LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 4 ta’ Marzu 2026
Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. II. Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium. 2. Il-Knisja, realtà viżibbli u spiritwali
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Illum inkomplu bl-approfondiment tagħna fuq il-Kostituzzjoni konċiljari Lumen gentium, Kostituzzjoni dommatika fil-Knisja.
Fl-ewwel kapitlu, fejn l-intenzjoni hi qabelxejn li tingħata tweġiba għall-mistoqsija fuq x’inhi l-Knisja, hi tiġi mfissra bħala “realtà waħda kumplessa” (n. 8). Issa nistaqsu: fiex tikkonsisti din il-kumplessità? Xi ħadd jista’ jwieġeb li l-Knisja hi kumplessa għax “ikkumplikata”, u allura diffiċli tispjegaha; xi ħadd ieħor jista’ jaħseb li l-kumplessità tagħha ġejja mill-fatt li hi istituzzjoni mgħobbija b’elfejn sena ta’ storja, b’karatteristiċi differenti minn ta’ kull aggregazzjoni soċjali jew reliġjuża oħra. Imma fl-ilsien Latin, il-kelma “kumplessa” pjuttost tindika l-għaqda ordnata ta’ aspetti jew dimensjonijiet differenti fi ħdan l-istess realtà. Għalhekk il-Lumen gentium tista’ tafferma li l-Knisja hi organiżmu organizzat tajjeb, li fih jgħixu d-dimensjoni umana u dik divina, mingħajr firda jew konfużjoni bejniethom.
L-ewwel dimensjoni mill-ewwel nintebħu biha, għax il-Knisja hija komunità ta’ rġiel u nisa li jaqsmu flimkien il-ferħ u t-taħbit tal-ħajja Nisranija, bil-preġji u d-difetti tagħhom, waqt i jħabbru l-Vanġelu u jsiru sinjal tal-preżenza ta’ Kristu li jimxi magħna fit-triq tal-ħajja. U safrattant, dan l-aspett – li jidher ukoll fl-organizzazzjoni istituzzjonali – mhuwiex biżżejjed biex ifisser il-vera natura tal-Knisja, għax hi għandha wkoll dimensjoni divina. Din tal-aħħar mhix qiegħda fil-perfezzjoni ideali jew superjorità spiritwali tal-membri tagħha, imma fil-fatt li l-Knisja hi mnissla mill-pjan ta’ mħabba ta’ Alla għall-umanità, imwettaq fi Kristu. Il-Knisja għalhekk hi fl-istess waqt komunità fuq din l-art u ġisem mistiku ta’ Kristu, ġemgħa viżibbli u misteru spiritwali, realtà preżenti fl-istorja u poplu pellegrin miexi lejn is-Sema (LG, 8; KKK, 771).
Id-dimensjoni umana u dik divina jintegraw bejniethom b’mod armonjuż, mingħajr ma waħda tirfes fuq l-oħra; hekk il-Knisja tgħix f’dan il-paradoss: hija realtà umana u divina fl-istess waqt, li tilqa’ lill-bniedem midneb u twasslu għand Alla.
Biex tixħet dawl fuq din il-kundizzjoni ekkleżjali, il-Lumen gentium teħodna lura għall-ħajja ta’ Kristu. Fil-fatt, min kien jiltaqa’ ma’ Ġesù fit-toroq tal-Palestina, kien jagħmel esperjenza tal-umanità tiegħu, ta’ għajnejh, ta’ jdejh, tal-ħoss ta’ leħnu. Min kien jiddeċiedi li jimxi warajh kien iħossu miġbud proprju mill-esperjenza tal-ħarsa tiegħu li tilqgħek, tal-idejn li jmissuh f’ġest ta’ barka, tal-kliem tiegħu li jeħles u jfejjaq. Imma fl-istess waqt, meta mxew wara dak il-Bniedem, id-dixxipli nfetħu għal-laqgħa ma’ Alla. Fil-fatt, il-ġisem ta’ Kristu, il-ġesti tiegħu u l-kliem tiegħu juru b’mod viżibbli lil Alla inviżibbli.
Fid-dawl tar-realtà ta’ Ġesù, nistgħu issa nerġgħu lura għall-Knisja: meta nħarsu lejha mill-qrib, niskopru fiha dimensjoni umana magħmula minn persuni konkreti, li xi drabi juru l-ġmiel tal-Vanġelu u drabi oħra jbatu biex jagħmlu dan u jiżbaljaw bħal kulħadd. Madankollu, proprju permezz tal-membri tagħha u tal-aspetti limitati tagħha fuq din l-art, tidher il-preżenza ta’ Kristu u l-azzjoni tiegħu ta’ salvazzjoni. Kif qal Benedittu XVI, ma hemmx oppożizzjoni bejn Vanġelu u istituzzjoni, anzi, l-istrutturi tal-Knisja jservu proprju għat-“twettiq u l-konkretizzazzjoni tal-Vanġelu fi żmienna” (Diskors lill-Isqfijiet tal-Iżvizzera, 9 ta’ Novembru 2006). Ma teżistix Knisja ideali jew pura, mifruda mill-art, imma biss l-unika Knisja ta’ Kristu, inkarnata fl-istorja.
F’dan tikkonsisti l-qdusija tal-Knisja: fil-fatt li Kristu jgħammar fiha u jkompli jingħata fiċ-ċokon u d-dgħufija tal-membri tagħha. Meta nikkontemplaw dan il-miraklu dejjiemi li jseħħ fiha, nifhmu l-“metodu ta’ Alla”: hu jsir viżibbli permezz tad-dgħufija tal-ħlejjaq, u jkompli juri ruħu u jaġixxi. Għalhekk il-Papa Franġisku fl-Evangelii gaudium isejjaħ lil kulħadd biex jitgħallem “jinża’ l-qorq quddiem l-art qaddisa tal-ieħor (ara Eż 3:5)” (n. 169). Dan jagħmilna kapaċi mill-ġdid li llum nibnu lill-Knisja: mhux biss billi norganizzaw il-forom viżibbli tagħha, imma billi nsawru dik il-binja spiritwali li hija l-ġisem ta’ Kristu, permezz tal-komunjoni u l-imħabba ta’ bejnietna.
Fil-fatt, l-imħabba tnissel il-ħin kollu l-preżenza tal-Irxoxt. Santu Wistin jafferma: “Jalla kulħadd iżomm ħsiebu biss fuq l-imħabba: fil-fatt, hija biss li tirbaħ fuq kollox, u mingħajrha xejn ma jiswa; kull fejn tinsab, kollox tiġbed lejha” (Serm. 354,6,6).
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard