L-EVANĠELJU
TAT-TWELID TA’ MARIJA
Skont San Mattew
Maqlub għall-Malti
minn
ANTON F. ATTARD, B.A. ©
KAP I
Il-ġenituri ta’ Marija
Marija, ix-Xebba mbierka u dejjem imsebbħa, li kellha n-nisel tagħha mill-eġidd ta’ David u l-familja rjali tiegħu, twieldet fil-belt ta’ Nażaret u ħadet it-tagħlim tagħha f’Ġerusalemm, fit-tempju tal-Mulej.
2 Isem missierha kien Ġwakkin u isem ommha Anna. Il-familja ta’ missierha kienet mill-Galilija u l-belt ta’ Nażaret. ll-familja ta’ ommha kienet minn Betlehem. 3 Ħajjithom kienet irzina u sewwa f’għajnejn il-Mulej, tajba u bla ħtija quddiem il-bnedmin. Għax kienu jaqsmu ġidhom fi tliet ishma: 4 Wieħed minnhom kienu jħalluh għat-tempju u għall-qaddejja tat-tempju, l-ieħor kienu jqassmuh fost il-għorba u n-nies f qagħda fqira u t-tielet sehem kienu jwarrbuh għalihom infushom u għall-ħtiġijiet tal-familja tagħhom. 5 F’din il-għamla ta’ ħajja huma għiexu fis-safa għal għoxrin sena, fil-għoġba ta’ Alla u fil-qima tal-bnedmin, bla tfal xejn. 6 Iżda għamlu wegħda li, jekk Alla jogħġbu jagħtihom xi wild, jaħtruh għall-qadi tal-Mulej; minħabba f’hekk kienu jmorru fit-tempju ta1-Mulej għal kull għid ta’ matul is-sena.
Ġwakkin, missierha, u Anna, ommha, imorru Ġerusalemm għal Għid it-Tisfija. Issakar iċanfar ‘il Ġwakkin, għax bla tfal.
7 U ġara li, meta qorob Għid it-Tisfija, Ġwakkin, ma’ x’uħud oħrajn tat-tribu’ tiegħu, mar Ġerusalemm, u dak iz-zmien il-qassis il-kbir kien Issakar, 8 li, meta ra ’l Ġwakkin mal-bqija tal-ġirien ġej bil-għotjiet tiegħu, maqdar kemm lilu kif ukoll il-għotjiet tiegħu, u staqsieh 9 għaliex hu, li ma kellux tfal, kellu l-ħila li jidher fost dawk Ii kellhom. U zied igħid li l-għotja tiegħu qatt ma tkun tista’ tintlaqa’ minn Alla, li kien għamel ħaqq minnu u sabu li ma jistħoqqlux li jkollu t-tfal; il-Kotba Mqaddsa kienu qalu: Misħut kulmin ma jnissilx raġel f’Israel. 10 U żied igħid li, l-ewwel kien imissu jeħles minn dik is-saħta billi jkollu xi nisel, u, imbagħad, jiġi bil-għotjiet tiegħu quddiem il-Mulej. 11 Imma, Ġwakkin, billi tħawwad ħafna bil-għajb ta’ ċanfira bħal dik, reġa’ lura għand ir-ragħajja li kienu bl-ifrat fil-mergħat tagħhom, 12 għaliex ma kienx imħajjar li jerġa’ jmur id-dar nalli l-ġirien, li kienu hemm u semgħu kollox x’qal il-qassis il-kbir, ma jċanfrux quddiem in-nies bl-istess mod bħalma għamel hu.
KAP II
Anġlu jidher lil Ġwakkin
Imma, meta kien ilu hemm xi żmien, jum wieħed, meta kien waħdu, waqaf quddiemu l-anġlu tal-Mulej b’dawl li jgħaġġeb. 2 L-anġlu tal-Mulej, li kien dehirlu, billi rah imħawwad għad-dehra u billi ried jara jistax iġibu f’tiegħu, qallu: 3 La tibżax, Ġwakkin, u lanqas titħawwad għad-dehra tiegħi, għaliex jien Anġlu tal-Mulej mibgħut minnu għandek biex ingħarrfek li t-talb tiegħek instema’ u l-egħmejjel tal-ħniena tiegħek telgħu quddiem il-ħarsa ta’ Alla. 4 Għax hu ra tabilħaqq il-għajb tiegħek u semgħek tkun imċanfar bla ma ħaqqek talli m’għandikx tfal: għax Alla jitħallas mid-dnub u mhux min-natura, 5 u, għalhekk, meta jitboq il-ġuf ta’ xi ħadd, jagħmel hekk biex b’mod aktar tal-għageb jerġa’ jiftħu u dak li jitwieled ma jidhirx li jkun ġej miż-żina, imma bħala għotja minn Alla. 6 Għax l-ewwel omm ta’ ġensek Sara, ma kenitx ħawlija wkoll sa meta kellha tmenin sena? B’dan kollu, ukoll fl-aħħar ta’ xjuħitha wildet lil Iżakk li fih il-wegħda saret barka lill-ġnus kollha. 7 Rakeli wkoll, hekk fil-għoġba ta’ Alla u hekk maħbuba mill-imqaddes Ġakobb, damet ħawlija għal żmien twil, b’dana kollu, wara kienet omm Ġużeppi li mhux biss kien Gvernatur ta’ l-Eġittu, imma wkoll ħeles ħafna ġnus milli jmutu bil-ġuħ. 8 Min fost l-imħallfin kien aktar qalbieni minn Sansun jew izjed qaddis minn Samwel? U, b’dana kollu, ommijiethom it-tnejn kienu ħawlin.
L-Anġlu jgħarrfu li Anna se tnissel u tiled bint li tissejjaħ Marija.
9 Imma, jekk id-dehen ma jegħilbikx għas-sewwa ta’ kliemi, li hemm ta’ sikwit tnissil fix-xjuħija u dawk li kienu ħawlin wildu b’għaġeb kbir tagħhom; għalhekk, Anna martek se tiled bint u int issemmiha Marija. 10 Skond il-wegħda tiegħek hija tkun mogħtija lill-Mulej minn tfulitha u tkun mimlija b’Run il-Qodos sa minn ġuf ommha.
Titrabba fit-tempju
11 Hija la tiekol u lanqas tixrob ebda ħaġa li m’hix nadifa, u kliemha lanqas ikun barra man-nies tat-triq, imma fit-tempju tal-Mulej, biex hekk ma taqax fit-tqassis jew il-ħsieb ħażin.
Fil-waqt li tkun għadha xebba, b’mod li qatt ma ġara bħalu, tiled lil-Iben ta’ Alla
12 Hekk, fil-mogħdija ta’ sninha, bħalma hija se titwieled b’mod tal-għaġeb minn waħda ħawlija, hekk ukoll, fil-waqt li tkun għadha xebba, b’mod li bħalu qatt ma ġara, hija tiled l-Iben ta’ Alla l-Aktar Għoli, li jissejjaħ Ġesu’, u kif inhu t-tifsir ta’ ismu, ikun il-Ħellies tal-Ġnus kollha.
L-Anġlu jagħtih sinjal u jitlaq
13 U dan ikun is-sinjal tal-ħwejjeġ li qiegħed ingħidlek dwarhom, jiġifieri, meta tasal ħdejn il-bieb tad-deheb ta’ Ġerusalemm, tiltaqa’ ma’ martek Anna li, billi tkun imħawda ħafna għax int ma tkunx erġajt lura qabel, imbagħad, tibda tifraħ li tkun qiegħda tarak. 14 Wara li l-anġlu qal dan, telaq minn ħdejh.
KAP III
L-anġlu jidher lil Anna u jgħidilha li se titweldilha tifla
Wara dan l-anġlu deher lil martu Anna u qalilha: La tibżax u lanqas taħseb li dak li qiegħda tara huwa ruħ. 2 Għaliex jien hu dak l-anġlu li ressaqt it-talb tiegħek u l-egħmejjel tal-ħniena tieghek quddiem Alla, u issa ninsab mibgħut għandek biex ingħarrfek li se titwelidlek bint li jkun jisimha Marija u li tkun imbierka fuq in-nisa kollha.
Tkun mantura għall-qadi tal-Mulej fit-tempju
3 Malli titwieled, tkun mimlija bil-grazzja tal-Mulej, u tibqa’ fl-ewwel tliet snin tal-ftama tagħha f’dar missierha, u wara, billi tkun maħtura għall-qadi tal-Mulej, ma titlaqx mit-tempju sakemm tasal fis-snin tal-għaqal. 4 F’kelma waħda, hemm taqdi lill-Mulej bil-lejl u bin-nhar fis-sawm u fit-talb, ma tienu minn ebda ħaġa mhux nadifa, u ma tagħraf ebda raġel.
Xebba, ma tagħraf ebda raġel u tiled il-Mulej
5 Imma, billi din tkun ġrajja li qatt ma seħħet bħalha bla ebda tniġġis jew ħmieġ, u xebba li ma tagħraf ebda ragel tiled iben, u qaddejja tiled il-Mulej li kemm bil-grazzja tiegħu, b’ismu u bl-egħmejjel tiegħu, ikun il-Ħellies tad-dinja.
L-anġlu jagħtiha sinjal dwar hekk
6 Qum, mela, u itla’ Ġerusalemm u, meta tasal ħdejn dak li jissejjaħ il-bieb tad-deheb (għax maħsul bid-deheb), bħala sinjal ta’ dan li għidtlek, tiltaqa’ ma’ żewġek, li dwar il-ħarsien tiegħu mid-deni tkun hekk ħosbiena. 7 Mela, għalhekk, meta ssib li dawn il-ħwejjeġ seħħu hekk, emmen li kulma għidtlek iseħħ ukoll tabilħaqq.
Ġwakkin u Anna jiltaqgħu u jifirħu
8 Għalhekk, telqu t-tnejn bl-amar ta’ l-anġlu mill-imkejjen fejn kienu qegħdin u meta waslu fin-naħa mħabbra mill-anġlu, iltaqgħu ma’ xulxin. 9 Imbagħad, ferħanin għad-dehra ta’ xulxin u hienja għal kollox bil-wegħda ta’ tarbija, iżżew ħajr lill-Mulej, li jgħolli lil min hu mċekken.
Ifaħħru lill-Mulej. Anna tnissel u tiled bint jisimha Marija
10 Wara li faħħru lill-Mulej, reġgħu lura d-dar u qagħdu jistennew bil-ferħ il-wegħda ta’ Alla. 11 Għalhekk, nisslet Anna u wildet bint u, bħalma amar l-anġlu semmewha Marija.
KAP IV
Marija miġjuba fit-tempju ta’ tliet snin
U meta għaddew it-tliet snin u ż-żmien tal-ftama tagħha wasal fi tmiemu, ġabu x-Xebba fit-tempju tal-Mulej bil-għotjiet. 2 U kien hemm madwar it-tempju, skond il-ħmistax-il salma tat-telgħat, ħmistax-il targa x’titla’. 3 Għax it-tempju, billi kien mibni fuq ħotba, il-midbaħ, li kien barra, ma setax jintlaħaq ħlief mit-taraġ. 4 U missier u omm ix-Xebba mqaddsa u t-tifla Marija qegħduha fuq waħda minn dawn it-targiet.
Titla’ t-taraġ tat-tempju b’mod tal-ghaġeb
5 U fil-waqt li kienu jinżgħu ħwejjiġhom li bihom kienu terrqu u qegħdin jilbsu oħrajn aktar xierqa u ndaf, kif tgħid id-drawwa, 6 dak il-ħin, ix-Xebba tal-Mulej telgħet it-taraġ hekk tarġa wara l-oħra, mingħajr għajnuna ta’ min imexxiha jew jerfagħha, li, hu min hu kien jaqtagħha minn issa li kienet imlaħħqa sewwa fiż-żmien. 7 Dan wettaq il-Mulej fit-tfulija tax-xebba tiegħu dan l-egħmil liema bħalu, u ta xhieda b’dan il-għaġeb kemm kellha tkun kbira wara.
Il-genituri taghha debhu u reġgħu lura d-dar
8 Iżda, il-ġenituri tagħha, wara li taw id-debħa taghħom kif tgħid id-drawwa tal-liġi u temmu l-wegħda tagħhom, ħallew ix-Xebba fil-bini tat-tempju flimkien ma’ xebbiet oħra li kellhom jitrabbew hemmhekk, u marru lura lejn id-dar.
KAPV
Marija moqdija mill-anġli
Iżda, ix-Xebba tal-Mulej, fil-waqt li mxiet ‘il quddiem fis-snin, żdiedet ukoll fit-tjubijiet sħaħ u, kif qal is-Salmista, il-ġenituri tagħha telquha, imma l-Mulej ħa ħsiebha. 2 Għaliex kull jum kellha t-taħdit ta’ l-anġli u kull jum kienet tilqa’ lil dawk li jiġu mingħand Alla jżuruha, li kienu jħarsuha millgħamliet kollha ta’ ħażen u jxebbgħuha bil-ħwejjeg kollha fejjieda 3 biex hekk, meta fl-aħħar laħqet l-erbatax-il sena, billi l-ħżiena ma setgħu jgħidu xejn ħażin fiha li jkun jistħoqq ċanfira, hekk, it-tajbin kollha li kienu jafuha mill-qrib, kienu jħarsu lejn ħajjitha u t-taħdit tagħha b’għaxqa.
II-qassis il-kbir jamar lix-xebbiet kollha ta’ erbatax-il sena biex iħallu t-tempju u jaraw jiżżewġux
4 Dak iż-żmien, ħareġ il-qassis il-kbir amar quddiem kulħadd li x-xebbiet kollha li kellhom qgħadhom fit-tempju u laħqu dan iż-żmien, kellhom imorru lura d-dar u, billi issa kienu waslu fil-milja ta’ żgħożithom, kellhom, kif tgħid id-drawwa ta’ arthom, jaraw jiżżewġux.
Marija ma toqgħodx għall-amar la darba wiegħdet xbubitha lil1-Mulej
5 Għalliema amar, għalkemm ix-xebbiet l-oħra semgħu minnu mill-ewwel, Marija, ix-xebba tal-Mulej, wiegbet weħidha li ma setgħetx toqgħod għalih. 6 Meta fissret li kemm hi kif ukoll il-ġenituri tagħha kienu ħatruha għall-qadi tal-Mulej; u barra minn dan, li hi kiend wiegħdet xbubitha lill-Mulej, wegħda li kienet qatgħet li qatt ma tiksirha billi torqod ma’ raġel.
Il-qassis il-kbir isejjaħ laqgħa tal-kbarat kollha ta’ Ġerusalemm
7 Il-qassis il-kbir inġieb b’dan bejn ħaltejn, 8 u billi ra li ma kellux ħila u la min-naħa l-waħda li jħoll il-wegħda u ma jismax mill-iskrittura li tgħid: wiegħed u ħallas, 9 u lanqas min-naħa l-oħra li jdaħħal drawwa ġdida Ii għaliha n-nies kienu barranin, amar 10 li fil-għid li kien qiegħed joqrob il-kbarat kollha ta’ Ġerusalemm u l-inħawi tal-qrib kellhom jltaqgħu flimkien biex jieħu l-parir tagħhom dwar kif l-aħjar jimxi f’ħaġa hekk tqila bħal din.
Jitolbu l-parir lill-Mulej fuq il-ħaġa
11 Meta ltaqgħu kif intqal, qablu għalenija li jfittxu l-Mulej u jitolbuh parir fuq din il-ħaġa. 12 U waqt li kienu lkoll medhijin fit-talb, il-qassis il-kbir, bħalma dari, mar biex ikellem lil Alla.
Leħen mill-maqgħad tal-ħniena
13 U kien hemm f’daqqa waħda leħen mill-arka u maqgħad il-ħniena li dawk kollha li kienu hemm semgħuh, li għandu jkun mistħarreġ jew imfittex bi profezija ta’ Isaija lil min għandha tingħata jew titgħarras ix-Xebba. 14 Għaliex igħid Isaija: toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Isaj u warda tarmi minn egħruqu. 15 U Ruħ il-Mulej joqgħod fuqu, Ruħ il-Għerf u l-Fehma, Ruħ il-Ħsieb u l-Qawwa, Ruħ il-Għarfien u t-Tjieba u Ruħ il-Biża’ tal-Mulej jimlieh.
Il-qassis il-kbir jamar lill-għożżieb kollha tad-dar ta’ David iġibu l-oħtra tagħhom fuq il-midbaħ.
16 Imbagħad, kif tgħid din il-profezija, għamel sejħa biex I-irġiel kollha tad-dar u l-familja ta’ David li kienu laħqu għaż-żwieġ u kienu għadhom ma żżewġux, kellhom iġibu l-bosta oħtra tagħhom ħdejn il-midbaħ. 17 U dak, hu min hu, li mill-ħatar tiegħu wara Ii jkun inġieb tarmi warda u joqgħod fuqu Ruħ il-Mulej f’sura ta’ ħamiema, dak kellu jkun ir-raġel li lilu x-Xebba tingħata u titgħarras.
KAP VI
Ġużeppi jwarrab il-ħatar tiegħu
Fost l-oħrain kien hemm raġel jismu Ġużeppi, mid-dar u l-familja ta’ David, wieħed imdaħħal ħafna fiż-żmien, li warrab il-ħatar tiegħu meta kull wieħed mill-bqija ressaq tiegħu ‘1 quddiem, 2 hekk li meta xejn ma deher li ngħoġob mil-leħen smewwi, il-qassis il-kbir qatagħha li tkun ħaġa tajba li jerġa’ jitkellem ma’ Alla, 3 li wieġeb li, dak li lilu kellha titgħarras ix-Xebba, kien dak hiss, minn dawk kollha li nġemgħu, li ma ġiebx il-ħatar tiegħu.
II-ħamiema titperreċ fuq il-ħatar ta’ Ġużeppi. Jitgħarras lil Marija u jmur lura lejn Betlehem.
4 Tqarraq, għalhekk, Ġużeppi, 5 għax, meta ġieb tabilħaqq il-ħatar tiegħu u ħamiema li niżlet mis-serna tperrċet fuqu, kulħadd ra fid-dieher li x-Xebba kellha titgħarras lilu: 6 Għalhekk, mela, meta għaddew iċ-ċerimonji tas-soltu tal-għerusija, mar lura lejn il-belt tiegħu Betlehem biex iqiegħed kif jixraq daru u jagħmel it-thejjijiet meħtieġa għaż-żwieġ.
Marija tmur lura f’dar il-ġenituri tagħha fil-Galilija
7 Iżda x-Xebba tal-Mulej, Marija, ma’ seba’ xebbiet oħra ta’ imparha, li kienu nfatmu fi żmien wieħed u li kienu nħatru biex iduru biha mill-qassis il-kbir, marret lura f’dar ommha u missierha l-Galilija.
KAP VII
It-tislima lix-xebba minn Gabrijel li jfissrilha li se tnissel waqt li tkun xebba
Issa f’dan iż-żmien ta’ l-ewwel miġja tagħha fil-Galilija, l-anġlu Gabrijel intbagħat għandha minn Alla biex iħabbrilha t-tnissil tal-Ħellies u l-kif u I-mod li bih kienet se tnisslu. 2 Għalhekk, fil-waqt li daħal għandha, mela l-għorfa fejn kienet qiegħda b’dawl l-iżjed qawwi u fil-waqt li sellmilha blakbar ħlewwa, qalilha: 3 Is-sliem, Marija! Xebba tal-Mulej mill-iżjed milqugħa! Ja Xebba mimlija bil-grazzja! Il-Mulej miegħek, imbierka int fuq in-nisa kollha, imbierka int fuq il-bnedmin kollha li twieldu s’issa. 4 Izda x-Xebba, li qabel kienet imdorrija sewwa bil-bixriet ta’ l-anġli u li għaliha dawl bħal dan mis-serna ma kienx ta’ darba fil, 5 la kienet imwerwra mid-dehra ta’ l-anġlu u lanqas mistagħġba bil-kobor tad-dawl, imma biss tħawdet bil-kelmiet ta’ l-anġlu. 6 U bdiet titħasseb tislima ta’ barra minn hawn bħal din x’setgħet tfisser, jew liema sura ta’ tmiem seta’ jkollha.
7 Għal dan il-ħsieb l-anġlu, imnebbah minn Alla, iwieġeb: 8 La tibżax, Marija, bħallikieku f’din it-tislima jien kelli f’moħħi xi ħaga li ma taqbilx mas-safa tiegħek. 9 Għax int sibt għoġba mal-Mulej, billi għamilt ix-xbubija l-għażla tiegħek. 10 Għalhekk, fil-waqt li int xebba, inti tnissel mingħajr id-dnub u tiled iben. 11 Huwa jkun kbir, għax isaltan minn baħar sa baħar u mix-xmajjar sa truf 1-art. 12 Huwa jissejjaħ Bin I-Ogħla; għax dak li jitwieled f’qagħda haxxa fid-dinja, isaltan f’waħda għolja fis-serna. 13 U I-Mulej jagħtih it-tron ta’ David missieru u hu jsaltan fuq dar Ġakobb għai dejjem u ta’ saltnatu ma jkunx hemm tmiem. 14 Għax huwa s-Sultan tas-Slaten, is-Sid tas-Sidien u t-tron tiegħu huwa għal dejjem ta’ dejjem.
15 Għal dan il-kliem ta’ l-anġlu x-Xebba ma weġbitx, bħallikieku ma kenitx qiegħda temmen, imma kienet xewqana li tkun taf kif. 16 Qalet: Kif jista’ jkun? Għax kif qiegħed tara, skond il-wegħda tiegħi, jien qatt ma għaraft ebda raġel; kif jista’ jkolli t-tfal mingħajr iż-żjieda taż-żerriegħa ta’ raġel?
17 Għal dan wieġeb l-anġlu u qal: La taħsibx, Manja, li inti se tnissel bl-istess mod bħalma dejjem isir. 18 Għaliex, mingħajr ma timtedd ma’ raġel, waqt li int xebba, inti tnissel, waqt li int xebba, inti tiled u waqt li int xebba, inti tredda’. 19 Għaliex Ruħ il-Qodos jinżel fuqek u l-qawwa ta’ l-Aktar Għoli ddellek, mingħajr ebda xaħwa ta’ żina. 20 Biex hekk dak li jitwieled minnek ikun biss qaddis, għaliex hu biss jitnissel mingħajr dnub u meta jitwieled jissejjaħ l-Iben ta’ Alla.
Marija toqgħod għal kliemu
21 Imbagħad, Marija, fil-waqt li fetħet idejha u għolliet għajnejha lejn is-serna, qalet: Hawn hi 1-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skond kelmtek.
KAP VIII
Ġużeppi jmur lura l-Galilija biex jiżżewweġ lix-Xebba li kien tgħarras
Mar, għalhekk, Ġużeppi mil-Lhudija għall-Galilija; bil-ħsieb li jiżżewweġ lix-Xebba li kienet imgħarrsa lilu. 2 Għax kien qrib it-tliet xhur mindu tgħarrset lilu. 3 Fl-aħħar deher fil-wiċċ li kienet b’tarbija u dan ma setax jinħeba minn Ġużeppi.
Ġużeppi jintebah li hi b’tarbija, jinfixel u jagħmel ħsieb li jibgħatha bil-moħbi
4 Għaliex, fil-waqt li mar għand ix-Xebba ħieles fl-imġiba, bħala wieħed għarus u tkellem bħala ta’ ġewwa magħha, qabadha li kienet b’tarbija. 5 U dlonk beda jħossu mifxul u bejn ħaltejn, ma jafx liema triq tkun l-anjar li jieħu; 6 għax, billi kien raġel ġust, ma riedx jikxifha, lanqas itellfilha ġiehha bil-ħsieb ħazin li kienet żienja, la darba kien raġel tajjeb. 7 Għalhekk, għamel il-ħsieb li jtemm bil-moħbi l-ftehim ta’ bejniethom u, hekk ukoll bil-moħbi, li jibgħatha.
L-anġlu jgħarrfu li dak m’hux xogħol il-bniedem, imma bil-ħidma ta’ Ruħ il-Qodos
8 Imma fil-waqt li kien qiegħed jitħasseb fuq dawn il-ħwejjeġ, ara dehirlu anġlu tal-Mulej fl-irqad u qallu: Ġużeppi, bin David, la tibżax; 9 m’għandikx toqgħod taħseb ħażin li x-Xebba hija ħatja taż-żina jew li taħseb xi ħaġa mhux sewwa fuqha, lanqas għandek tibża’ teħodha b’martek; 10 għax dak li tnissel fiha u li issa qiegħed idejjaqlek moħħok, m’hux xogħol il-bniedem, imma ta’ Ruħ ilQodos. 11 Għax hi fost in-nisa kollha hija biss dik ix-Xebba li se tiled l-Iben ta’ Alla u int issemmih Ġesu’, jiġifieri, il-Ħellies, għax hu jeħles lin-nies tiegħu minn dnubiethom.
Ġużeppi jiżżewwiġha, iżda jżommha safja
12 Ġużeppi, minnufih, skond l-amar ta’ l-anġlu, iżżewweġ lix-Xebba u ma għarafhiex, iżda żammha safja.
Jerġa’ jmur magħha Betlehem fejn tiled ‘il Kristu
13 U issa qorob id-disa’ xahar mit-tnissil tagħha, meta Ġużeppi ħa ‘l martu u xi ħwejjeġ oħra li kienu meħtieġa lejn Betlehem, il-belt minfejn ġie. 14 U ġara, waqt li kienu hemm, li jiemha kienu seħħu għaliha biex tiled. 15 U hija wildet l-ewwel iben mitwieled tagħha, kif għallmu l-Evanġelisti Mqaddsa, ‘il Sidna Ġesu’ Kristu tabilħaqq, li mal-Missier, l-Iben u Ruħ il-Qodos igħix u jsaltan għal żminijiet bla tmiem.