IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
It-Tielet Ħadd tar-Randan, 8 ta’ Marzu, 2026
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Sa mill-ewwel sekli tal-istorja tal-Knisja, id-djalogu bejn Ġesù u l-mara Samaritana, il-fejqan tal-għama mit-twelid u l-qawmien ta’ Lazzru, kienu dawl għal min fl-Għid se jirċievi l-Magħmudija u se jibda ħajja ġdida. Dawn it-tliet paġni evanġeliċi kbar, li ibda minn dal-Ħadd, se naqraw ukoll fil-Ħdud li ġejjin, jingħataw lill-katekumeni, imma fl-istess ħin tismagħhom il-komunità kollha, għax huma għajnuna għal min irid isir nisrani, inkella, lil min hu diġà nisrani, jgħinuh biex ikun aktar awtentiku u aktar hieni.
Infatti, Ġesù hu t-tweġiba ta’ Alla għall-għatx tagħna. Kif jissuġġerixxi lis-Samaritana, il-laqgħa miegħu tqanqal fil-qigħ ta’ qalb kulħadd “għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’dejjem” (Ġw 4,14). Kemm nies fid-dinja kollha, illum ukoll, għadhom ifittxu din l-għajn spiritwali! “Kultant jirnexxili nilħaqha – kienet kitbet iż-żgħażugħa Etty Hillesum fid-djarju tagħha -, imma aktar spiss hi miksija biċ-ċagħak u r-ramel: allura Alla jkun midfun taħthom. Għalhekk ikun hemm bżonn neżumawh mill-ġdid” (1). Għeżież tiegħi, m’hemm l-ebda enerġija aħjar minn dik li niddedikaw biex neħilsu l-qalb. Għal din ir-raġuni, ir-Randan huwa rigal: qed nibdew it-tielet ġimgħa u issa nistgħu nintensifikaw il-vjaġġ!
Fl-Evanġelju hemm miktub ukoll li “stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara”(Ġw 4,27). Id-dixxipli jsibuha bi tqila jifhmu kif il-missjoni tiegħu jagħmluha tagħhom; li l-Imgħallem jeħtieġlu jipprovokahom: “Intom ma tgħidux li baqa’ erba’ xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi diġà bjadu għall-ħsad! (Ġw 4,35). Lill-Knisja tiegħu l-Mulej jgħidilha mill-ġdid: “Għolli għajnejk biex tagħraf is-sorpriżi ta’ Alla!” Fl-għelieqi, erba’ xhur qabel il-ħsad, ma jkun jidher kważi xejn. Imma fejn aħna ma naraw xejn, il-Grazzja diġà qed taħdem u l-frott lest għall-ħsad. Il-ħsad hu kbir: forsi l-ħaddiema huma ftit għax aljentati fuq attivitajiet oħra. Imma Ġesù hu attent. Il-mara Samaritana, skont l-użanzi, kellu sempliċiment jinjoraha; iżda Ġesù jkellimha, jismagħha, itiha attenzjoni mingħajr xi agenda moħbija, mingħajr disprezz.
Kemm persuni fil-Knisja jfittxu din id-delikatezza, din id-disponibbiltà! U kemm ikun sabiħ meta ninsew il-ħin biex nagħtu attenzjoni lil min niltaqgħu miegħu, naċettawh kif inhu. Ġesù sa nesa li ried jiekol tant kien imwaħħad mal-volontà ta’ Alla biex jilħaq lil kulħadd fil-qiegħ ta’ qalbu (cfr Ġw 4,34). Hekk, is-Samaritana ssir l-ewwel evanġelizzatriċi. Mill-villaġġ tagħha ta’ nies disprezzati u mwarrbin, bix-xhieda tagħha, ħafna ġew biex jiltaqgħu ma’ Ġesù, u fihom ukoll il-fidi bdiet tnixxi bħall-ilma safi.
Ħuti, illum nitolbu lil Marija, Omm il-Knisja, tgħallimna nservu ma’ Ġesù u bħal Ġesù, lill-umanità bil-għatx għall-verità u l-ġustizzja. Mhux iż-żmien ta’ kontrapożizzjonijiet bejn tempju u ieħor, bejn “aħna” u “l-oħrajn”: Alla qed ifittex il-qima ta’ rġiel u nisa ta’ paċi, li jadurawh fl-Ispirtu tal-verità (cfr Ġw 4,23-24).
Wara l-Angelus

Il-Papa Ljun XIV wara l-Angelus fit-3 Ħadd tar-Randan
Il-Papa llum tkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Iran u l-Lvant Nofsani u ħeġġeġ għat-talb biex jieqaf id-damdim tal-bombi, jissiktu l-armi u jinfetaħ spazju ġdid ta’ djalogu li fih jinstemgħu l-ilħna tal-popli.
Għeżież ħuti,
Mill-Iran u mill-Lvant Nofsani kollu għadhom qed jaslu aħbarijiet ta’ kosternazzjoni kbira. Minbarra l-episodji tal-vjolenza u devastazzjoni, flimkien mal-klima ta’ mibegħda u biża’, hemm il-preokkupazzjoni li l-kunflitt se jkompli jinfirex u pajjiżi oħra tar-Reġjun, fosthom l-għażiż Libanu, jerġgħu jsibu ruħhom mill-ġdid maqbudin fl-ispirali tal-instabbiltà.
Nerfgħu t-talb umli tagħna lejn il-Mulej biex jieqaf id-damdim tal-bombi, jissiktu l-armi, jinfetaħ spazju ġdid ta’ djalogu li fih jinstemgħu l-ilħna tal-popli. Inqiegħed din is-supplika f’idejn Marija, Reġina tal-Paċi: jalla tinterċedi għal min qed isofri minħabba l-gwerra u takkumpanja ‘l qlub fit-toroq tar-rikonċiljazzjoni u t-tama.
Illum, 8 ta’ Marzu hi Jum il-Mara. Inġeddu l-impenn, li għalina l-insara hu msejjes fuq l-Evanġelju, biex tkun rikonoxxuta d-dinità ndaqs bejn ir-raġel u l-mara. Sfortunatament, bosta nisa, sa min tfulithom, huma vittmi ta’ diskriminazzjoni u għamliet oħra ta’ vjolenza: jien solidali magħhom b’mod speċjali u nitlob għalihom
Nagħti merħba lill-istudenti mill-College Station, Texas, minn Kansas City, Missouri, minn Fort Wayne, Indiana, fl-Istati Uniti tal-Amerika, u minn Jerez u Cádiz, fi Spanja; kif ukoll lill-grupp ta’ pellegrini mill-Perù, mill-Panama, mill-Honduras, mill-Messiku u miċ-Ċili.
Insellem lill-fidili minn Brescia, Castrolibero, Gravina di Puglia, Perugia u mill-parroċċi San Clemente Papa, u San Piju ta’ Pietralcina f’Ruma. Insellem lill-komunità “Casa di Maria” ta’ Ruma, lil dawk li se jagħmlu l-Griżma mid-Djoċesi ta’ Orvieto-Todi, lill-adoloxxenti minn Mantova u lit-tim tar-rugby minn Rovigo.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber