Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea
Minħabba dak li għamel speċjalment fejn tidħol ir-reliġjon Nisranija, Kostantinu huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar personaġġi importanti li qatt dehru fl-istorja u xi drabi wkoll fost l-aktar kontroversjali. Kien hemm min sejjaħlu, flimkien ma’ ommu Elena, it-tlettax-il appostlu, iżda oħrajn qalu li hu kien dak li rabat il-Knisja bi ktajjen tad-deheb bħalma Dioklezjanu rabatha b’dawk tal-ħadid.

Kien hawn żmien meta ġie muri bħala mexxej qaddis lest li jaħkem biss biex imexxi ’l quddiem il-fidi, iżda l-fatti juru mod ieħor. F’din il-lezzjoni ser naraw il-ġrajja ta’ Kostantinu u għaliex għażel li jġib bidla sħiħa fl-Imperu Ruman hekk kif ħaddan u beda juri preferenza lejn ir-reliġjon Nisranija. Aktar ’il quddiem ser nitkellmu fuq kif Kostantinu wera din il-preferenza matul it-tmexxija tiegħu.
Tfulija u Żgħożija ta’ Kostantinu
Dioklezjanu kien salva l-Imperu Ruman billi qassam ir-responsabbiltà fuq erba’ mexxejja. Din l-hekk imsejħa Tetrarkija fetħet it-triq biex nies fil-militar ġejjin mir-reġjun ta’ l-Illirja (l-Albanija) jimxu ’l quddiem f’dik li hi tmexxija ta’ l-Imperu. Fost dawk li qabdu din it-triq kien hemm Kostanzu Kloru, li minn ragħaj spiċċa ko-imperatur tal-Gallja u l-Brittanja. Suldat ta’ ħila u mexxej għaqli, huwa kellu b’maħbuba tiegħu (iżda x’aktarx mhux b’martu) lil Elena, lukandiera minn Bitinja.
Kien minn din ir-relazzjoni li twieled Kostantinu bejn is-sena 270 u 280 WK. Fis-sena 293 wK, Kostanzu Kloru żżewweġ lil Teodora, il-bint tar-rispett ta’ l-Imperatur Massiminu. Interessanti hu l-fatt li fost is-sitt ulied li kellhom, waħda minnhom kien jisimha Anastasia, isem li wassal biex xi studjużi jqisu li Kostanzu Kloru jew Teodora kellhom xi simpatiji insara. Żgur li meta faqqgħet il-persekuzzjoni ta’ Dioklezjanu, Kostanzu Kloru ftit li xejn qala’ inkwiet lill-insara fl-artijiet li fihom kien jaħkem.
F’dawn iż-żminijiet, Kostantinu kien jinsab fil-palazz ta’ Dioklezjanu, fejn x’aktarx kien qed jinżamm bħala ostaġġ b’garanzija ta’ lealtà minn missieru. Hemmhek huwa tgħallem l-arti u l-intriċċi kollha ta’ kif għandu jkun mexxej għaqli, u jidher li kull ma ra u tgħallem aktar ’il quddiem applikah meta laħaq imperatur.
Meta beda jikber huwa wera ħila kbira bħala suldat fl-armata tal-imperatur u beda jikber fil-fama bħala mexxej militari. X’aktarx illi f’dan iż-żmien hu ħa sehem f’taqbid mall-Persjani. Kien f’dan iż-żmien li beda jkollu ambizzjonijiet biex imexxi, hekk kif beda jara illi s-sistema ta’ ko-imperaturi kienet ser tibqa’ sħiħa biss dment li Dioklezjanu kien għadu ħaj u li fl-aħħar mill-aħħar l-Imperu kien ser jerġa’ jaqa’ fi żmien ta’ gwerer ċivili.
Il-mixja lejn il-poter
Fis-sena 306 huwa telaq lejn il-Brittanja fejn ingħaqad ma’ missieru. Għal darb’oħra hu wera ħila kbira waqt taqbid li missieru kellu mat-tribujiet feroċi tal-Kaledonja (illum l-Iskozja). Ftit wara fil-25 ta’ Lulju 306 Kostanzu Kloru miet u s-suldati tiegħu iddikjaraw lil Kostantinu Ċesri. Dan kien il-bidu ta’ perjodu ta’ sitt snin li fihom Kostantinu bena l-pożizzjoni tiegħu sakemm daħal Ruma rebbieħ bħala Imperatur.
F’dan iż-żmien hekk kif Dioklezjanu beda jerħi minn idejh it-tmexxija ta’ l-Imperu, il-firdiet reġgħu bdew jidhru. Galerju fil-Lvant baqa’ għaddej bil-persekuzzjoni kontra l-insara, iżda kollox kien jindika li saħħtu kienet sejra lura u ma jdumx ma jmut. Fl-istess waqt fil-Lvant beda jieħu r-riedni Liċinju, ħabib ta’ Galerju.
Min-naħa l-oħra fil-Punent, Massiminu, għalkemm kellu lil bintu Fawsta miżżewġa lil Kostantinu, kien qed jipprova joħodha kontrih iżda ma rnexxilux u spiċċa biex neħħa ħajtu b’idejh. Iżda l-aktar għadu ta’ ħila li kellu Kostantinu kien Massenzju, li kien ġie pproklamat Awgustu f’Ruma fis-sena 306. Kellha tkun it-taqbida bejn dawn it-tnejn li wasslet sabiex Kostantinu jidħol rebbieħ f’Ruma u jġib bidla fl-Istorja tal-Imperu Ruman, iżda fuq kollox tal-Knisja.