Adorazzjoni – 2 Ħadd tar-Randan. Sena A

Tifħir lilek o Ġesù, fis-Sagrament Imqaddes tal-Ewkaristija, l-misteru tal-fidi, s-sagrament tas-salvazzjoni, l-qawwa tal-Qawmien, il-Muntanja spiritwali. (2 sek pawsa)

Ġesù, Int ħadt miegħek lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni, u tellajthom fuq muntanja għolja, fejn hemm urejthom x’hemm lest għal dawk li jħobbuk: il-glorja tal-Ġenna. Imqanqal minn dik l-esperjenza, Pietru stqarr: “Kemm hu sew li aħna qegħdin hawn”.

(3 sek pawsa)

Illum, Int ġibtna hawn fil-Preżenza Divina Tiegħek, u għalkemm forsi ma esperjenzajnix dak li esperjenzaw it-tlett Appostlu fuq il-muntanja Tabor, imma bl-għajnejn tal-fidi, Int qiegħed tibdel lil kull wieħed u waħda minna fil-glorja tal-imħabba Ewkaristika Tiegħek.

Għalhekk, ħa ngħidu ma’ Pietru: “Kemm hu sew li aħna qegħdin hawn!”

Neħħi minna kull qtigħ il-qalb, u ġeddidna, billi ġedded it-tama tagħna permezz tal-imħabba li tħaddan għalina fl-Ewkaristija.

“Kemm hu sew li aħna qegħdin hawn”, fejn Inti qiegħed tagħtina twelid ġdid ta’ tama għall-wirt li ma jitħassarx, dak li niġu ngawduk fil-glorja tas-sema. 

Silenzju       3min

Innu: ____________

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                                             Mt 17:1-9

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid, intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.

Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux”. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej    

Tifħir lilek Kristu

Silenzju       1min

Mulej Ġesù, sitt ijiem qabel din is-siltà, Inti kont ħsadt lid-dixxipli tiegħek, meta ħabbartilhom il-passjoni u l-mewt. Din l-idea ta’ Messija sofferenti, Messija li għandu jbati, ma kinitx niżlet tajjeb la fil-moħħ u l-qalb tal-appostli, imma lanqas fil-mentalità Lhudija ta’ dak iż-żmien, li saħansittra Pietru ġibdek u lumek u qallek: “li ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!” (Mt 16:22).    (3 sek pawsa)

U wara dak ix-xokk, Int, o Sinjur, għoġbok tieħu lil Pietru, ‘l Ġakbu u ‘l Ġwanni miegħek fuq għolja, u tgħinhom jagħmlu din l-esperjenza tant sabiħa u profonda tal-glorja tiegħek. Tant kienet qawwija u sabiħa, li Pietru ried jibqa’ hemm: ried itella’ tlett tined: “waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija” (Mt 17:4). Għax fil-verità, il-glorja togħġob lil kullħadd. (3 sek pawsa)

U dan li seħħ fit-Tabor, għal kull nisrani: għalija u għalik; għax aħna lkoll irridu nieħdu sehem fit-tbatijiet ta’ Kristu, f’mumenti diversi tal-ħajja tagħna. Għandna xorti, li nkunu nistgħu nagħqdu tbatijietna ma’ dak ta’ Ġesù għall-fidwa tad-dinja. Tbatija, li bħalma għamlet lil Ġesù, twassalna fil-glorja, u fil-glorja vera. (3 sek pawsa)

Mulej, agħtini l-grazzja, li fil-mumenti ta’ tbatija ma nikkrolax, imma niftakar fil-glorja li għad nieħu sehem fih, jekk inġarrab kollox mar-rieda tiegħek u tal-Missier.

Silenzju                 2 min

Dawn it-tlett appostli, jagħmlu wkoll l-esperjenza tal-leħen tal-Missier, li diġa’ kien instemma’ fil-mument tal-magħmudija u l-konsagrazzjoni ta’ Ġesù: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt il-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.

Isimgħu lilu, imxu warajh minkejja t-triq tat-tbatija tiegħu. Anzi, imxu warajh, minkejja triq tat-tbatija tagħkom. U din hi s-sejħa ta’ kull wieħed u waħda minna. Li nisimgħu l-Kelma tiegħu, u nfasslu ħajjitna fuqha. Ejjew insaqsu ftit lilna nnfusna:

Qiegħed ngħix il-Kelma ta’ Alla? Qiegħed infassal ħajti fuqha? (10 sek pawsa)

Jalla aħna wkoll niksbu l-glorja tas-sema pajjiżna, aħna u nisimgħu lil Iben il-għażiż tal-Missier.

Silenzju                 3 min

Innu: ____________

Talbiet tal-Komunitá

Missier l-aktar ħanin, tana lil Ibnu l-għażiż biex ikun għalina l-akbar sinjal ta’ mħabbtu, nitolbuh jilqa’ dan it-talb li ser inressqu quddiemu:

Kristu Salvatur, agħmel li l-Knisja tagħraf tinbidel, biex dejjem issir togħġbok aktar. Nitolbu.

Kristu Salvatur, Int ordnajt lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni, biex ma jitkellmux dwar dak li kienu raw u semgħu: agħmel li l-mexxejja tal-pajjiżi, jagħrfu jagħżlu l-kliem li għandhom jgħidu, biex bih iġibu biss il-ġid u mhux id-deni. Nitolbu

Kristu Salvatur, agħti l-kuraġġ meħtieġ lil ħutna li għaddejjin minn żmien ta’ prova. Nitolbu.

Kristu Salvatur, urina r-riflessi tad-dawl ta’ wiċċek, biex infittxu dejjem li nkunu qribek. Nitolbu.

Kristu Salvatur, daħħal fis-sema pajjiżna lil ħutna li ma għadhomx magħna f’din id-dinja, ħalli jaraw il-wiċċ glorjuż tiegħek. Nitolbu.

Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.

Tingħata l-Barka Sagramentali:

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading