflessjoni fuq il-Knisja bħala “dar”. Meta mhix mifhuma bħala spazju magħluq, inaċċessibbli, li wieħed irid jiddefendih b’kull mod, l-immaġni ta’ dar tevoka possibbiltajiet ta’ akkoljenza, ta’ ospitalità u inklużjoni. Il-ħolqien innifsu hu dar komuni, li fiha l-membri tal-familja waħda umana jgħixu mal-ħlejjaq l-oħra kollha. L-impenn tagħna, imwieżen mill-Ispirtu, hu li naħdmu biex il-Knisja tiġi mifhuma bħala dar akkoljenti, sagrament ta’ laqgħa u ta’ salvazzjoni, skola ta’ komunjoni għall-ulied kollha ta’ Alla. Il-Knisja hija wkoll Poplu ta’ Alla li miexi flimkien ma’ Kristu, li fi ħdanha kull persuna hi msejħa tkun pellegrin tat-tama. Sinjal ta’ dan hi l-prattika tradizzjonali tal-pellegrinaġġi. Il-pjetà popolari hi wieħed mill-imkejjen ta’ Knisja sinodali missjunarja.

116. Il-Knisja lokali, mifhuma bħala Djoċesi jew Eparkija, hija l-qasam fundamentali li fih il-komunjoni tal-imgħammdin kollha fi Kristu tidher bl-aktar mod sħiħ. Fiha l-komunità tinġabar fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija ppreseduta mill-Isqof. Kull Knisja lokali hi artikulata fi ħdanha u, fl-istess waqt, tinsab f’relazzjoni mal-Knejjes lokali l-oħra.

117. Waħda mill-artikulazzjonijiet prinċipali tal-Knisja lokali li tagħtina l-istorja hi l-Parroċċa. Il-komunità parrokkjali, li tiltaqa’ fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, hi post ipprivileġġjat ta’ relazzjonijiet, akkoljenza, dixxerniment u missjoni. Il-bidliet fil-kunċett u fil-mod kif ngħixu r-relazzjoni mat-territorju jitolbu li nifhmu b’mod ġdid il-mod kif hi msawra. Dak li jikkaratterizzaha hu li tkun proposta ta’ komunità fuq bażi li mhix elettiva. Fiha jinġemgħu persuni ta’ ġenerazzjonijiet, professjonijiet, provenjenzi ġeografiċi, klassijiet soċjali u kundizzjonijiet ta’ ħajja differenti. Biex twieġeb għall-esiġenzi ġodda tal-missjoni hi msejħa biex tinfetaħ għal għamliet ġodda ta’ azzjoni pastorali li jagħtu kas taċ-ċaqliq tal-persuni u t-“territorju eżistenzjali” li fih tiżviluppa ħajjithom. Billi tippromovi b’mod partikulari l-Inizjazzjoni Nisranija u toffri akkumpanjement u formazzjoni, tkun kapaċi twieżen il-persuni fid-diversi fażijiet tal-ħajja u fit-twettiq tal-missjoni tagħhom fid-dinja. Hekk jidher b’mod aktar ċar li l-Parroċċa mhix iċċentrata fuqha nfisha, imma orjentata għall-missjoni u msejħa twieżen l-impenn ta’ tant persuni li b’modi differenti jgħixu u jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom fil-professjoni u fl-attività soċjali, kulturali, politika. F’ħafna reġjuni tad-dinja l-komunitajiet Insara żgħar jew komunitajiet ekkleżjali tal-bażi huma l-art li fuqha jistgħu jwarrdu relazzjonijiet intensi ta’ qrubija u reċiproċità, u joffru l-okkażjoni biex wieħed jgħix b’mod konkret is-sinodalità.

118. Nirrikonoxxu l-ħila tal-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata, tas-Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika, kif ukoll tal-Assoċjazzjonijiet, il-Movimenti u l-Komunitajiet Ġodda, li jniżżlu għeruqhom fit-territorju u fl-istess waqt jorbtu flimkien postijiet u oqsma differenti, anki fuq livell nazzjonali jew internazzjonali. Spiss hija l-azzjoni tagħhom, flimkien ma’ dik ta’ tant persuni individwali u gruppi informali, li twassal il-Vanġelu fl-iktar postijiet differenti: sptarijiet, ħabsijiet, djar tal-anzjani, ċentri ta’ akkoljenza għall-migranti, minuri, emarġinati u vittmi tal-vjolenza; postijiet edukattivi u ta’ formazzjoni, skejjel u universitajiet, li fihom jiltaqgħu żgħażagħ u familji; postijiet tal-kultura, tal-politika u tal-iżvilupp uman integrali fejn jiġu maħsuba u msawra għamliet ġodda ta’ ħajja flimkien. Inħarsu bi gratitudni wkoll lejn il-monasteri, postijiet ta’ konvokazzjoni u ta’ dixxerniment, profezija ta’ xi ħaġa “aktar” li tmiss lill-Knisja kollha u torjenta l-mixja tagħha. Hi r-responsabbiltà speċifika tal-Isqof djoċesan jew eparkjali li janima din il-multipliċità u jieħu ħsieb tar-rabtiet ta’ għaqda. Istituti u aggregazzjonijiet huma msejħa jaġixxu f’sinerġija mal-Knisja lokali, u jieħdu sehem fid-dinamiżmu tas-sinodalità.

119. Anki l-valorizzazzjoni tal-postijiet “intermedji” bejn Knisja lokali u Knisja universali – bħall-Provinċja ekkleżjastika u l-gruppi ta’ Knejjes fuq bażi nazzjonali jew kontinentali – tista’ tiffavorixxi preżenza iktar sinifikattiva tal-Knisja fil-postijiet ta’ żmienna. Il-mobbiltà li kompliet tikber u l-interkonnessjonijiet tal-lum qed jirrendu aktar fluwidi l-konfini bejn il-Knejjes u spiss jitolbu minna li naħsbu u naġixxu fi ħdan “territorju soċjo-kulturali ta’ ċertu daqs”, li fih, waqt li titħalla barra kull xorta ta’ “partikolariżmu falz”, il-ħajja Nisranija “taddatta ruħha għad-dehen u x-xejra ta’ kull xorta ta’ kultura” (AG 22).

Qsim ta’ doni

120. Li nimxu flimkien fid-diversi postijiet bħala dixxipli ta’ Ġesù fid-diversità tal-kariżmi u tal-ministeri, l-istess bħal fil-qsim ta’ doni bejn il-Knejjes, dan hu sinjal effikaċi tal-preżenza tal-imħabba u tal-ħniena ta’ Alla fi Kristu li ssieħeb, twieżen u torjenta fin-nifs tal-Ispirtu s-Santu l-mixja tal-umanità lejn is-Saltna. Il-qsim ta’ doni jinvolvi d-dimensjonijiet kollha tal-ħajja tal-Knisja. Imwaqqfa fi Kristu bħala l-Poplu ta’ Alla minn qalb il-popli kollha tal-art u artikulata dinamikament fil-komunjoni tal-Knejjes lokali, tal-gruppi tagħhom flimkien, tal-Knejjes sui iuris fi ħdan il-Knisja waħda u kattolika, hija tgħix il-missjoni tagħha tiffavorixxi u tilqa’ “l-għana, ir-riżorsi u d-drawwiet tal-popli; waqt li tassimilahom hija tippurifikahom, issaħħaħhom u tgħollihom” (LG 13). L-eżortazzjoni tal-Appostlu Pietru – “kull wieħed minnkom jgħix skont id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid tal-oħrajn; hekk tkunu amministraturi tajbin tal-grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta” (1 Piet 4:10) – tista’ bla dubju ta’ xejn tapplika għal kull Knisja lokali. Eżempju paradigmatiku u li jnebbaħna ta’ dan il-qsim ta’ doni, li llum aħna mitluba ngħixuh u nieqfu fuqu mill-ġdid b’attenzjoni partikulari minħabba fiċ-ċirkutanzi storiċi li nbidlu u li jippressaw fuqna, hu dak bejn il-Knejjes ta’ tradizzjoni Latina u l-Knejjes Orjentali Kattoliċi.  Xefaq sinifikattiv ta’ novità u ta’ tama li fih jistgħu jitwettqu għamliet ta’ qsim tad-doni, tat-tiftix tal-ġid komuni u ta’ impenn ikkordinat fuq kwistjonijiet soċjali ta’ rilevanza globali hu dak li qed naraw, ngħidu aħna, f’oqsma ġeografiċi kbar sopranazzjonali u interkulturali bħall-Amażonja, il-baċir tax-xmara Congo, il-Baħar Mediterran.

121. Il-Knisja, fuq livell lokali u fl-għaqda kattolika tagħha, trid tkun xibka ta’ relazzjonijiet li permezz tagħhom tiċċirkola u hi promossa l-profezija tal-kultura tal-laqgħa, tal-ġustizzja soċjali, tal-inklużjoni tal-gruppi marġinali, tal-fraternità bejn il-popli, tal-kura tad-dar komuni. It-taħriġ konkret ta’ din il-profezija jitlob li l-ġid ta’ kull Knisja jinqasam fi spirtu ta’ solidarjetà, mingħajr paternaliżmu jew assistenzjaliżmu, fir-rispett tad-diversi identitajiet u fil-promozzjoni ta’ reċiproċità sana, bl-impenn – fejn meħtieġ – li nikkuraw il-feriti tal-memorja u naqbdu mixjiet ta’ rikonċiljazzjoni. Il-qsim ta’ doni u tar-riżorsi bejn Knejjes lokali ta’ diversi reġjuni jiffavorixxi l-għaqda tal-Knisja, u joħloq rabtiet bejn il-komunitajiet Insara involuti. Jeħtieġ li jkollna l-kundizzjonijiet biex niggarantixxu li l-presbiteri li jmorru jgħinu lill-Knejjes foqra fil-kleru ma jkunux biss rimedju funzjonali, imma riżorsa biex tikber il-Knisja li tibgħathom u dik li tilqagħhom. Bl-istess mod jeħtieġ naħdmu biex l-għajnuniet ekonomiċi ma jispiċċawx assistenzjaliżmu, imma jippromovu solidarjetà evanġelika u jitħaddmu b’mod trasparenti u affidabbli.

122. Il-qsim tad-doni għandu tifsira kruċjali anki fil-mixja lejn l-għaqda sħiħa u viżibbli bejn il-Knejjes u l-Komunjonijiet Insara kollha u, wara kollox, jirrappreżenta sinjal effikaċi ta’ dik l-għaqda, fil-fidi u fl-imħabba ta’ Kristu, li tippromovi l-kredibbiltà u l-effett tal-missjoni Nisranija (ara Ġw 17:21). San Ġwani Pawlu II applika din l-esperessjoni għad-djalogu ekumeniku: “Id-djalogu mhuwiex biss bdil ta’ fehmiet. B’xi mod hu dejjem ‘bdil ta’ doni’” (UUS 28). Kien fl-impenn biex jinkarnaw il-Vanġelu wieħed fid-diversità tal-kuntesti kulturali, taċ-ċirkustanzi storiċi u tal-isfidi soċjali, li d-diversi tradizzjonijiet Insara, fis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u tal-leħen tal-Ispirtu s-Santu, nisslu matul is-sekli frott kotran ta’ qdusija, ta’ karità, ta’ spiritwalità, ta’ teoloġija, ta’ solidarjetà fuq livell soċjali u kulturali. Wasal il-waqt li nagħmlu teżor minn dan l-għana prezzjuż: b’ġenerożità, b’sinċerità, bla preġudizzji, bi gratitudni lejn il-Mulej, bi ftuħ reċiproku, nagħmlu don wieħed mill-ieħor bla ma nippreżumu li l-oħrajn huma proprjetà esklussiva tagħna. Anki l-eżempju tal-qaddisin u xhieda tal-fidi ta’ Knejjes u Komunjonijiet Insara oħra huwa don li nistgħu nirċievu, u ndaħħlu t-tifkira tagħhom fil-kalendarju liturġiku tagħna, b’mod partikulari għall-martri.

123. Fid-Dokument dwar il-fraternità umana għall-paċi dinjija u l-konvivenza komuni, iffirmat mill-Papa Franġisku u l-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar Ahmed Al-Tayyeb f’Abu Dhabi fl-4 ta’ Frar 2019, huma ddikjaraw ir-rieda li “naddottaw il-kultura tad-djalogu bħala triq, il-kollaborazzjoni komuni bħala mġiba, l-għarfien reċiproku bħala metodu u kriterju”. Din mhix xi aspirazzjoni irrealistika jew xi ħaġa li tista’ tagħżilha jew ma tagħżilhiex fil-mixja tal-Poplu ta’ Alla fl-illum tal-istorja. F’din it-triq il-Knisja sinodali tħabrek biex timxi, fid-diversi postijiet li fihom tgħix, mal-membri tat-twemmin ta’ reliġjonijiet oħra u mal-persuni ta’ konvinzjonijiet oħra, waqt li taqsam b’xejn il-ferħ tal-Vanġelu u tilqa’ bi gratitudni d-doni rispettivi tagħhom: biex nibnu flimkien, bħala aħwa lkoll, fi spirtu ta’ qsim u għajnuna reċiproka (ara GS 40), il-ġustizzja, il-fraternità, il-paċi u d-djalogu interreliġjuż. F’xi reġjuni oħra, komunitajiet żgħar qrib ta’ xulxin, li fihom il-persuni jiltaqgħu lil hemm mill-appartenenza reliġjuża, joffru l-ambjent it-tajjeb għal djalogu tripliku: tal-ħajja, tal-azzjoni u tat-talb.

Rabtiet għall-għaqda: Konferenzi episkopali u Assemblej ekkleżjali

124. Ix-xefaq tal-komunjoni fil-qsim tad-doni hu l-kriterju li jnebbaħ ir-relazzjonijiet bejn il-Knejjes. Dan jorbot l-attenzjoni għar-rabtiet li jsawru l-għaqda tal-Knisja kollha mar-rikonoxximent u l-apprezzament tal-partikularitajiet marbuta mal-kuntest li fih tgħix kull Knisja lokali, bl-istorja u t-tradizzjoni tagħha. L-adozzjoni ta’ stil sinodali tippermetti lill-Knejjes li jiċċaqilqu b’ritmi differenti. Id-differenzi ta’ ritmu jistgħu jkunu vvalorizzati bħala espressjonijiet ta’ diversità leġittima u bħala opportunità ta’ qsim ta’ doni u ta’ arrikkiment reċiproku. Dan ix-xefaq komuni jitlob li niddixxernu, nidentifikaw u nippromovu strutturi u prattiċi konkreti biex inkunu Knisja sinodali f’missjoni.

125. Il-Konferenzi episkopali jesprimu u jwettqu l-kolleġġjalità tal-Isqfijiet biex tgħin fil-komunjoni bejn il-Knejjes u twieġeb b’mod iżjed effikaċi għall-ħtiġijiet tal-ħajja pastorali. Huma strument fundamentali biex jinħolqu rabtiet, ikun hemm qsim ta’ esperjenzi u prattiċi tajba bejn il-Knejjes, u jiġu adattati l-ħajja Nisranija u l-espressjoni tal-fidi għad-diversi kulturi. Għandhom ukoll rwol importanti fl-iżvilupp tas-sinodalità, bl-involviment tal-Poplu kollu ta’ Alla. Fid-dawl ta’ dak kollu li ħareġ matul il-proċess sinodali, nipproponu:

a)      li jinġabar il-frott tar-riflessjoni fuq l-istatut teoloġiku u ġuridiku tal-Konferenzi episkopali;

b)      li jiġi ppreċiżat il-qasam tal-kompetenza duttrinali u dixxiplinari tal-Konferenzi episkopali. Mingħajr ma tiġi kompromessa l-awtorità tal-Isqof fil-Knisja fdata lilu, u lanqas imqiegħda f’riskju l-għaqda u l-kattoliċità tal-Knisja, it-tħaddim kolleġġjali ta’ din il-kompetenza jista’ jiffavorixxi t-tagħlim awtentiku tal-fidi waħda b’mod adegwat u inkulturat fid-diversi kuntesti, u jindividwa l-espressjonijiet liturġiċi, kateketiċi, dixxiplinari, pastorali, teoloġiċi u spiritwali opportuni (ara AG 22);

ċ)      li ssir valutazzjoni tal-esperjenza tal-funzjonament reali tal-Konferenzi episkopali, tar-relazzjonijiet bejn l-episkopati u mas-Santa Sede, biex jiġu individwati r-riformi konkreti li għandhom isiru. Iż-żjajjar ad limina Apostolorum jistgħu jkunu okkażjoni tajba għal valutazzjoni bħal din;

d)      li jkun hemm mod kif id-Djoċesijiet kollha jkunu parti minn Provinċja ekkleżjastika u minn Konferenza episkopali (ara CD 40);

e)      li tiġi speċifikata r-rabta ekkleżjali li jġibu magħhom id-deċiżjonijiet meħuda minn Konferenza episkopali, fejn tidħol id-Djoċesi proprja, għal kull Isqof li ħa sehem f’dawk l-istess deċiżjonijiet.

126. Fil-proċess sinodali s-seba’ Assemblej ekkleżjali kontinentali, li seħħu fil-bidu tas-sena 2023, kienu novità rilevanti u huma wirt li għandu jiġi vvalorizzat bħala mod effikaċi kif jitwettaq it-tagħlim konċiljari fuq il-valur ta’ “kull territorju soċjo-kulturali kbir” fit-tiftix ta’ “tfassil tajjeb tal-ħajja Nisranija” (AG 22). Irid jiġi ċċarat aktar l-istatut teoloġiku u kanoniku, kif ukoll dak tal-gruppi kontinentali ta’ Konferenzi episkopali, biex jista’ jinħasad il-frott tal-potenzjalitajiet għal żvilupp akbar ta’ Knisja sinodali. Hu partikularment dmir tal-Presidenti ta’ dawn il-gruppi kontinentali ta’ Konferenzi episkopali li jinkuraġġixxu u jwieżnu t-twettiq ta’ din l-esperjenza.

127. Fl-Assemblej ekkleżjali (reġjonali, nazzjonali, kontinentali) il-membri, li jesprimu u jirrappreżentaw il-firxa wiesgħa tal-Poplu ta’ Alla (inklużi l-Isqfijiet), jipparteċipaw fid-dixxerniment li jippermetti lill-Isqfijiet, kolleġġjalment, li jassumu d-deċiżjonijiet li għandhom jieħdu minħabba l-ministeru fdat lilhom. Din l-esperjenza turi kif is-sinodalità tippermettilna nartikulaw konkretement l-involviment ta’ kulħadd (il-Poplu qaddis ta’ Alla) u l-ministeru ta’ xi wħud (il-Kulleġġ tal-Isqfijiet) fil-proċess tad-deċiżjonijiet li jolqtu l-missjoni tal-Knisja. Nipproponu li d-dixxerniment jista’ jinkludi, f’għamliet li jixirqu lid-diversità tal-kuntesti, spazji ta’ smigħ u ta’ djalogu mal-Insara l-oħra, ir-rappreżentanti ta’ reliġjonijiet oħra, l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-soċjetà sħiħa.

128. Minħabba s-sitwazzjonijiet soċjali u politiċi partikulari, xi Konferenzi episkopali jsibu diffikultà jieħdu sehem f’Assemblej kontinentali jew organiżmi ekkleżjali sopranazzjonali. Hu dmir tas-Santa Sede li tgħinhom, u tippromovi d-djalogu u l-fiduċja reċiproka mal-Istati, biex tingħatalhom il-possibbiltà li jidħlu f’relazzjoni ma’ Konferenzi episkopali oħra, fil-perspettiva tal-qsim tad-doni.

129. Biex ikollna “‘deċentralizzazzjoni’ sana” (EG 16) u inkulturazzjoni effikaċi tal-fidi, hemm bżonn mhux biss li nagħrfu r-rwol tal-Konferenzi episkopali, imma anki nivvalutaw mill-ġdid l-istituzzjoni ta’ Konċilji partikulari, kemm provinċjali u kemm plenarji, li ċ-ċelebrazzjoni perjodika tagħhom kienet obbligu għall-biċċa l-kbira tal-istorja tal-Knisja u li huma previsti mid-Drittu attwali fl-ordinament Latin (ara CIC, kan. 439-446). Dawn għandhom ikunu msejħa perjodikament. Il-proċedura għall-għarfien tal-konklużjonijiet tal-Konċilji partikulari min-naħa tas-Santa Sede (recognitio) għandha tiġi riformata, biex tiġi mħeġġa l-pubblikazzjoni malajr tagħhom, u tindika termini temporali preċiżi jew, fil-każ ta’ kwistjonijiet purament pastorali u dixxiplinari (li ma jolqtux direttament kwistjonijiet ta’ fidi, morali jew dixxiplina sagramentali), tintroduċi preżunzjoni ġuridika, ekwivalenti għall-kunsens impliċitu.

Is-servizz tal-Isqof ta’ Ruma

130. Il-proċess sinodali għen biex fid-dawl tas-sinodalità nerġgħu nħarsu wkoll lejn il-mod ta’ taħriġ tal-ministeru tal-Isqof ta’ Ruma. Fil-fatt, is-sinodalità tartikola b’mod sinfoniku d-dimensjoni komunitarja (ilkoll), kolleġġjali (xi wħud) u personali (waħda) ta’ kull Knisja lokali u tal-Knisja kollha. F’din il-perspettiva, il-ministeru Petrin hu intrinsiku għad-dinamika sinodali, kif ukoll għad-dimensjoni komunitarja, li tinkludi lill-Poplu kollu ta’ Alla, u dik kolleġġjali tal-ministeru episkopali (ara CTI, n. 64).

131. Nistgħu għalhekk nifhmu l-importanza tal-affermazzjoni konċiljari li tgħid li “fil-komunjoni ekkleżjastika jinsabu, bid-dritt kollu, xi knejjes partikolari li għandhom it-tradizzjonijiet tagħhom li ma jnaqqsu xejn mill-primat tal-katedra ta’ Pietru li jippresiedi l-assemblea universali tal-karità, iħares id-diversitajiet leġittimi u fl-istess ħin jgħasses biex dak li hu partikolari mhux biss ma jagħmilx ħsara lill-għaqda iżda jserviha ta’ ġid” (LG 13). L-Isqof ta’ Ruma, prinċipju u fundament ta’ għaqda fil-Knisja (ara LG 23), huwa l-garanti tas-sinodalità: huwa hu li għandu jsejjaħ lill-Knisja f’Sinodu, jippresidieh u jikkonferma r-riżultati tiegħu. Bħala Suċċessur ta’ Pietru, għandu rwol uniku fil-ħarsien tad-depożitu tal-fidi u tal-morali, biex jiżgura li l-proċessi sinodali jkunu għammiela għall-għaqda u x-xhieda. Flimkien mal-Isqof ta’ Ruma, il-Kulleġġ episkopali għandu rwol insostitwibbli f’li jirgħa l-Knisja kollha (ara LG 22-23) u f’li jippromovi s-sinodalità fil-Knejjes lokali kollha.

132. Bħala garanti tal-għaqda fid-diversità, l-Isqof ta’ Ruma jiżgura l-ħarsien tal-identità tal-Knejjes Orjentali Kattoliċi, f’rispett lejn it-tradizzjonijiet teoloġiċi, kanoniċi, liturġiċi, spiritwali u pastorali tagħhom fuq medda ta’ sekli. Dawn il-Knejjes huma mogħnija bi strutturi sinodali deliberattivi tagħhom: Sinodu tal-isqfijiet tal-Knisja patrijarkali u arċiveskovili maġġuri (ara CCEO, kan. 102ss., 152), Konċilju provinċjali (ara CCEO, kan. 137), Kunsill tal-Ġerarki (ara CCEO, kan. 155§1, 164ss.) u, fl-aħħar nett, l-Assemblej tal-Ġerarki tad-diversi Knejjes sui iuris (ara CCEO, kan. 322). Bħala Knejjes sui iuris f’komunjoni sħiħa mal-Isqof ta’ Ruma, huma jikkonservaw l-identità Orjentali tagħhom u l-awtonomija tagħhom. Fil-qafas tas-sinodalità, huwa oportun li flimkien nerġgħu nħarsu lejn l-istorja biex infejqu l-feriti tal-imgħoddi u napprofondixxu l-modi kif ngħixu l-komunjoni, li jwasslu wkoll għal adattament fir-relazzjonijiet bejn il-Knejjes Orjentali Kattoliċi u l-Kurja Rumana. Ir-relazzjonijiet bejn Knisja Latina u Knejjes Orjentali Kattoliċi għandhom ikunu kkaratterizzati minn qsim ta’ doni, mill-kollaborazzjoni u mill-arrikkiment reċiproku.

133. Biex issaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet, l-Assemblea Sinodali tipproponi li jitwaqqaf Kunsill ta’ Patrijarki, Arċisqfijiet Maġġuri u Metropoliti tal-Knejjes Orjentali Kattoliċi ppresedut mill-Papa, li jkunu espressjoni ta’ sinodalità u strument li jippromovi l-komunjoni u l-qsim flimkien tal-wirt liturġiku, teoloġiku, kanoniku u spiritwali. L-eżodu ta’ tant fidili Orjentali f’reġjuni ta’ rit Latin qed jirriskja li jikkomprometti l-identità tagħhom. Biex nistgħu naffrontaw din is-sitwazzjoni, irridu nelaboraw strumenti u normi bl-għan li jsaħħu bl-aħjar mod il-kollaborazzjoni bejn Knisja Latina u Knejjes Orjentali Kattoliċi. L-Assemblea sinodali tirrakkomanda d-djalogu sinċier u l-kollaborazzjoni fraterna bejn Isqfijiet Latini u Orjentali, biex tiġi żgurata għajnuna pastorali aħjar għall-fidili Orjentali neqsin minn presbiteri tar-rit tagħhom u biex jiġi garantit, bl-awtonomija t-tajba, l-involviment tal-Isqfijiet Orjentali fil-Konferenzi episkopali. Fl-aħħar nett tipproponi lill-Papa li jsejjaħ Sinodu Speċjali biex jippromovi t-tisħiħ u t-twarrid mill-ġdid tal-Knejjes Orjentali Kattoliċi.

134. Ir-riflessjoni dwar it-tħaddim tal-ministeru Petrin f’dawl sinodali għandha ssir fil-perspettiva tad-“‘deċentralizzazzjoni’ sana” (EG 16), imħeġġa mill-Papa Franġisku u mitluba minn bosta Konferenzi episkopali. Fil-formulazzjoni li tagħtiha l-Kostituzzjoni Appostolika Prædicate Evangelium, din tfisser “li nħallu f’idejn il-kompetenza tar-Ragħajja l-fakultà li jsolvu ‘fit-tħaddim tal-ħidma tagħhom ta’ mgħallma’ u ta’ Ragħajja l-kwistjonijiet li jafu tajjeb u li ma jmissux l-għaqda tad-duttrina, tad-dixxiplina u tal-komunjoni tal-Knisja, dejjem huma u jaġixxu b’dik il-korresponsabbiltà li hi frott u espressjoni ta’ dak il-mysterium communionis speċifiku li hi l-Knisja” (PE II, 2). Biex nipproċedu f’din id-direzzjoni, nistgħu nindividwaw permezz ta’ studju teoloġiku u kanoniku liema materji għandhom ikunu riservati għall-Papa (reservatio papalis) u liema jisgħu jintraddu lura lill-Isqfijiet fil-Knejjes tagħhom jew gruppi ta’ Knejjes, fil-linja tal-Motu Proprju riċenti Competentias quasdam decernere (15 ta’ Frar 2022). Dan fil-fatt jassenja “xi kompetenzi, dwar dispożizzjonijiet kodiċjali bl-għan li jiggarantixxu l-għaqda tad-dixxiplina tal-Knisja kollha, lis-setgħa eżekuttiva tal-Knejjes u tal-istituzzjonijiet ekkleżjali lokali” msejsa fuq id-“dinamika ekkleżjali tal-komunjoni” (Preambolu). Anki l-elaborazzjoni tan-normattiva kanonika min-naħa ta’ min għandu l-ħidma u l-awtorità fiha, għandu jkollha stil sinodali u timmatura bħala frott ta’ dixxerniment ekkleżjali.

135. Il-Kostituzzjoni Appostolika Prædicate Evangelium għaġnet f’sens sinodali u missjunarju s-servizz tal-Kurja Rumana, b’insistenza fuq il-fatt li hi “ma tinsabx bejn il-Papa u l-Isqfijiet, imma pjuttost hi għas-servizz tat-tnejn skont il-modi li huma proprji tan-natura ta’ kull wieħed” (PE I, 8). L-attenzjoni tagħha għandha tippromovi kollaborazzjoni akbar bejn id-Dikasteri u tiffavorixxi s-smigħ tal-Knejjes lokali. Qabel ma jippubblikaw dokumenti normattivi importanti, id-Dikasteri huma mħeġġa jwettqu konsultazzjoni mal-Konferenzi episkopali u mal-organiżmi korrispondenti tal-Knejjes Orjentali Kattoliċi. Fil-loġika tat-trasparenza u tar-rendikont, imfissra qabel, jistgħu eventwalment jiġu previsti għamliet ta’ valutazzjoni perjodika tal-operat tal-Kurja. Din il-valutazzjoni, f’perspettiva sinodali missjunarja, tista’ tkun ukoll għar-Rappreżentanti pontifiċji. Iż-żjajjar ad limina Apostolorum huma l-ogħla mument tar-relazzjonijiet tar-Ragħajja tal-Knejjes lokali mal-Isqof ta’ Ruma u mal-iktar kollaboraturi stretti tiegħu fil-Kurja Rumana. Ħafna Isqfijiet jixtiequ li tiġi riveduta l-bixra li biha jsiru, b’mod li jsiru dejjem aktar okkażjonijiet ta’ qsim miftuħ u smigħ reċiproku. Importanti għall-ġid tal-Knisja li niffavorixxu l-għarfien reċiproku u r-rabtiet ta’ komunjoni bejn il-membri tal-Kulleġġ tal-Kardinali, waqt li wieħed iżomm ukoll quddiem għajnejh id-diversità tagħhom ta’ provenjenza u ta’ kultura. Is-sinodalità għandha tnebbaħ il-kollaborazzjoni tagħhom fil-ministeru Petrin u d-dixxerniment kolleġġjali tagħhom fil-Konċistorji ordinarji u straordinarji.

136. Fost il-postijiet fejn tiġi pprattikata s-sinodalità u l-kolleġġjalità fuq livell tal-Knisja kollha ċertament jispikka s-Sinodu tal-Isqfijiet, li l-Kostituzzjoni Appostolika Episcopalis communio bidlet minn ġrajja għal proċess ekkleżjali. Imwaqqaf minn San Pawlu VI bħala assemblea ta’ Isqfijiet imsejħa biex jieħdu sehem, permezz tal-pariri tagħhom, fl-attenzjoni tal-Papa għall-Knisja kollha, issa, fl-għamla ta’ proċess f’fażijiet, hu espressjoni u strument tar-relazzjoni kostituttiva bejn il-Poplu kollu ta’ Alla, il-Kulleġġ tal-Isqfijiet u l-Papa. Il-Poplu qaddis kollu ta’ Alla, l-Isqfijiet li lilhom huma fdati l-porzjonijiet singoli tiegħu u l-Isqof ta’ Ruma fil-fatt jieħdu sehem bil-jedd kollu fil-proċess sinodali, kull wieħed skont il-funzjoni tiegħu. Din il-parteċipazzjoni tidher fl-Assemblea sinodali miġbura madwar il-Papa, li, fil-kompiżizzjoni tagħha, turi l-kattoliċità tal-Knisja. B’mod partikulari, kif fisser il-Papa Franġisku, il-kompożizzjoni ta’ din is-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja hi “aktar minn fatt kontinġenti. Hi tesprimi mod ta’ tħaddim tal-ministeru episkopali koerenti mat-Tradizzjoni ħajja tal-Knejjes u mat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II”  (Intervent fl-Ewwel Kongregazzjoni Ġenerali tat-Tieni Sessjoni tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 2 ta’ Ottubru 2024). Is-Sinodu tal-Isqfijiet, waqt li żamm in-natura episkopali tiegħu, ra u jista’ jara wkoll fil-futur fil-parteċipazzjoni ta’ membri oħra tal-Poplu ta’ Alla “l-bixra li hu msejjaħ jassumi t-tħaddim tal-awtorità episkopali fi Knisja li taf li hi kostituttivament relazzjonali u għalhekk sinodali” (ibid.) għall-missjoni. Fl-approfondiment tal-identità tas-Sinodu tal-Isqfijiet, hu essenzjali li fil-proċess sinodali u fl-Assemblej tidher u sseħħ konkretement l-artikulazzjoni bejn l-involviment ta’ kulħadd (il-Poplu qaddis ta’ Alla), il-ministeru ta’ xi wħud (il-Kulleġġ tal-Isqfijiet) u l-presidenza ta’ wieħed (is-Suċċessur ta’ Pietru).

137. Fost il-frott l-aktar sinifikattiv tas-Sinodu 2021-2024 hemm l-intensità tal-moviment ekumeniku. Il-ħtieġa li nsibu “sura tat-tħaddim tal-Primat li […] jkun miftuħ għal din il-qagħda ġdida” (UUS 95) hi sfida fundamentali kemm għal Knisja sinodali missjunarja u kemm għall-għaqda tal-Insara. Is-Sinodu jifraħ bil-pubblikazzjoni riċenti tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara L-Isqof ta’ Ruma. Primat u sinodalità fid-djalogi ekumeniċi u fit-tweġibiet għall-Enċiklika “Ut unum sint”, li toffri spunti għal aktar approfondiment. Id-dokument juri li l-promozzjoni tal-għaqda tal-Insara hi aspett essenzjali essenzjali tal-ministeru tal-Isqof ta’ Ruma u li l-mixja ekumenika għenet biex ikun hemm għarfien aktar fil-fond. Il-proposti konkreti li fih dwar qari mill-ġdid jew kummentarju uffiċjali tad-definizzjonijiet dommatiċi tal-Konċilju Vatikan I fuq il-primat, distinzjoni iżjed ċara bejn id-diversi responsabbiltajiet tal-Papa, il-promozzjoni tas-sinodalità u t-tiftix ta’ mudell ta’ għaqda msejjes fuq ekkleżjoloġija ta’ komunjoni, joffru perspettivi promettenti għall-mixja ekumenika. L-Assemblea sinodali tawgura li dan id-dokument iservi ta’ bażi għal iktar riflessjonijiet mal-Insara l-oħra, “magħqudin flimkien”,  fuq it-tħaddim tal-ministeru tal-għaqda tal-Isqof ta’ Ruma bħala “qadi ta’ mħabba magħruf min-naħa u mill-oħra” (UUS 95).

138. L-għana li ħareġ mis-sehem tad-Delegati fraterni fl-Assemblea sinodali, ġejjin minn Knejjes u Komunjonijiet Insara oħra, jistedinna nagħtu iktar attenzjoni lill-prattiċi sinodali tas-sieħba ekumeniċi tagħna, kemm fil-Lvant u kemm fil-Punent. Id-djalogu ekumeniku hu fundamentali biex niżviluppaw l-għarfien tas-sinodalità u tal-għaqda tal-Knisja. Dan iwassalna biex nimmaġinaw prattiċi sinodali ekumeniċi, sa għamliet ta’ konsultazzjoni u dixxerniment fuq kwistjonijiet ta’ interess urġenti u li jinteressaw lilna lkoll, kif tista’ tkun iċ-ċelebrazzjoni ta’ Sinodu ekumeniku fuq l-evanġelizzazzjoni. Jistedinna wkoll nagħtu kont b’mod reċiproku ta’ dak li aħna, ta’ dak li nagħmlu u ta’ dak li ngħallmu. Fl-għeruq ta’ din il-possibbiltà hemm il-fatt li aħna magħqudin fil-Magħmudija waħda, li minnha toħroġ l-identità tal-Poplu ta’ Alla u d-dinamiżmu ta’ komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni.

139. Fl-2025, sena ġubilari, jaħbat ukoll l-anniversarju mill-ewwel Konċilju Ekumeniku, li fih ġie fformulat b’mod sinodali s-Simbolu tal-fidi li jgħaqqad lill-Insara kollha. Il-preparazzjoni u l-kommemorazzjoni konġunta tal-1,700 anniversarju tal-Konċilju ta’ Nicea għandhom ikunu okkażjoni biex napprofondixxu u nistqarru flimkien il-fidi Kristoloġika u biex inqiegħdu fil-prattika xejriet ta’ sinodalità bejn l-Insara tat-tradizzjonijiet kollha. Tkun ukoll l-okkażjoni biex nagħtu bidu għal inizjattivi kuraġġjużi lejn data komuni tal-Għid, biex nistgħu niċċelebraw fl-istess jum il-qawmien tal-Mulej, kif providenzjalment se jseħħ proprju fl-2025, u hekk nagħtu qawwa missjunarja ikbar lill-aħbar ta’ Dak li hu l-ħajja u s-salvazzjoni tad-dinja kollha.

Parti V – “Jiena wkoll nibgħat lilkom”

Insawru Poplu ta’ dixxipli missjunarji

Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu”. (Ġw 20:21-22)

140. Dakinhar tal-Għid filgħaxija, Kristu jagħti lid-dixxipli d-don messjaniku tal-paċi tiegħu kif ukoll sehem fil-missjoni tiegħu. Il-paċi tiegħu hi milja tal-ħajja, armonija ma’ Alla, mal-aħwa, u mal-ħolqien; il-missjoni hi li nxandru s-Saltna ta’ Alla, noffru lil kull persuna, bla ma jitħalla ħadd barra, il-ħniena u l-imħabba tal-Missier. Il-ġest delikat li jsieħeb il-kliem tal-Irxoxt jevoka mill-ġdid dak li Alla għamel fil-bidu. Issa, fiċ-Ċenaklu, bin-nifs tal-Ispirtu s-Santu jitnieda l-ħolqien ġdid: jitwieled Poplu ta’ dixxipli missjunarji.

141. Biex il-Poplu qaddis ta’ Alla jista’ jagħti xhieda quddiem kulħadd tal-ferħ tal-Vanġelu, u jikber fit-tħaddim tas-sinodalità, għandu bżonn ta’ formazzjoni adegwata: qabelxejn għal-libertà ta’ wlied Alla fil-mixja wara Ġesù Kristu, ikkontemplat fit-talb u magħruf fil-foqra. Fil-fatt, is-sinodalità timplika għarfien vokazzjonali u missjunarju profond, għajn ta’ stil imġedded fir-relazzjonijiet ekkleżjali, ta’ dinamiċi ġodda parteċipattivi u ta’ dixxerniment ekkleżjali, u ta’ kultura tal-valutazzjoni, li ma jistax ikollna mingħajr l-akkumpanjament ta’ proċessi formattivi ffukati. Il-formazzjoni għall-istil sinodali tal-Knisja tippromovi l-għarfien li d-doni li rċivejna fil-Magħmudija huma talenti li għandna nagħmlu frott minnhom għall-ġid ta’ kulħadd: ma jistgħux ikunu moħbija jew jibqgħu ma jitħaddmux.

142. Il-formazzjoni tad-dixxipli missjunarji tibda bl-Inizjazzjoni Nisranija u tniżżel għeruqha fiha. Fl-istorja ta’ kull wieħed u waħda hemm il-laqgħa ma’ ħafna persuni u gruppi jew komunitajiet ċkejkna li kkontribwew biex jintroduċuna fir-relazzjoni mal-Mulej u fil-komunjoni tal-Knisja: ġenituri u familjari, parrini, katekisti u edukaturi, animaturi tal-liturġija u operaturi fil-qasam tal-karità, djakni, presbiteri u l-istess Isqof. Xi drabi, meta tkun intemmet il-mixja tal-Inizjazzjoni, ir-rabta mal-komunità tiddgħajjef u l-formazzjoni tiġi ttraskurata. Imma li nsiru dixxipli missjunarji tal-Mulej mhijiex mira li tintlaħaq darba għal dejjem. Dan jitlob konverżjoni kontinwa, maturazzjoni fl-imħabba “sakemm isseħħ il-milja ta’ Kristu” (Efes 4:13) u li ninfetħu għad-doni tal-Ispirtu biex noffru xhieda ħajja u hienja tal-fidi. Għalhekk huwa importanti li niskopru mill-ġdid kif iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tal-Ħadd issawwar lill-Insara: “Il-milja tal-formazzjoni tagħna hija l-konfermazzjoni fi Kristu […]: dan mhuwiex proċess mentali, astratt, imma jfisser li ninbidlu fih” (DD 41). Għal ħafna fidili, l-Ewkaristija tal-Ħadd hija l-uniku kuntatt mal-Knisja: li nikkuraw iċ-ċelebrazzjoni tagħha bl-aħjar mod, b’attenzjoni partikulari għall-omelija u għall-“parteċipazzjoni attiva” (SC 14) ta’ kulħadd, hu deċiżiv għas-sinodalità. Fil-fatt, fil-quddiesa dan iseħħ bħala grazzja mogħtija mill-għoli, qabel ma hu l-frott tal-isforzi tagħna: taħt il-presidenza ta’ wieħed u grazzi għall-ministeru ta’ xi wħud, kulħadd jista’ jkollu sehem fil-mejda doppja tal-Kelma u tal-Ħobż. Id-don tal-komunjoni, missjoni u parteċipazzjoni – it-tliet fwies importanti tas-sinodalità – iseħħ u jiġġedded f’kull Ewkaristija.

143. Waħda mit-talbiet li ħarġu b’qawwa kbira u minn kull naħa matul il-proċess sinodali hi li l-formazzjoni tkun integrali, kontinwa u għal kulħadd flimkien. L-għan tagħha mhuwiex biss il-kisba ta’ għarfien teoriku, imma l-promozzjoni ta’ ħiliet ta’ ftuħ u laqgħa, ta’ qsim flimkien u kollaborazzjoni, ta’ riflessjoni u dixxerniment komuni, ta’ qari teoloġiku tal-esperjenzi konkreti. Għalhekk dan għandu jmiss lid-dimensjonijiet kollha tal-persuna (intellettwali, affettiva, relazzjonali u spiritwali) u jiġbor esperjenzi konkreti akkumpanjati kif imiss. Spikkat daqstant ieħor l-insistenza fuq il-ħtieġa ta’ formazzjoni li fiha jieħdu sehem flimkien irġiel u nisa, lajċi, ikkonsagrati, ministri ordnati u kandidati għall-ministeru ordnat, biex hekk jistgħu jikbru fl-għarfien u l-istima reċiproka u fil-ħila tal-kollaborazzjoni. Dan jitlob il-preżenza ta’ formaturi idonji u kompetenti, li kapaċi jikkonfermaw bil-ħajja tagħhom dak li jittrasmettu bil-kelma: hekk biss il-formazzjoni tkun realment ġenerattiva u trasformattiva. Barra minn hekk, ma għandux jiġi ttraskurat il-kontribut li d-dixxiplini pedagoġiċi jistgħu jagħtu għall-predispożizzjoni ta’ mixjiet formattivi ffukati tajjeb, attenti għall-proċessi ta’ tagħlim fl-età adulta u għall-akkumpanjament tal-individwi u tal-komunitajiet. Mela jeħtieġ ninvestu fil-formazzjoni tal-formaturi.

144. Il-Knisja diġà għandha bosta postijiet u riżorsi għall-formazzjoni tad-dixxipli missjunarji: il-familji, il-komunitajiet iż-żgħar, il-parroċċi, l-għaqdiet ekkleżjali, is-seminarji, il-komunitajiet reliġjużi, l-istituzzjonijiet akkademiċi, imma anki l-postijiet tas-servizz u ta’ ħidma mal-emarġinati, l-esperjenzi missjunarji u ta’ volontarjat. F’dawn l-oqsma kollha l-komunità tesprimi l-ħila tagħha li teduka fid-dixxipulat u li takkumpanja fix-xhieda, f’laqgħa li spiss tintegra flimkien persuni ta’ ġenerazzjonijiet differenti, mill-iżgħar sal-ixjeħ. Fil-Knisja ħadd ma hu purament destinatarju tal-formazzjoni: ilkoll aħna suġġetti attivi u għandna xi ħaġa x’ngħaddu lill-oħrajn. Anki l-pjetà popolari hija teżor prezzjuż tal-Knisja, li tgħallem lill-Poplu kollu ta’ Alla li jinsab f’mixja.

145. Fost il-prattiċi ta’ formazzjoni li jistgħu jirċievu impuls ġdid mis-sinodalità, attenzjoni partikulari għandha tingħata lill-katekeżi biex, barra li tiġi espressa fil-mixjiet tal-Inizjazzjoni Nisranija, tkun dejjem iżjed waħda “li toħroġ” u estroversa. Komunità ta’ dixxipli missjunarji għandha tagħraf tipprattikaha f’isem il-ħniena u tqarribha lejn l-esperjenza ta’ kull persuna, u twassalha sal-periferiji eżistenzjali, mingħajr f’dan kollu ma twarrab ir-riferiment għall-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Din tista’ ssir “laboratorju ta’ djalogu” man-nies ta’ żmienna (ara Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida, Direttorju għall-katekeżi, 54), u ddawwal it-tiftix tagħhom għal sens fil-ħajja. F’ħafna Knejjes, il-katekisti huma r-riżorsa fundamentali għall-akkumpanjament u l-formazzjoni; f’oħrajn, is-servizz tagħhom għandu jiġi apprezzat aktar u mwieżen mill-komunità, billi toroġ minn loġika ta’ delega, li hi kontra s-sinodalità. Meta tqis l-importanza tal-fenomeni migratorji, importanti li l-katekeżi tippromovi l-għarfien reċiproku bejn il-Knejjes ta’ pajjiżi ta’ oriġni u ta’ akkoljenza.

146. Barra l-ambjenti u r-riżorsi speċifikament pastorali, il-komunità Nisranija hi preżenti f’għadd ta’ sitwazzjonijiet oħra ta’ formazzjoni bħall-iskola, il-formazzjoni professjonali, l-università, il-formazzjoni għall-impenn soċjali u politiku, id-dinja tal-isport, tal-mużika u tal-arti. Imqar fil-kuntesti kulturali differenti, li jiddeterminaw prattiċi u tradizzjonijiet ħafna differenti minn xulxin, l-istituzzjonijiet ta’ formazzjoni ta’ ispirazzjoni Kattolika spiss huma f’kuntatt mal-persuni li ma jiffrekwentawx ambjenti ekkleżjali oħra. Imnebbħa mill-prattiċi tas-sinodalità, jistgħu jsiru labaratorju ta’ relazzjonijiet bejn il-ħbieb u parteċipattivi, f’kuntest fejn ix-xhieda tal-ħajja, il-kompetenzi u l-organizzazzjoni edukattiva huma fuq kollox lajkali u jinvolvu bi prijorità lill-familji. B’mod partikulari, l-iskola u l-università ta’ ispirazzjoni Kattolika għandhom rwol importanti fid-djalogu bejn fidi u kultura u fl-edukazzjoni morali għall-valuri, billi joffru formazzjoni orjentata lejn Kristu, ikona tal-ħajja fil-milja tagħha. Meta jirnexxilhom jagħmlu dan, ikunu jistgħu jippromovu alternattiva għall-mudelli dominanti, spiss imnebbħin lejn l-individwaliżmu u l-kompetizzjoni, u hekk jassumu wkoll rwol profetiku. F’xi kuntesti, huma l-uniku ambjent li fih l-adolexxenti u ż-żgħażagħ jiġu f’kuntatt mal-Knisja. Meta tkun imnebbħa lejn id-djalogu interkulturali u interreliġjuż, l-azzjoni edukattiva tagħhom hi apprezzata wkoll minn persuni ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra bħala għamla ta’ promozzjoni umana.

147. Il-formazzjoni sinodali għall-imgħammdin kollha hi x-xefaq li fih nistgħu nifhmu u nipprattikaw il-formazzjoni speċifika meħtieġa għall-ministeri partikulari u għad-diversi għamliet ta’ ħajja. Biex iseħħ dan, hemm bżonn li din issir bħala qsim ta’ doni bejn vokazzjonijiet differenti (komunjoni), fl-ottika ta’ servizz li wieħed jiżvolġi (missjoni) u fi stil ta’ involviment u ta’ edukazzjoni għall-korresponsabbiltà differenzjata (parteċipazzjoni). Din it-talba, li ħarġet b’qawwa mill-proċess sinodali, mhux darba u tnejn tesiġi bidla impenjattiva ta’ mentalità u impostazzjoni mġedda tal-ambjenti u tal-proċessi ta’ formazzjoni. Timplika fuq kollox id-disponibbiltà interjuri biex inħallu tagħnina l-laqgħa ma’ ħutna fil-fidi, u negħlbu preġudizzji u viżjonijiet parzjali. Id-dimensjoni ekumenika tal-formazzjoni ma tistax ma tiffavorix din il-bidla ta’ mentalità.

148. Matul il-proċess sinodali, ġiet espressa b’mod wiesa’ t-talba li l-mixjiet ta’ dixxerniment u formazzjoni tal-kandidati għall-ministeru ordnat jitfasslu fi stil sinodali. Dan ifisser li għandhom jipprevedu preżenza sinifikattiva ta’ figuri femminili, inseriment fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet u l-edukazzjoni biex jikkollaboraw ma’ kulħadd fil-Knisja u biex jipprattikaw id-dixxerniment ekkleżjali. Dan jimplika investiment kuraġġuż ta’ enerġiji għat-tħejjija ta’ dawk responsabbli mill-formazzjoni. L-Assemblea titlob li ssir reviżjoni tar-Ratio Fundamentalis Institutionis Sacerdotalis li tilqa’ fiha dak li kompla jimmatura fis-Sinodu, u li dan jiġi tradott f’indikazzjonijiet preċiżi għal formazzjoni għas-sinodalità. Il-mixjiet ta’ formazzjoni għandhom iħeġġu fil-kandidati l-passjoni għall-missjoni ad gentes. Mhux b’inqas meħtieġa hi l-formazzjoni tal-Isqfijiet, biex jistgħu jwettqu dejjem aħjar il-missjoni tagħhom li jiġbru f’għaqda waħda d-doni tal-Ispirtu u jħaddmu fi stil sinodali l-awtorità mogħtija lilhom. L-istil sinodali tal-formazzjoni jimplika li d-dimensjoni ekumenika tkun preżenti fl-aspetti kollha tal-mixjiet lejn il-ministeru ordnat.

149. Fil-formazzjoni tal-Poplu ta’ Alla lejn is-sinodalità jeħtieġ nagħtu kas ukoll ta’ xi oqsma speċifiċi, li dwarhom il-proċess sinodali b’insistenza ġibed l-attenzjoni. L-ewwel wieħed hu l-impatt tal-ambjent diġitali fuq il-proċessi ta’ tagħlim, il-kapaċità ta’ konċentrazzjoni, il-perċezzjoni li wieħed ikollu tiegħu nnifsu u tad-dinja, il-bini tar-relazzjonijiet interpersonali. Il-kultura diġitali hija dimensjoni kruċjali tax-xhieda tal-Knisja fil-kultura tal-lum, kif ukoll kamp missjunarju li qed jikseb dejjem aktar importanza. Għalhekk jeħtieġ li naraw li l-messaġġ Nisrani jkun preżenti fuq l-internet b’modi affidabbli, li ma jgħawġux il-kontenut tiegħu b’mod ideoloġiku. Imqar jekk id-diġitali għandu potenzjal kbir biex itejjeb il-ħajja tagħna, jista’ anki jikkawża ħsarat u ġrieħi, bil-bulliżmu, diżinformazzjoni, sfruttament sesswali u dipendenzi. Importanti li l-istituzzjonijiet edukattivi tal-Knisja jgħinu lil adolexxenti u adulti jiżviluppaw kompetenzi kritiċi biex jistgħu jużaw l-internet b’mod sigur.

150. Qasam ieħor ta’ importanza kbira hu dak tal-promozzjoni fl-ambjenti ekkleżjali kollha ta’ kultura ta’ ħarsien (safeguarding), biex nagħmlu mill-komunitajiet postijiet dejjem iżjed siguri għall-minuri u l-persuni vulnerabbli. Diġà bdiet il-ħidma biex l-istrutturi tal-Knisja jkollhom regolamenti u proċeduri ġuridiċi li jgħinu aktar fil-prevenzjoni tal-abbużi u tweġibiet immedjati għal imġibiet mhux xierqa. Dan l-impenn għandu jkompli, waqt li noffru formazzjoni speċifika u kontinwa xierqa lil dawk li jaħdmu f’kuntatt mal-minuri u mal-adulti l-aktar dgħajfa, biex jaġixxu b’kompetenza u jagħrfu jaqraw is-sinjali, spiss siekta, ta’ min għaddej minn traġedja u jeħtieġ l-għajnuna. L-akkoljenza u s-sostenn tal-vittmi huma ħidma delikata u indispensabbli, li titlob umanità kbira u għandha tkompli bl-għajnuna ta’ persuni kwalifikati. Ilkoll għandna nħallu tqanqalna t-tbatija tagħhom u nipprattikaw dik il-qrubija li, permezz ta’ għażliet konkreti, terfagħhom, tgħinhom u tħejji futur differenti għal kulħadd. Il-proċessi ta’ safeguarding għandhom ikunu kontinwament mgħassa u vvalutati. Il-vittmi u dawk li ġarrbu abbuż għandhom ikunu milqugħa u mwieżna b’sensibbiltà kbira.

151. Anki t-temi tad-duttrina soċjali tal-Knisja, tal-impenn b’risq il-paċi u l-ġustizzja, tal-għożża tad-dar komuni u tad-djalogu interkulturali u interreliġjuż għandhom ikunu aktar imxerrda fil-Poplu ta’ Alla, biex l-azzjoni tad-dixxipli missjunarji tħalli effett fuq il-bini ta’ dinja iktar ġusta u fraterna. L-impenn b’risq il-ħarsien tal-ħajja u tad-drittijiet tal-persuna, l-ordinament ġust tas-soċjetà, id-dinjità tax-xogħol, ekonomija iżjed ekwa u solidali, u l-ekoloġija integrali jagħmel parti mill-missjoni evanġelizzatriċi li l-Knisja hi msejħa tgħix u tinkarna fl-istorja.

Konklużjoni

Ikla għall-ġnus kollha

Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. […] Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu”. Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, ‘Int min int?’, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. (Ġw 21:9,12,13)

152. Ir-rakkont tas-sajda mirakoluża jagħlaq b’ikla. L-Irxoxt talab lid-dixxipli joqogħdu għall-kelma tiegħu, jixħtu x-xbieki u jtellgħuhom max-xatt; imma huwa hu li jħejji l-mejda u jistieden għall-ikel. Hemm ħobż u ħut għal kulħadd, bħal meta kien kattarhom għall-folla mġewħa. Fuq kollox hemm l-istagħġib u s-seħer tal-preżenza tiegħu, hekk ċara u mdawla li ma tħallix lok għal dubji. Meta jiekol mad-dixxipli tiegħu, wara li huma kienu abbandunawh u ċaħduh, l-Irxoxt jiftaħ mill-ġdid l-ispazju tal-komunjoni u jistampa għal dejjem fid-dixxipli l-marka ta’ ħniena li tiftaħ beraħ il-bibien għall-ġejjieni. Għalhekk, ix-xhieda tal-Għid jingħarfu b’dan il-mod: “Lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet” (Atti 10:41).

153. Fl-ikliet li l-Irxoxt jagħmel mad-dixxipli ssib il-milja tagħha x-xbieha tal-ikla ta’ festa fil-profeta Iżaija li nebbħet il-ħidma tal-Assemblea sinodali: mejda mfawra bil-ġid u mill-aktar bnina mħejjija mill-Mulej fuq il-quċċata tal-għolja, simbolu tal-konvivjalità u tal-komunjoni, iddestinata għall-popli kollha (ara Iż 25:6-8). Il-mejda li l-Mulej iħejji għad-dixxipli tiegħu wara l-Għid hija s-sinjal li l-festa eskatoloġika diġà bdiet. Imqar jekk huwa biss fis-sema li tilħaq il-milja tagħha, il-mejda tal-grazzja u tal-ħniena diġà hi mifruxa għal kulħadd u l-Knisja għandha l-missjoni li twassal din l-aħbar tassew sabiħa f’dinja li qed tinbidel. Waqt li titmantna fl-Ewkaristija mill-Ġisem u d-Demm tal-Mulej, taf li ma tistax tinsa lill-foqra, lil dawk fl-aħħar post, lill-imwarrba, lil dawk li ma jafux x’inhi l-imħabba u huma mċaħħda mit-tama, u lanqas lil dawk li ma jemmnux f’Alla jew ma jaraw lilhom infushom fl-ebda reliġjon istitwita. Hi twassalhom għand il-Mulej fit-talb biex imbagħad toħroġ tiltaqa’ magħhom, bil-kreattività u l-qlubija li l-Ispirtu jnebbaħ. Hekk is-sinodalità tal-Knisja ssir profezija soċjali, tnebbaħ mixjiet ġodda anki għall-politika u għall-ekonomija, tikkollabora ma’ dawk kollha li jemmnu fil-fraternità u fil-paċi, fi qsim ta’ doni mad-dinja.

154. Matul dan il-proċess sinodali li għexna ksibna għarfien ġdid li s-salvazzjoni li rridu nirċievu u nħabbru tgħaddi minn ġor-relazzjonijiet. Hemm ngħixu u hemm nagħtu xhieda flimkien. L-istorja tidher quddiemna mmarkata traġikament mill-gwerra, mir-rivalità minħabba l-poter, minn elf inġustizzja u abbuż. Imma aħna nafu li l-Ispirtu qiegħed fil-qalb ta’ kull bniedem ix-xewqa għal relazzjonijiet awtentiċi u rabtiet veri. L-istess ħolqien ikellimna fuq għaqda u qsim, fuq varjetà u nisġa bejn id-diversi xejriet ta’ ħajja. Kollox ġej mill-armonija u miexi lejn l-armonija, anki meta jġarrab il-ġerħa qerrieda tal-ħażen. It-tifsira aħħarija tas-sinodalità hija x-xhieda li l-Knisja hi msejħa tagħti ta’ Alla, Missier u Iben u Spirtu s-Santu, Armonija ta’ mħabba li tissawwab ’il barra minnha nfisha biex tingħata lid-dinja. Meta nimxu fi stil sinodali, fin-nisġa tal-vokazzjonijiet, kariżmi u ministeri tagħna, u meta noħorġu niltaqgħu ma’ kulħadd biex inwasslu l-ferħ tal-Vanġelu, nistgħu ngħixu l-komunjoni li ssalva: ma’ Alla, mal-umanità sħiħa u mal-ħolqien kollu. B’dan il-mod, grazzi għall-qsim flimkien, nibdew diġà minn issa nduqu l-ikla tal-ħajja li Alla joffri lill-ġnus kollha.

155. Lill-Verġni Marija, li ġġorr it-titlu mill-isbaħ ta’ Odigitria, Dik li turi u tiggwida l-mixja, nafdaw il-frott ta’ dan is-Sinodu. Hi, Omm il-Knisja, li fiċ-Ċenaklu għenet lill-komunità għadha titwieled biex tinfetaħ għall-ġdid ta’ Għid il-Ħamsin, tgħallimna nkunu Poplu ta’ dixxipli missjunarji li jimxu flimkien: Knisja sinodali.

Mill-Vatikan, 26 ta’ Ottubru 2024
Franġisku

Appendiċi

It-testi tal-Papa li nsibu fl-Appendiċi huma mit-Tieni Sessjoni tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (2-27 ta’ Ottubru 2024).

L-Ewwel Kongregazzjoni Ġenerali

Diskors inawgurali

Awla Pawlu VI, l-Erbgħa 2 ta’ Ottubru 2024

Għeżież ħuti,

Sa minn meta l-Knisja ta’ Alla ġiet “miġmugħa f’Sinodu”, f’Ottubru 2021, imxejna flimkien parti mit-triq twila li sa minn dejjem Alla l-Missier isejjaħ għaliha lill-Poplu tiegħu, u jibagħtu qalb il-ġnus kollha biex iwassal l-aħbar it-tajba li Ġesù Kristu hu s-sliem tagħna (ara Efes 2:14) u jikkonfermah fil-missjoni bl-Ispirtu s-Santu.

Din l-Assemblea, immexxija mill-Ispirtu s-Santu, li “jrattab fina l-ebusija, jagħti lill-berdin bżulija, jgħin fit-triq lil min beżgħan” (Sekwenza ta’ Għid il-Ħamsin), għandha toffri l-kontribut tagħha biex ikollna Knisja sinodali f’missjoni, li tagħraf toħroġ minnha nfisha u tgħix fil-periferiji ġeografiċi u eżistenzjali waqt li tistabbilixxi rabtiet ma’ kulħadd fi Kristu Ħuna u Sidna.

Hemm test ta’ awtur spiritwali tas-seklu IV li jista’ jiġbor fih dak li jseħħ meta lill-Ispirtu s-Santu nħalluh jaħdem, ibda mill-Magħmudija li tnissel lil kulħadd f’dinjità ndaqs (ara Makarju ta’ Lixandra, Om. 18,7-11: PG 34, 639-642). L-esperjenzi li jiddeskrivi jgħinuna nagħrfu dak li seħħ f’dawn it-tliet snin u x’għad irid iseħħ.

Ir-riflessjoni ta’ dan l-awtur spiritwali tgħinna nifhmu li l-Ispirtu s-Santu hu gwida żgura, u l-ewwel ħidma tagħna hi li nitgħallmu nagħrfu l-leħen tiegħu, għax hu jitkellem f’kull ħaġa. Dan il-proċess sinodali dewwaqna l-esperjenza ta’ dan.

L-Ispirtu s-Santu jimxi dejjem magħna. Hu faraġ fin-niket u fid-dmugħ, fuq kollox meta – proprju għall-imħabba li għandna għall-umanità – insibu ruħna quddiem il-ħwejjeġ li mhumiex sejrin tajjeb, l-inġustizzji li jerfgħu rashom, l-ebusija li biha nirreżistu li nwieġbu bit-tajjeb quddiem il-ħażin, id-diffikultà biex naħfru, in-nuqqas ta’ kuraġġ li nfittxu l-paċi. F’dawn is-sitwazzjonijiet ninqabdu fl-iskumdità, jidhrilna li ma baqgħalna xejn x’nistgħu nagħmlu, u nintelqu għad-disperazzjoni. Hekk kif it-tama hija l-aktar virtù umli imma b’saħħitha, id-disperazzjoni hi l-agħar waħda.

L-Ispirtu s-Santu jixxotta d-dmugħ u jfarraġ għax hu jagħti t-tama ta’ Alla. Alla ma jegħjiex, għax imħabbtu ma tehdiex.

L-Ispirtu s-Santu jinfed f’dik il-parti tagħna li spiss tant tixbah lill-awli tat-tribunali, fejn inqiegħdu lill-imputati taħt inkjesta u nifformulaw il-ġudizzji tagħna, spiss ta’ kundanna. Proprju Makarju, fl-omelija tiegħu, jgħidilna li l-Ispirtu s-Santu jkebbes nar f’dawk li jirċevuh, in-“nar ta’ tant ferħ u mħabba, illi li kien possibbli kien jirċevih fil-qalb tiegħu kulħadd, tajbin u ħżiena, bla ebda distinzjoni”. Dan għaliex Alla jilqa’ lil kulħadd, dejjem, ma ninsewhx dan: lil kulħadd, kulħadd, kulħadd u dejjem, u lil kulħadd joffri possibbiltajiet ġodda ta’ ħajja, sal-aħħar mument. Huwa għalhekk li aħna għandna naħfru lil kulħadd u dejjem, fl-għarfien li d-dispożizzjoni li wieħed jaħfer titwieled mill-esperjenza li hu ġie maħfur. Wieħed biss hu li ma jistax jaħfer: dak li ma ġiex maħfur.

Ilbieraħ, waqt il-velja penitenzjali għamilna din l-esperjenza. Tlabna maħfra, għarafna li aħna midinba. Warrabna l-kburija, tbegħidna mill-preżunzjoni li nħossuna aħjar mill-oħrajn. Sirna iktar umli?

Anki l-umiltà hija don tal-Ispirtu s-Santu: jeħtieġ nitolbuha. L-umiltà, kif tgħid l-etimoloġija tal-kelma, troddna lill-art, lill-humus, u tfakkarna fl-oriġni, fejn mingħajr in-nifs tal-Ħallieq konna nibqgħu bla ħajja. L-umiltà tippermettilna nħarsu lejn id-dinja u nagħrfu li m’aħniex aħjar minn ħaddieħor. Kif jgħid San Pawl: “Tagħmluhiex ta’ għorrief” (Rum 12:16). U ma nistgħux inkunu umli mingħajr imħabba. L-Insara għandhom ikunu bħal dawk in-nisa mfissra minn Dante Alighieri f’sunett tiegħu, nisa li huma qalbhom sewda għat-telfa ta’ missier il-ħabiba tagħhom Beatrice: “Intom li d-dehra tagħkom hi umli, b’ħarsitkom ’l isfel, u turu diqa” (Vita Nuova, XXII, 9). Din hi l-umiltà solidali u kompassjonevoli, ta’ min iħossu li hu ħu u oħt kulħadd, u jġarrab l-istess tbatija u jagħraf fil-ġrieħi u l-pjagi ta’ kull persuna l-ġrieħi u l-pjagi ta’ Sidna.

Nistedinkom timmeditaw fit-talb tagħkom dan it-test spiritwali sabiħ u tagħrfu li l-Knisja – semper riformanda – ma tistax timxi u tiġġedded mingħajr l-Ispirtu s-Santu u s-sorpriżi tiegħu; mingħajr ma tħalli jsawruha l-idejn ta’ Alla ħallieq, tal-Iben, Ġesù Kristu, u tal-Ispirtu s-Santu, kif jgħallimna Sant’Irinew ta’ Lyon (ara Kontra l-ereżiji, IV, 20, 1).

Fil-fatt, sa minn meta, fil-bidu, Alla ħalaq mill-art lir-raġel u l-mara; sa minn meta Alla sejjaħ lil Abraham biex ikun barka għall-ġnus kollha tal-art u sejjaħ lil Mosè biex jgħaddi mid-deżert poplu meħlus mill-jasar; sa minn meta l-Verġni Marija laqgħet il-Kelma li għamlitha Omm l-Iben ta’ Alla skont il-ġisem u Omm ta’ kull dixxiplu ta’ Binha; sa minn meta l-Mulej Ġesù, mislub u rxuxtat, sawwab l-Ispirtu Qaddis tiegħu f’Għid il-Ħamsin: sa minn dakinhar ninsabu mexjin, bħala “dawk li magħhom intweriet ħniena”, lejn il-milja sħiħa u dejjiema tal-imħabba tal-Missier. U ma ninsewhiex dik il-kelma: magħna ntweriet ħniena.

Nafu l-ġmiel u t-taħbit tal-mixja x’inhuma. Nimxuha flimkien, bħala poplu li, anki f’dan iż-żmien, hu sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-għaqda tal-bnedmin kollha flimkien (ara LG 1). Nimxuha ma’ u għal kull bniedem ta’ rieda tajba, fejn f’kull wieħed u waħda taħdem b’mod li ma jidhirx il-Grazzja (ara GS 22). Nimxuha konvinti mill-essenza relazzjonali tal-Knisja, attenti li r-relazzjonijiet li huma mogħtija lilna u li huma fdati lir-responsabbiltà tagħna u lill-kreattività tagħna jkunu dejjem manifestazzjoni tal-għotja b’xejn tal-ħniena. Nisrani li jħossu intitolat u ma jidħolx fil-loġika tal-gratwità u fil-ħniena ta’ Alla hu sempliċiment ateu mlibbes ta’ Nisrani. Il-ħniena ta’ Alla tagħmel minna nies affidabbli u responsabbli.

Ħuti, ejjew nimxu din il-mixja bl-għarfien li aħna msejħin nirriflettu d-dawl tax-xemx tagħna, li hu Kristu, bħal qamar mitfi li bil-fedeltà u l-ferħ kollu jassumi l-missjoni li jkun għad-dinja sagrament ta’ dak id-dawl, li ma jibbrillax minna nfusna.

Ix-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li issa daħlet fit-Tieni Sessjoni tagħha, qed tirrappreżenta b’mod oriġinali din il-“mixja flimkien” tal-Poplu ta’ Alla.

L-ispirazzjoni li kellu l-Papa San Pawlu VI, meta fl-1965 waqqaf is-Sinodu tal-Isqfijiet, uriet kemm hi għammiela. Fis-sittin sena minn dakinhar sal-lum tgħallimna nirrikonixxu fis-Sinodu tal-Isqfijiet suġġett plurali u sinfoniku li kapaċi jwieżen il-mixja u l-missjoni tal-Knisja Kattolika, u jgħin b’mod effikaċi lill-Isqof ta’ Ruma fis-servizz tiegħu lill-komunjoni tal-Knejjes kollha u tal-Knisja kollha.

San Pawlu VI kien jaf tajjeb li “dan is-Sinodu […], bħal kull istituzzjoni umana, mal-medda taż-żmien jista’ jiġi pperfezzjonat aktar” (Apostolica sollicitudo). Il-Kostituzzjoni appostolika Episcopalis communio riedet tagħmel teżor mill-esperjenza tad-diversi Assemblej sinodali (ordinarji, straordinarji, speċjali), u ssawwar b’mod espliċitu l-Assemblea sinodali bħala proċess u mhux biss bħala ġrajja.

Il-proċess sinodali huwa wkoll proċess ta’ għarfien, li matulu l-Knisja titgħallem tagħraf aħjar lilha nfisha u tindividwa x-xejriet ta’ azzjoni pastorali l-aktar adegwati għall-missjoni li l-Mulej tagħha jafdalha. Dan il-proċess ta’ għarfien jinvolvi wkoll ix-xejriet ta’ tħaddim tal-ministeru tar-ragħajja, b’mod partikulari tal-Isqfijiet.

Meta ddeċidejt li nsejjaħ bħala membri ta’ din is-XVI-il Assemblea wkoll għadd sinifikattiv ta’ Lajċi u Kkonsagrati (irġiel u nisa), Djakni u Presbiteri, fi żvilupp ta’ dak li diġà parzjalment kien previst għall-Assemblej ta’ qabel, dan għamiltu f’koerenza mal-għarfien tat-tħaddim tal-ministeru episkopali espress mill-Konċilju Ekumeniku Vatikan II: l-Isqof, prinċipju u fundament viżibbli ta’ għaqda tal-Knisja partikulari, ma jistax jgħix is-servizz tiegħu jekk mhux fi ħdan il-Poplu ta’ Alla, mal-Poplu ta’ Alla, u joqgħod quddiem, f’nofs u wara l-porzjon tal-Poplu ta’ Alla fdata lilu. Dan l-għarfien inklużiv tal-ministeru episkopali jitlob li jkun viżibbli u rikonoxxibbli waqt li jiġu evitati żewġ perikli: l-ewwel, l-astrattezza li tinsa l-konkretezza għammiela tal-postijiet u tar-relazzjonijiet, u l-valur ta’ kull persuna; it-tieni periklu hu dak li nkissru l-komunjoni billi nqiegħdu kontra xulxin ġerarkija u fidili lajċi. Żgur li m’aħniex ngħidu li npoġġu waħda flok l-oħra, eċċitati bl-għajta: “issa lilna jmiss!”. Le, dan mhuwiex sew: “issa jmiss lilna l-lajċi”, “issa jmiss lilna l-qassisin”, le, dan mhux sew. Anzi, minna hu mitlub li nitħarrġu flimkien f’arti sinfonika, f’tifsila li torbot lil kulħadd flimkien fis-servizz lill-ħniena ta’ Alla, skont il-ministeri u kariżmi differenti li l-Isqof għandu d-dmir li jirrikonoxxi u jippromovi.

Li nimxu flimkien, ilkoll, ilkoll, ilkoll, dan hu proċess li fih il-Knisja, doċli għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, sensibbli biex taqra s-sinjali taż-żminijiet (ara GS 4), tiġġedded kontinwament u tipperfezzjona s-sagramentalità tagħha, biex tkun xhud kredibbli tal-missjoni li għaliha hi msejħa, biex tiġbor lill-popli kollha tal-art f’Poplu wieħed li hu mistenni fl-aħħar, meta Alla nnifsu jpoġġina bilqiegħda mal-mejda mħejjija minnu (ara Iż 25:6-10).

Għaldaqstant, il-mod kif inhi mfassla din is-XVI-il Assemblea huwa aktar minn fatt kontinġenti. Din tesprimi mod ta’ taħriġ tal-ministeru episkopali li jaqbel mat-Tradizzjoni ħajja tal-Knejjes u mat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II: l-Isqof, bħal kull Nisrani ieħor, ma għandu qatt jara lilu nnifsu “mingħajr l-ieħor”. Kif ħadd ma jsalva waħdu, it-tħabbira tas-salvazzjoni għandha bżonn ta’ kulħadd, u li kulħadd ikun mismugħ.

Il-preżenza fl-Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet ta’ membri li ma humiex Isqfijiet ma tnaqqasx mid-dimensjoni “episkopali” tal-Assemblea. U dan qed ngħidu minħabba tempesta ta’ seksik li tfaċċat minn hawn u minn hemm. Wisq inqas tpoġġi xi limitu jew deroga lill-awtorità proprja tal-Isqof waħdu u tal-Kulleġġ episkopali. Pjuttost timmarka l-bixra ta’ tħaddim tal-awtorità episkopali li hu msejjaħ jassumi fi Knisja li taf li hi kostituttivament relazzjonali u għalhekk sinodali. Ir-relazzjoni ma’ Kristu u bejn kulħadd fi Kristu – dawk li jinsabu fiha u dawk li għadhom mhumiex imma li huma mistennija mill-Missier – twettaq is-sustanza u tagħġen f’kull żmien il-bixra li tieħu l-Knisja.

Għandhom jiġu individwati, fiż-żminijiet it-tajba, diversi għamliet ta’ tħaddim “kolleġġjali” u “sinodali” tal-ministeru episkopali (fil-Knejjes partikulari, fil-gruppi tal-Knejjes flimkien, fil-Knisja kollha), dejjem fir-rispett tad-depożitu tal-fidi u t-Tradizzjoni ħajja, dejjem fi tweġiba għal dak li l-Ispirtu qed jitlob mill-Knejjes f’dan iż-żmien partikulari u fid-diversi kuntesti li fihom jgħixu. U ma ninsewx li l-Ispirtu hu l-armonija. Ejjew naħsbu f’dik l-għodwa ta’ Għid il-Ħamsin: kien hemm diżordni tremend, imma hu niseġ l-armonija, qalb dak id-diżordni. Ma ninsewx li huwa sewwasew l-armonija: mhux armonija sofistikata jew intellettwali; hu kollox, hu armonija eżistenzjali.

Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħmel li l-Knisja tkun dejjem fidila għall-mandat ta’ Sidna Ġesù Kristu u dejjem fis-smigħ tal-Kelma tiegħu. L-Ispirtu jmexxi lid-dixxipli għall-verità kollha u sħiħa (ara Ġw 16:13). Qed imexxi lilna wkoll, miġbura fl-Ispirtu s-Santu f’din l-Assemblea, biex nagħtu tweġiba, wara tliet snin ta’ mixja, għall-mistoqsija ta’ kif għandna nkunu Knisja sinodali missjunarja. U jiena nżid, ħanina.

B’qalbi mimlija tama u gratitudni, fl-għarfien tad-dmir impenjattiv li hu fdat f’idejkom (u li hu fdata f’idejna), nawgura lilkom ilkoll li tinfetħu b’disponibbiltà għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, il-gwida żgura tagħna, il-faraġ tagħna. Grazzi.

Is-17-il Kongregazzjoni Ġenerali
Tislima finali

Awla Pawlu VI, is-Sibt 26 ta’ Ottubru 2024

Għeżież ħuti,

Bid-Dokument finali ġbarna l-frott ta’ snin, mill-inqas tlieta, li fihom tajna widen lill-Poplu ta’ Alla biex stajna nifhmu aħjar kif inkunu “Knisja sinodali” – huwa s-smigħ tal-Ispirtu s-Santu – f’dan iż-żmien. Ir-riferimenti bibliċi li jiftħu kull kapitlu jagħtuna d-dispożizzjoni għall-messaġġ waqt li jżewġuh mal-ġesti u l-kliem ta’ Kristu Rxoxt li jsejħilna biex inkunu xhieda tal-Vanġelu tiegħu, bil-ħajja tagħna qabel ma bil-kliem.

Id-Dokument li fuqu esprimejna l-vot tagħna huwa don tripliku.

1. Don qabelxejn għalija, Isqof ta’ Ruma. Meta sejjaħt lill-Knisja ta’ Alla f’Sinodu kont naf li għandi bżonn tagħkom, Isqfijiet u xhieda tal-mixja sinodali. Grazzi!

Anki l-Isqof ta’ Ruma, dan infakkru lili nnifsi, ta’ spiss, u lilkom, għandu bżonn iħaddem is-smigħ, anzi għandu jħaddem is-smigħ, biex jista’ jwieġeb għall-Kelma li ta’ kuljum ittennilu: “Wettaq lil ħutek” u “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”.

Dmiri, tafuh tajjeb dan, hu li nħares u nippromovi – kif jgħallimna San Bażilju – l-armonija li l-Ispirtu jissokta jqassam fil-Knisja ta’ Alla, fir-relazzjonijiet bejn il-Knejjes, minkejja t-taħbit kollu, it-tensjonijiet, il-firdiet li jimmarkaw il-mixja tagħha lejn il-manifestazzjoni sħiħa tas-Saltna ta’ Alla, li l-viżjoni tal-Profeta Iżaija tistedinna nistħajlu qisha ikla ta’ festa mħejjija minn Alla għall-ġnus kollha. Ilkoll kemm aħna, bit-tama li ma jonqos ħadd. Ilkoll, ilkoll, ikoll! Ħadd barra, ħadd. U l-kelma-muftieħ hija din: l-armonija. Dak li jagħmel l-Ispirtu, l-ewwel manifestazzjoni qawwija, fl-għodwa ta’ Għid il-Ħamsin, hu li jqiegħed f’armonija dawk id-differenzi kollha, dawk l-ilsna kollha… Armonija. Huwa dak li l-Konċilju Vatikan II jgħallem meta jgħid li l-Knisja hi “bħal sagrament”: hija sinjal u strument tal-istennija ta’ Alla: għal kulħadd huwa ħejja l-mejda u lil kulħadd huwa jistenna. Il-Grazzja tiegħu, permezz tal-Ispirtu tiegħu, tlissen minn taħt l-ilsien fil-qalb ta’ kulħadd kelmiet ta’ mħabba. Aħna għandna d-dmir li ngħollu l-leħen ta’ dik it-tpespisa mingħajr ma nxekkluh, li niftħu l-bibien mingħajr ma ntellgħu ħitan. Kemm ħsara jagħmlu n-nisa u l-irġiel tal-Knisja meta jtellgħu ħitan, kemm deni! Ilkoll, ilkoll, ilkoll! Ma għandniex inġibu ruħna qisna “dawk li jqassmu l-Grazzja” u li jagħmlu tagħhom it-teżor billi jorbtu jdejn Alla l-ħanin. Ftakru li bdejna din l-Assemblea sinodali nitolbu maħfra, inħossuna mriegħxa, nagħrfu li magħna lkoll intweriet il-ħniena.

Hemm poeżija ta’ Madeleine Delbrêl, il-mistika tal-periferiji, li kienet tgħid: “Fuq kollox, tkunx riġidu” – ir-riġidità hija dnub, hija dnub li xi drabi jidħol fil-kjeriċi, fl-ikkonsagrati –. Ħa naqralkom xi versi minn Madeleine Delbrêl, li huma talba. Hi tgħid hekk:

Għax jiena naħseb li int forsi rajt biżżejjed

nies li, dejjem, tgħid li qed taqdik bil-bixra ta’ konduttier,

li tafek b’arja ta’ professur,

li tista’ tilħqek b’regoli sportivi,

li tħobbok kif jinħabbu fi żwieġ li qdiem.

Għinna ngħixu l-ħajja tagħna,

mhux bħala logħba taċ-ċess fejn kollox hu kkalkulat,

mhux bħala partita fejn kollox hu diffiċli,

mhux bħala teorema li tkissrilna moħħna,

imma bħala festa bla tmiem fejn il-laqgħa miegħek tiġġedded,

bħal żifna,

f’dirgħajn il-grazzja tiegħek,

fil-mużika universali tal-imħabba.

Dawn il-versi jistgħu jsiru mużika fl-isfond li biha nilqgħu d-Dokument finali. U issa, fid-dawl ta’ dak li ħareġ mill-mixja sinodali, hemm u se jkun hemm deċiżjonijiet x’nieħdu.

F’dan iż-żmien ta’ gwerer irridu nkunu xhieda tal-paċi, billi nitgħallmu wkoll nagħtu bixra vera lill-konvivjalità tad-differenzi.

Għal din ir-raġuni m’iniex se nippubblika “eżortazzjoni appostolika”, għax hu biżżejjed dak li approvajna. Fid-Dokument diġà hemm indikazzjonijiet konkreti ħafna li jistgħu jkunu gwida għall-missjoni tal-Knejjes, fid-diversi kontinenti, fid-diversi kuntesti: għalhekk qed inqiegħdu minnufih għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd, għalhekk għidt li jista’ jiġi ppubblikat. B’dan il-mod, nixtieq nagħraf il-valur tal-mixja sinodali li saret, li permezz ta’ dan id-Dokument qed noffri lill-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla.

Fuq xi aspetti tal-ħajja tal-Knisja murija f’dan id-Dokument, kif ukoll fuq it-temi fdati lill-għaxar “Gruppi ta’ Studju”, li għandhom jaħdmu b’libertà, biex joffruli proposti, hemm bżonn taż-żmien, biex naslu għal għażliet li jinvolvu lill-Knisja kollha. Għalhekk, jiena se nkompli nisma’ lill-Isqfijiet u lill-Knejjes fdati lilhom.

Dan mhuwiex il-mod klassiku kif nipposponu għal dejjem id-deċiżjonijiet. Hu dak li jikkorrispondi mal-istil sinodali li bih anki l-ministeru Petrin jiġi mħaddem: nisimgħu, insejħu u nlaqqgħu, niddixxernu, niddeċiedu u nivvalutaw. U f’dawn il-passi huma meħtieġa l-pawżi, is-silenzji, it-talb. Huwa stil li qed nagħrfu flimkien, ftit ftit kull darba. L-Ispirtu s-Santu jsejħilna u jweżinna f’dan l-għarfien, li jeħtieġ nifhmuh bħala proċess ta’ konverżjoni.

Is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu u d-Dikasteri kollha tal-Kurja jgħinuni f’din il-ħidma.

2. Id-Dokument huwa don lill-Poplu kollu fidil ta’ Alla, fil-firxa wiesgħa ta’ espressjonijiet tiegħu. Huwa ovvju li mhux kulħadd ħa joqgħod jaqrah: tridu tkunu fuq kollox intom, flimkien ma’ tant oħrajn, li tagħmlu l-kontenut tiegħu aċċessibbli fil-Knejjes lokali. It-test, mingħajr ix-xhieda tal-esperjenza mwettqa, jitlef ħafna mill-valur tiegħu.

3. Għeżież ħuti, dak li għexna huwa don li ma nistgħux inżommuh għalina nfusna. It-tħeġġiġa li toħroġ minn din l-esperjenza, li tagħha hu mera d-Dokument, tagħtina l-kuraġġ li nagħtu xhieda li possibbli nimxu flimkien qalb id-differenzi, mingħajr ma nikkundannaw lil xulxin.

Ġejjin mill-irkejjen kollha tad-dinja, immarkati mill-vjolenza, mill-faqar, mill-indifferenza. Flimkien, bit-tama li ma tqarraqx, magħqudin fl-imħabba ta’ Alla msawba fi qlubna, nistgħu mhux biss noħolmu l-paċi imma nħabirku bis-saħħa kollha tagħna biex, forsi mingħajr ma nitkellmu ħafna fuq sinodalità, il-paċi sseħħ permezz ta’ proċessi ta’ smigħ, djalogu jew rikonċiljazzjoni. Il-Knisja sinodali għall-missjoni, issa, għandha bżonn li l-kliem li qsamna jiġi msieħeb mill-fatti. U din hija l-mixja.

Dan kollu huwa don tal-Ispirtu s-Santu: hu li jagħmel l-armonija, hu l-armonija. San Bażilju għandu teoloġija sabiħa ħafna dwar hekk; jekk tistgħu, aqraw it-trattat ta’ San Bażilju fuq l-Ispirtu s-Santu. Hu l-armonija. Ħuti, jalla l-armonija tkompli wkoll billi toħroġ minn din l-awla u n-Nifs tal-Irxoxt jgħinna naqsmu flimkien id-doni li rċivejna.

U ftakru – mill-ġdid dan hu kliem Madeleine Delbrêl – li “hemm postijiet fejn jonfoħ l-Ispirtu, imma hemm Spirtu wieħed li jonfoħ kullimkien”.

Nixtieq nirringrazzja lilkom ilkoll, u nirringrazzjaw lil xulxin. Grazzi lill-Kardinal Grech u l-Kardinal Hollerich tal-ħidma li għamlu, liż-żewġ Sotto-Segretarji, Swor Becquart u Mons. Marín de San Martín – ħdimtu tajjeb! –, lil Dun Battocchio u Patri Costa li għenuna tant! Insellem lil dawn kollha li ħadmu minn wara l-kwinti u li mingħajrhom ma konniex inkunu nistgħu nagħmlu dan kollu. Grazzi ħafna! Il-Mulej iberikkom. Nitolbu għal xulxin. Grazzi!

Werrej

* Id-Dokument finali tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet ġie approvat waqt is-17-il Kongregazzjoni Ġenerali, fis-26 ta’ Ottubru 2024, bil-vot favorevoli ta’ iktar minn żewġ terzi tal-Membri tal-Assemblea preżenti għall-votazzjoni. Ir-riżultati tal-vot jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit http://www.vatican.va. Il-verżjoni uffiċjali tat-test hi dik bil-lingwa Taljana. Fid-dawl tal-pubblikazzjoni, saru xi interventi redazzjonali biex jiżguraw il-korrettezza u l-fluwidità lingwistika, barra l-preċiżjoni tal-kwotazzjonijiet.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading