IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
L-Ewwel Ħadd tar-Randan
22 ta’ Frar 2026
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum, l-Ewwel Ħadd tar-Randan, l-Evanġelju jgħidilna li Ġesù, immexxi mill-Ispirtu, imur fid-deżert fejn jisfa ttentat mix-xitan (cfr Mt 4,1-11). Wara sawma ta’ erbgħin jum, iħoss il-piż tal-umanità tiegħu: fuq livell fiżiku, il-ġuħ, u fuq livell morali, it-tentazzjonijiet tax-xitan. Iħoss l-istess toqol li lkoll inġarrbu fil-mixja tagħna u, bil-mod li bih waqaf lix-xitan, jurina kif nistgħu negħlbu l-qerq u l-inganni tiegħu.
B’dil-Kelma tal-ħajja, il-Liturġija tistedinna nqisu r-Randan bħala mixja mdawla li fiha, bit-talb, bis-sawm u l-karità nistgħu nġeddu l-kooperazzjoni tagħna mal-Mulej biex infasslu ħajjitna bħala kapolavur uniku. Ifisser li nippermettulu jneħħi t-tbajja u jfejjaq il-ġrieħi li setgħu nibtu fiha minħabba d-dnub, u nimpenjaw ruħna biex iħalluha twarrad fis-sbuħija kollha tagħha sal-milja tal-imħabba, l-unika għajn tal-veru hena.
Żgur li hi mixja esiġenti, u dejjem hemm ir-riskju li naqtgħu qalbna jew li ninġibdu mis-seħer ta’ toroq oħra aktar sodisfaċenti u inqas impenjattivi bħalma huma l-għana, il-fama u s-setgħa (cfr Mt 4,3-8). Dawn li kienu wkoll it-tentazzjonijiet ta’ Ġesù, huma biss alternattiva fqira tal-ferħ li għalih ġejna maħluqin, u li fl-aħħar mill-aħħar inħalluna inevitabbilment bla sodisfazzjon, ansjużi u vojta.
Għalhekk, San Pawlu VI kien jgħallem li l-penitenza mhux talli ma tfaqqarx l-umanità tagħna anzi tagħnieha, issafiha u ssaħħaħha fil-mixja lejn xefaq li
għandu “bħala tmiem tiegħu l-imħabba u t-telqa fil-Mulej” (Kost. app. Paenitemini, 17 ta’ Frar, 1966, I). Infatti, filwaqt li l-penitenza tagħmilna konxji tal-limitazzjonijiet tagħna, ittina l-qawwa biex negħlbuhom u biex, bl-għajnuna t’Alla ngħixu f’komunjoni dejjem aktar sfiqa miegħu u bejnietna.
F’dan iż-żmien ta’ grazzja, inqiegħdu l-penitenza fil-prattika bil-ġenerożità flimkien mat-talb u l-opri tal-ħniena: nagħmlu wisa’ għas-silenzju: insikktu ftit it-televixin, ir-radju, is-smartphone. Nimmeditaw il-Kelma t’Alla, nersqu lejn is-Sagramenti; nisimgħu leħen l-Ispirtu s-Santu li jkellem lill-qalb u nisimgħu lil xulxin fil-familji, fl-ambjenti tax-xogħol, fil-komunitajiet. Niddedikaw ħin għal min jinsab waħdu, speċjalment, l-anzjani, il-foqra, il-morda. Niċċaħdu minn kulma hu fieragħ u naqsmu dak li nfaddlu ma’ min m’għandux lanqas il-meħtieġ. Allura, kif jgħid Santu Wistin, “it-talb tagħna magħmul bl-umiltà u l-karità, bis-sawm u l-elemożina, bir-rażan u l-maħfra, billi nagħtu t-tajjeb bla ma npattu l-ħażin, billi nitbiegħdu mill-ħażen u nagħmlu l-ġid” (Sermo 206, 3), jasal is-Sema u jnissel fina l-paċi.
Nafdaw il-mixja tar-Randan tagħna lill-Verġni Marija, Omm li dejjem tassisti lil uliedha waqt il-prova.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Issa għaddew erba’ snin minn mindu bdiet il-gwerra kontra l-Ukrajna. Qalbi tinsab ma’ dik is-sitwazzjoni drammatika li qiegħda quddiem għajnejn kulħadd: kemm vittmi, kemm ħajjiet u familji mfarrkin, kemm distruzzjoni, kemm tbatija li ma titfissirx! Verament, kull gwerra hi ferita għall-familja umana kollha kemm hi: tħalli warajha mewt, qerda u mewġa ta’ niket u tibqa marka fuq ġenerazzjonijiet sħaħ.
Ma nistgħux nibqgħu nipposponu l-paċi: hi esiġenza urġenti li għandu jkollha spazju fil-qlub u tissarraf f’deċiżjonijiet responsabbli. Għalhekk, inġedded bil-qawwa l-appell tiegħi: sikktu l-armi, waqqfu l-bumbardamenti, bla ebda telf ta’ żmien waqqfu l-ġlied u saħħu d-djalogu biex tinfetaħ it-triq tal-paċi.
U issa nsellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini Taljani u minn pajjiżi oħra.
Insellem minn qalbi lis-sorijiet Operaie di Ġesù, fiċ-ċentinarju tal-fundazzjoni tal-istituzzjoni tagħhom. Insellem lill-iksola San Giuseppe Calasanzio minn Prievidza, fis-Slovakkja; u nagħmel kuraġġ lill-Assoċjazzjonijiet impenjati biex flimkien jaħdmu dwar il-mard rari.
Insellem lill-grupp tal-Appostolat tat-Talb minn Biella, lill-fidili minn Nicosia, Castelfranco Veneto u tad-Dekanat minn Melegnano; lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Boltiere, lill-adoloxxenti tal-Komunità Pastorali Santa Maria Maddalena minn Milan u l-iScouts minn Tarquinia.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja tar-Randan it-tajba.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber