Kitba ta’ Joe Galea
Kif bdiet il-festa tal-Madonna tal-Medalja Mirakuluża
Kif bdiet din id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Medalja Mirakuluża hi storja interessanti. Ix-xena hi kamra f’Pariġi, fl-1830, fil-kunvent tas-sorijiet tal-Karita’, meta l-Madonna dehret lis-soru jisimha Katerina Laboure’. Se nħarsu wkoll lejn dan it-titlu tal-Madonna fid-dawl tad-devozzjoni ta’ San Ġorġ Preca lejn Ommna Marija.

Dwar il-Medalja fiha nfisha.
Kif nħarsu lejn il-Medalja, li nikkwalifikawh bħala l-Medalja Mirakuluża, il-Medalja tal-Immakulata Kunċizzjoni, jiġuna mistoqsijiet bħal: “Kif is-Salib u l-istilel tal-Medalja jirrelataw mal-interċessjoni ta’ Marija quddiem Alla?” U wkoll: “X’sinjifikat teoloġiku hu marbut ma’ dak li hemm miktub fuq in-naħa ta’ wara ta’ din il-Medalja?”
Kif Marija wriet lil Suor Katerina Laboure’ fid-dehriet tagħha, fl-1830, fil-kunvent tas-Sorijiet tal-Karita’ f’Pariġi, id-disinn tal-Medalja fih simboli profondi tas-sehem ta’ Marija fl-istorja tas-salvazzjoni, b’rabta mal-Konċepiment Immakulat tagħha, mal-qawwa tagħha ta’ interċessoni, u mal-misteri tal-fidwa u tal-imħabba ta’ Alla lejna.
Il-Medalja għandha żewġ naħat b’disinn partikulari, kull waħda rikka fis-simboliżmu meħuda direttament mid-dehriet, li jenfasizzaw il-purità, il-medjazzjoni u r-rabta qawwija ta’ Marija ma’ Binha Ġesu’.
In-Naħa ta’ Quddiem: Marija bħala Reġina u Medjatriċi tal-Grazzji Kollha
In-naħa ta’ quddiem tad-domna turi lill-Verġni Marija wieqfa fuq globu, li jirrappreżenta d-dinja, taħt saqajha, ħafna drabi narawha b’serp mirfus taħt riġleja biex tidher ir-rebħa ta’ Marija fuq id-dnub u fuq il-ħażen.
F’idejha, qed iżżomm globu ieħor, żgħir, li jissinjifika d-dinja u kull ruħ offruta lil Alla, li titla’ u tisparixxi fil-viżjoni, u tenfasizza r-rwol ta’ Marija bħala dik li tippreżenta l-umanità lil Alla, jiġifieri kif tressaq lill-bnedmin lejh.
Jidhru r-raġġi ta’ dawl li joħorġu mis-swaba ta’ jdejha, li huma miftuħa, ħerġin bħal dawl minn ċrieket imżejna b’ħaġar prezzjuż – li jissimbolizzaw il-grazzji mxerrda b’abbundanza fuq dawk li jinvokaw l-interċessjoni ta’ Marija. Xi raġġi huma nieqsa. Għaliex? Jindikaw grazzji mitlufa minn dawk li ma jitolbux.
Madwar din ix-xbiha hemm qafas ovali mnaqqax bit-talba b’ittri tad-deheb: “O Marija, li tnissilt mingħajr dnub, itlob għalina li nirrikorru għandek”. Ikun hemm xi varjazzjonijiet żgħar ta’ traduzzjoni u għalhekk hemm verżjonijiet ftit differenti ta’ dan il-kliem.
Din l-invokazzjoni tenfasizza d-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni, li Marija kienet meħlusa mid-dnub oriġinali mill-mument tat-tnissil tagħha. Dan kien għadu ma ġiex definit formalment mill-Knisja fl-1830, meta l-Madonna dehret lil Santa Katerina Laboure’, għalkemm kien twemmin popolari fost in-nies. Ġie pproklamat mill-Papa Piju IX fl-1854, fejn it-tixrid ta’ din id-devozzjoni seta’ għen għad-dikjarazzjoni tad-domma.
Għalhekk il-faċċata tal-Medalja turi lil Marija bħala r-Reġina Immakulata tas-Sema u tal-Art, dik li tqassam il-grazzji ta’ Alla, u Omm ħanina li tirbaħ fuq il-ħażen u twassal lill-bnedmin għand Binha.
Il-Verġni Marija tistieden lil dawk li jilbsu d-domna biex jersqu lejha b’kunfidenza fit-talb, irawwmu l-fiduċja fil-protezzjoni tagħha ta’ Omm u jiftakru fil-ħniena bla limitu li niksbu b’l-interċessjoni tagħha.
In-Naħa ta’ Wara: L-Unjoni Mistika ta’ Marija u Kristu
In-naħa ta’ wara tal-Medalja fiha ittra kbira u luminuża M, li tirrappreżenta lil Marija, imdawra b’salib, li tissimbolizza s-Salib ta’ Kristu flimkien man-niket ta’ Marija u l-fiat, l-“iva” tagħha għar-rieda ta’ Alla.
Taħt l-ittra M hemm il-Qlub Imqaddsa: il-Qalb ta’ Ġesù mdawra b’kuruna tax-xewk, li tevoka l-Passjoni Tiegħu u t-tbatija għall-fidwa tagħna; u l-Qalb ta’ Marija minfuda minn sejf, li tfakkarna fil-profezija tax-xwejjah Xmun kif insibu fil-Vanġelu ta’ San Luqa f’kap 2, vers 35 dwar is-sejf tan-niket li se jinfed il-qalb tagħha.
Dawn iż-żewġt iqlub ifissru l-għaqda profonda bejn l-Omm u l-Iben, l-għajn ta’ kull imħabba u ħniena, u s-sehem ta’ Marija fil-ġrajja tas-salvazzjoni.
Madwar dawn l-elementi hemm tnax-il kewkba, li jiffurmaw ċirku li jfakkar fil-kuruna tal-istilel mill-ktieb tal-Apokalissi, kap 12 vers 1, li jirrappreżentaw it-tnax-il appostlu jew il-milja tal-Knisja taħt il-mant ta’ Marija. Ir-rakkonti ta’ Santa Katerina ma jsemmux l-istilel jew l-għadd tagħhom, iżda dawn ġew inkorporati fid-disinn tal-Medalja ispirati mid-dehriet tal-Madonna lill-qaddisa.
In-naħa ta’ wara għalhekk tinkorpora l-misteru tal-Knisja, ir-rabta intima bejn is-sema u l-art, u l-imħabba fil-fidwa ta’ Kristu. Tfakkar fil-Passjoni, tistieden il-kontemplazzjoni tal-karità divina, u tenfasizza r-rwol tal-Medalja fil-protezzjoni tal-fidili mill-ħsara spiritwali filwaqt li tiġbidhom f’komunjoni aktar profonda mal-Familja Mqaddsa.
Fit-tradizzjoni Kattolika, il-Medalja Mirakoluża mhijiex talisman iżda hi sagramentali li jfakkar lil dawk li jilbsu d-domna u jinkoraġġixxi ħajja ta’ talb, virtù, u fedeltà lejn il-Vanġelu. L-użu mifrux tagħha, popolarizzat minn figuri bħal San Massimiljanu Kolbe, wassal għal għadd kbir ta’ konverżjonijiet u grazzji, bħal dik ta’ Alphonse Ratisbonne fl-1842, li tafferma l-qawwa spiritwali u dejjiema tagħha.
Biex nieħdu l-ġid mid-domna, il-Knisja tħeġġeġ li nilbsuha b’devozzjoni, nirċievu regolarment is-sagramenti, u nwettqu l-impenn tagħna għal xhieda Nisranija.
It-tieni u t-tielet parti jkunu ppublikati fil-jiem li ġejjin