Il-Protoevanġelju ta’ San Ġakbu

IL-PROTOEVANĠELJU
jew Ġrajja Storika tat-Twelid ta’ Kristu u x-Xebba ta’ Dejjem Marija Ommu, minn Ġakbu ż-Żgħir,  Qarib u Ħu l-Mulej Ġesu’, Appostlu Ewlieni u l-Ewwel Isqof ta’ l-Insara f’Ġerusalemm.

KAP  I

Ġwakkin raġel għani

Fil-ġrajja tat-12-il tribu’ ta’ Israel naqraw li kien hemm wieħed jismu Ġwakkin li, billi kien għani ħafna, kien jagħmel għotjiet imtennija lill-Mulej Alla, wara li kien qatagħha hekk: ġidi jkun ta’ fejda għan-nies kollha, u biex insib ħniena mill-Mulej Alla għall-maħfra ta’ dnubieti. 

Joffri lill-Mulej 

2 Imma f’għid kbir tal-Mulej, meta ulied Israel offrew għotjiethom, u Ġwakkin ukoll offra għotjietu, Ruben il-qassis il-kbir ħadha miegħu, fil-waqt li qallu, Ma jiswiex li inti toffri għotjietek, meta tara li ma kellek ebda wild f’Israel.

Mifxul minn Ruben il-qassis il-kbir għax ma kellux tfal f’Israel

3 Billi għal dan Ġwakkin tħasseb ħafna, telaq biex jistħarreġ il-kotba tat-tnax-il tribu’ ta’ Israel, ħalli jkun jaf jekk kienx hu biss li ma kellu ebda wild.

4 Iżda fit-tiftix sab li t-tajbin kollha kienu rawmu nisel f’Israel:

5 Imbagħad, ġieh f’moħħu l-Patrijarka Abraham, kif Alla fl-aħħar ta’ ħajtu kien tah ‘l ibnu Iżakk; li minħabba fih tnikket bil-bosta, u ma riedx li martu tarah:

Jerġa’ lura fix-xagħri u jsum 40 jum u 40 lejl

6 Imma reġa’ lura lejn il-barr, u waqqaf il-għarix tiegħu hemm, u sam erbgħin jum u erbgħin lejl fil-waqt, igħid bejnu u bejn ruħu:

7 Ma ninżilx jew biex niekol jew biex nixrob, sakemm il-Mulej Alla tiegħi jħares lejja, iżda t-talb ikun il-laħam u x-xorb tiegħi.

KAP  II

Anna, mart Ġwakkin tagħli għax ħawlija

U kienet dak il-ħin martu Anna mdejqa u mifxula minħabba żewġ ħwejjeġ, u qalet, Nagħli kemm għax jien armla, kif ukoll għax ħawlija.

2 Imbagħad, qorob għid kbir tal-Mulej, u Ġuditta, il-qaddejja tagħha qalet, Kemm se ddum tnikket ’l ruħek hekk?  Għid il-Mulej wasal, meta ma jiswiex li xi ħadd isewwed qalbu.

3 Ħu, mela, dan il-barnuż li ngħata minn waħda li tagħmel ħwejjeġ bħal dawn, għax ma jixraqx li jien, qaddejja, nilbsu, imma jgħit għal xi ħadd ogħla tax-xeħta tiegħek.

4 Iżda wieġbet Anna, itlaq minn ħdejja, m’iniex imdorrija bi ħwejjeġ bħal dawn; barra minn dan, il-Mulej lili baxxieni ħafna.

5 Nibża’ li xi ħadd ta’ fehma ħajna tak dan, u int ġejt biex tħammiġni bi dnubi.

Hija mmaqdra dwar dan minn Ġuditta, il-qaddejja tagħha

6 Imbagħad, wieġbet Ġuditta l-qaddejja tagħha, X’deni nista’ nixtieqlek meta int ma tismax minni?

7 Ma nistax nixtieqlek saħta ikbar minn dik li qiegħda taħtha, li biha tebaq Alla ġufek, biex ma tkunx omm f’Israel.

8 Għal dan tħawdet Anna bil-kbir, u wara li xeddet il-libsa tat-tieġ tagħha, għall-ħabta tat-tlieta ta’ wara nofs in-nhar marret iddur fil-ġnien tagħha.

Toqgħod bil-qiegħda taħt siġra tar-rand u titlob lill-Mulej

9 U rat siġra tar-rand, u qagħdet bil-qiegħda taħtha, u talbet lill-Mulej, tgħid,

10 Ja Alla ta’ missirijieti, berikni u qis talbi bħalma berikt ġuf Sarah, u tajtha iben, Iżakk.

KAP  III

Anna, fil-waqt li tilmaħ bejta ta’ għasfur tal-bejt qalb ir-rand, titbekka għax ħawlija.

U, fil-waqt li kienet qiegħda tħares lejn is-sema, lemħet bejta ta’ għasfur fir-randa.

2 U, qalbha magħfusa, qalet, Jaħasra għalija, min wilidni?  U liema ġuf żammni, biex kelli nkun hekk misħuta quddiem ulied Israel, u biex imaqdruni u jiddieħku bija fit-tempju ta’ Alla tiegħi: Jaħasra għalija, ma’ xiex nista’ nixxebbah?

3 Ma nixxibahx mad-dbejjeb ta’ l-art infushom, għax imqar id-dbejjeb ta’ l-art huma għammiela quddiemek, ja Mulej!  Jaħasra għalija, ma’ xiex nista’ nixxebbah?

4 Ma nixxibahx mal-bhejjem ħorox, għax imqar il-bhejjem ħorox huma għammiela quddiemek, ja Mulej!  Jaħasra għalija, ma’ xiex nista’ nixxebbah?

5 Ma nixxibahx ma’ dawn l-ilmijiet, għax imqar dawn l-ilmijiet huma għammiela quddiemek, ja Mulej!  Jaħasra għalija, ma’ xiex nista’ nixxebbah?

6 Ma nixxibahx mal-mewġ tal-baħar għax dan, sew jekk qiegħed, kif ukoll jekk imqalleb, bil-ħut li fih ifaħħar lilek, ja Mulej!  Jaħasra għalija, ma’ xiex nista’ nixxebbah?

7 Ma nixxibahx lanqas ma’ l-art infisha għax l-art tagħmel il-frott, u tfaħħar lilek, ja Mulej!

 

KAP  IV

Anġlu jidher lil Anna u jgħidilha li se tnissel; żewġ anġli jidhrulha fuq l-istess bxara

Imbagħad, waqaf anġlu tal-Mulej ħdejha, u qalilha, Anna, Anna, il-Mulej sema’ talbek; inti se tnissel u tiled, u l-ulieda tiegħek jitkellmha dwaru fid-dinja kollha.

2 U wieġbet Anna, Sakemm il-Mulej Alla tiegħi jgħix, dak li se niled, sew jekk ikun raġel, sew jekk tkun mara, jien naħtru lil Mulej Alla tiegħi, u jaqdih fil-ħwejjeġ qaddisa matul ħajtu kollha.

3 U ara, dehru żewġ anġli li qalulha: Ara żewġek Ġwakkin ġej bir-ragħajja tiegħu.

4 Għax anġlu tal-Mulej ukoll niżel għandu, u qal, il-Mulej Alla sema’ talbek, ħaffef u mur minn hawn, għax ara Anna, martek, se tnissel.

Ġwakkin jidbaħ 

5 U niżel Ġwakkin u sejjaħ ir-ragħajja tiegħu, u qal: ġibuli lil hawn għaxart iħrief nisa mingħajr dabra jew tebgħa, u dawn ikunu għall-Mulej Alla tiegħi.

6 U ġibuli tnax-il għoġol bla tebgħa, u t-tnax-il għoġol ikunu għall-qassisin u x-xjuħ.

7 Ġibuli wkoll mit mogħża, u l-mit mogħża jkunu għan-nies kollha.

Anna tmur tiltaqa’ miegħu

8 U niżel Ġwakkin mar-ragħajja, u qagħdet Anna ħdejn il-bieb u rat il-Ġwakkin ġej mar-ragħajja.

Ferħana li se tnissel

9 U marret tiġri, u mdendla ma’ għonqu, qalet: Issa naf li l-Mulej berikni bil-bosta.

10 Għax, ara, jien li kont armla m’għadnix aktar armla, u jien li kont ħawlija se nnissel.

KAP  V

Ġwakkin joqgħod l-ewwel jum f’daru, iżda ‘l għada jidbaħ

U qagħad Ġwakkin l-ewwel jum f’daru, iżda ‘l għada ġab għotjietu, u qal,

Jistħarreġ il-plattin fuq ġbin il-qassis

2 Jekk Alla se jkun ħanin miegħi, ħalli jurih il-plattin fuq ġbin il-qassis.

U hu bla dnub

3 U stħarreġ il-plattin li kien liebes il-qassis, u rah, u ara ma nsabx fih id-dnub.

4 U qal Ġwakkin, Issa naf li l-Muej hu ħanin miegħi, u ħafirli dnubieti kollha.

5 U niżel mit-tempju tal-Mulej imgħoddi bħala tajjeb, u mar lejn daru.

Anna tiled bint

6 U meta kienu għaddewlha disa’ xhur, wildet, u qalet lill-qabla, xi wlidt?

7  U qaltilha, tifla.

8 Imbagħad, qalet Anna, illum kabbar il-Mulej ‘il ruħi; u qegħditha fis-sodda.

Li ssemmiha Marija

9 U meta l-jiem tat-tisfija tagħha kienu għaddew, hija reddgħet it-tarbija, u semmietha Marija.

KAP  VI

Marija, ta’ disa’ xhur, tagħmel disa’ passi

U kull jum żdiedet it-tarbija fis-saħħa, hekk li meta kellha disa’ xhur, ommha qegħditha fl-art biex tara tiqafx bil-wieqfa; u meta mxiet disa’ passi, reġgħet lura f’ħoġor ommha.

2 Imbagħad, qabditha ommha, u qalet, Sakemm igħix il-Mulej, int ma terġax timxi fuq din l-art sa ma nġibek fit-tempju tal-Mulej.

Anna żżommha qaddisa

3 Għalhekk, mela, għamlet il-kmajra tagħha mkien qaddis, u ma kienet tħalli xejn ta’ barra minn hawn jew maħmuġ jersaq ħdejha, imma stiednet xi bniet mhux imniġġsa ta’ Israel, u warrbuha fil-ġenb.

 Meta jkollha sena, Ġwakkin jagħmlilha mikla kbira

4 Iżda meta t-tarbija kellha sena, għamel Ġwakkin mikla kbira, u stieden lill-qassisin, il-kittieba, ix-xjuħ – u n-nies kollha ta’ Israel;

5 U Ġwakkin, imbagħad, ippreżenta t-tifla lill-qassis il-kbir, u berkuha, igħidu, l-Alla ta’ missirijietna, ħa jbierek lil din it-tifla, u jagħtiha isem magħruf u dejjiemi matul il-ġenerazzjoniet kollha. U wieġbu n-nies kollha, hekk ikun. Amen.

6 Imbagħad, offrieha Ġwakkin għat-tieni darba lill-qassisin, berkuha, igħidu, Ja Alla l-aktar għoli, ħu ħsieb lil din it-tifla, u berikha b’barka li ma tintemm qatt.

 Anna tagħtiha sidirha, u tgħanni għanja lill-Mulej

7 Fuq din, refgħetha ommha, u tatha sidirha, u għanniet din il-għanja li ġejja lill-Mulej:

8 Irrid ingħanni għanja ġdida lill-Mulej Alla tiegħi, għax hu żarni, u neħħa minn fuqi t-tmaqdir ta’ l-egħdewwa tiegħi, u tani l-frott ta’ tjubitu, biex issa jkun jista’ jingħad lil ulied Ruben, li Anna qiegħda tredda’.

9 Imbagħad, qiegħdet lit-tarbija biex tistrieħ fil-kmajra li qaddsitilha, u ħarġet u qdiethom.

10 U meta l-mikla ntemmet, telqu ferħanin u jfaħħru lil Alla ta’ Israel.

KAP  VII

Meta Marija kellha tliet snin, Ġwakkin iġiegħel  xi xebbiet biex kull waħda minnhom tixgħel musbieħ, u jmur fit-tempju magħha

Iżda kibret it-tifla, u meta kellha sentejn, qal Ġwakkin lil Anna, Ejja neħduha fit-tempju tal-Mulej, biex inwettqu l-wegħda tagħna, li wegħidna lill-Mulej Alla, biex ma jagħdabx għalina u l-għotja tagħna ma tintlaqax.

2 Iżda qalet Anna, Ejja nistennew it-tielet sena, biex ma ssibx ruħha ma tafx kif taqbad tagħraf lil missierha.  U qal Ġwakkin, ejja nistennew.

3 U meta t-tarbija kellha tliet snin, qal Ġwakkin, Ejja nistiednu l-bniet tal-Lhud li m’humiex imniġġsa, u ħalli tieħu kull waħda minnhom musbieħ, u ħalli jinxtegħlu, biex it-tarbija ma ddurx lura, u moħħha  ma jkunx mixħut lejn it-tempju tal-Mulej.

4 U hekk għamlu sakemm telgħu fit-tempju tal-Mulej.  U laqagħha l-qassis il-kbir, u berikha, u qal, Marija, il-Mulej Alla kabbar ismek lill-ġenerazzjonijiet kollha, u sat-temm taż-żmien innifsu bik juri l-Mulej il-fidwa tiegħu lil ulied Israel.

Il-qassis il-kbir iqegħidha fuq it-tielet tarġa ta’ l-altar u hija tiżfen b’saqajha

5 U qegħidha fuq it-tielet tarġa ta’ l-altar, u taha l-Mulej il-grazzja, u żifnet fuq saqajha, u d-dar kollha ta’ Israel ħabbitha.

KAP  VIII

U telqu ommha u missierha mistagħġbin, u jfaħħru ‘l Alla, għax it-tifla ma reġgħetx marret lura għandhom.

Marija mitmugħa mill-anġli fit-tempju

2 Iżda qagħdet Marija bħal ħamiema fit-tempju titħarreġ hemmhekk, u kienet tieħu l-ikel minn id anġlu.

Meta jkollha tnax-il sena, il-qassisin jitħaddtu dwar x’se jagħmlu biha

3 U meta kellha tnax-il sena, iltaqgħu l-qassisin f’ġemgħa, u qalu, Araw, Marija għandha tnax-il sena, x’se nagħmlu biha, minħabba l-biża’ ħalli l-imkien imqaddes tal-Mulej Alla tagħna ma jkunx imniġġes?

4 Wieġbu, imbagħad, il-qassisin lil Żakkarija, il-qassis il-kbir, Oqgħod fuq l-altar tal-Mulej, u idħol fl-imkien qaddis, u itlob minħabba fiha, u kulma jurik il-Mulej, agħmlu.

5 Imbagħad, daħal il-qassis il-kbir fil-Qaddis tal-Qaddisin fil-waqt li ħa miegħu is-sidra tal-ħaqq ta’ fuq sidru u talab minħabba fiha.

L-Anġlu tal-Mulej iwiddeb lil Żakkarija biex isejjaħ flimkien l-irġiel romol kollha, kull wieħed iġib il-ħatar tiegħu.   

6 U ara, dehirlu l-anġlu tal-Mulej, u qal, Żakkarija, Żakkarija, oħroġ u sejjaħ flimkien l-irġiel romol kollha minn fost in-nies, u ħalli ‘l kull wieħed minnhom iġib il-ħatar tiegħu, u dak li bih il-Mulej juri għelm, ikun żewġ Marija.

In-nies jiltaqgħu bid-daqq tal-buq

7 U ħarġu n-neddejja fil-Lhudija kollha, u daqq il-buq tal-Mulej, u ġrew in-nies kollha u ltaqgħu flimkien.

Ġużeppi jarmi l-mannara tiegħu u jmur għal-laqgħa

8 Ġużeppi wkoll, fil-waqt li rema l-mannara, ħareġ biex jiltaqa’ magħhom; u meta kienu ltaqgħu, marru għand il-qassis il-kbir, jieħu kull raġel il-ħatar tiegħu.

Toħroġ ħamiema mill-ħatar tiegħu u toqgħod fuq rasu

9 Wara li l-qassis il-kbir laqa’ mingħandhom l-oħtra, daħal fit-tempju biex jitlob;

10 U meta kien temm it-talba tiegħu, ħa l-oħra u ħareġ iqassamhom, u ma sar ebda għaġeb fihom.

11 L-aħħar ħatar ħadu Ġużeppi, u ara, ħamiema ħarġet minn ġol-ħatar, u taret għal fuq ras Ġużeppi.

Jintgħażel biex jitgħarras lix-Xebba

12 Qal il-qassis il-kbir, Ġużeppi, inti hu dak li ntgħażel sabiex tieħu x-Xebba tal-Mulej, ħalli żżommhielu.

Ma jkunx irid għax hu raġel xiħ

13 Iżda ma riedx Ġużeppi, igħid, Jien raġel xiħ u għandi t-tfal, imma hi żagħżugħa u nibża’ biex ma nidhirx tad-daħk f’Israel.

14 Wieġeb, imbagħad, il-qassis il-kbir, Ġużeppi, ibża’ mill-Mulej Alla tiegħek, u ftakar kif mexa Alla ma’ Datan, Korah u Abiram, kif infetħet l-art u belgħethom minħabba t-tmerija tagħhom.

Ikun imġiegħel

15 Issa, mela, Ġużeppi, ibża’ minn Alla biex ma jiġrux ħwejjeġ bħal dawn f’familtek.

Jeħodha d-dar u jmur jaħdem fis-sengħa tiegħu tal-bini

16 Imbagħad, Ġużeppi, billi beża’, ħadha f’daru, u qal Ġużeppi lil Marija, Ara, ħadtek mit-tempju tal-Mulej, u issa se nħallik f’dari; ikolli mmur biex nilħaq mas-sengħ tiegħi tal-bini.  Il-Mulej ikun miegħek.

 

KAP  IX

Il-qassisin jixtiequ star ġdid għat-tempju

U ġara li, f’laqgħa tal-qassisin, intqal, ejjew nagħmlu star ġdid għat-tempju.

2 U l-qassis il-kbir qal, sejħu flimkien għandi seba’ xebbiet mhux imniġġsa mit-tribu’ ta’ David.

Seba’ xebbiet jerfgħu x-xorti biex jagħmlu bċejjeċ differenti minnu

3 U marru l-qaddejja u ġabuhom fit-tempju tal-Mulej, u qalilhom il-qassis il-kbir, erfgħu x-xorti quddiemi issa, min minnkom se jinseġ il-ħajt tad-deheb, min l-ikħal, min l-aħmar skarlat, min il-għażel fin, u min il-vera porpra.

Ix-xorti biex tinseġ il-vera porpra taqa’ fuq Marija

4 Kien, issa, jaf il-qassis il-kbir lil Marija, li kienet mit-tribu’ ta’ David; u sejħilha u messet lilha x-xorti li tinseġ il-vera propra, u telqet lejn darha.

Żakkarija, il-qassis il-kbir, jitbikkem

5.  Iżda minn dak il-ħin Żakkarija, il-qassis il-kbir tbikkem, u sar floku Samwel sakemm Żakkarija tkellem.

6 Iżda ħadet Marija l-vera porpra, u nisġitha.

Marija tieħu l-qolla biex terfa’ l-ilma, u tisma’ leħen

7 U ħadet qolla, u ħarget timla l-ilma, u semgħet leħen igħidilha, Is-sliem għalik, int mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek, imbierka int fost in-nisa.

Tirtogħod u tibda taħdem

8 U daret tħares lejn il-lemin u lejn ix-xellug (biex tara) minfejn ġie dak il-leħen, u mbagħad, imriegħda, marret id-dar u fil-waqt li niżżlet il-qolla ta’ l-ilma, ħadet il-ħajt tal-porpra u qagħdet bil-qiegħda fuq il-maqgħad tagħha biex taħdmu.

Jidhrilha anġlu u jsellmilha, u jgħidilha li se tnissel minn Ruħ il-Qodos

9 U ara, qagħad Anġlu tal-Mulej ħdejha, u qal, La tibżax, Marija, għax int sibt għoġba quddiem Alla,

10 Li, meta semgħet hekk, ħasbet bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser tislima bħal dik.

11 U qalilha l-Anġlu, il-Mulej miegħek, u inti se tnissel:

12 Li għaliha wieġbet, X’inhi?  Se nnissel minn Alla l-ħaj, u niled kif jagħmlu n-nisa l-oħra kollha?

13 Imma weġibha lura l-anġlu, Mhux hekk, ja Marija, iżda Ruħ il-Qodos jinżel fuqek, u l-qawwa ta’ l-Aktar Għoli ddellek;

14 U, għaldaqstant, dak li se jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Iben Alla l-Ħaj, u int se ssemmih Ġesu’, għax jeħles lil niesu minn dnubiethom.

15 U ara, qaribtek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi xjuħitha.

16 U issa dan huwa s-sitt xahar tagħha, li kienet tissejjaħ ħawlija; għax m’hemm xejn li ma jistax ikun f’Alla.

Toqgħod għal kliemu

17 U qalet Marija, Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skond kelmtek.

18 U wara li kienet ħadmet il-ħajt tal-porpra tagħha, ħaditu għand il-qassis il-kbir, u l-qassis il-kbir berikha, u jgħid, Marija, il-Mulej Alla kabbar ismek, u inti tkun imbierka fl-iżmna kollha tad-dinja.

Iżżur lil qaribtha Eliżabetta, li t-tarbija tagħha f’ġufha, taqbeż

19 Imbagħad, Marija, mimlija bil-ferħ, telqet għal għand qaribtha Eliżabetta, u ħabbtet il-bieb.

20 Li meta semgħet Eliżabetta, marret tiġri u fetħitilha, u berktiha, u qalet, Minfejn hu dan għalija li omm il-Mulej tiegħi għandha tiġi għandi?

21 Għax ara, malli leħen it-tislima wasal f’widnejja, dak li hawn ġo fija qabeż u bierkek.

22 Iżda Marija, billi ma kienet taf xejn fuq il-ħwejjeġ moħbija kollha li dwarhom kellimha l-Arkanġlu Gabrijel, għolliet għajnejha lejn is-sema, u qalet, Mulej, Min jien li kull nisel ta’ din l-art  għandu jsejjaħli mbierka?

23 Imma billi għarfet fiha nfisha li kienet qiegħda titqawwa kull jum, u billi beżgħet, marret id-dar, u nħbiet minn ulied Israel; u kellha erbatax-il sena meta ġraw dawn il-ħwejjeġ.

KAP  X

Ġużeppi jiġi lura mill-bini tad-djar, u jsib li x-Xebba kienet tqawwiet, billi kellha sitt xhur tqala

U meta wasal is-sitt xahar, Ġużeppi ġie lura mill-bini tad-djar barra, li kienet is-sengħa tiegħu, u malli daħal id-dar, sab li x-xebba kienet tqawwiet.

 Igħir u jitħawwad

2 Imbagħad, fil-waqt li ta fuq wiċċu, qal, B’liema wiċċ nista’ nħares lejn il-Mulej Alla tiegħi?  Jew, x’nista’ ngħid dwar din il-mara żagħżugħa?

3 Għax jien ilqajtha għandi Xebba mit-tempju tal-Mulej Alla tiegħi, u ma żammejthiex hekk.

4 Min qarraq bija hekk?  Min għamel dan il-ħażen f’dari, u fil-waqt li ħajjarha titbiegħed minni, ħammiġha?

5 Il-ġrajja ta’ Adam ma seħħitx fija wkoll bħalma qiegħed ngħid?

6 Għax f’dak il-waqt innifsu ta’ sebħu, ġie s-serp u sab lil Eva weħdiha, u għallatha.

7 Hekk ukoll ġara lili.

U jċanfarha

8 Imbagħad, Ġużeppi, fil-waqt li qam mill-art, sejħilha, u qal, Ah int, li hekk intgħoġobt minn Alla, għaliex għamilt dan?

9 Għaliex baxxejt ruħek, li tħarriġt fil-Qaddis tal-Qaddisin, u lqajt għandek l-ikel minn id l-anġli?

Tistqarr in-nuqqas ta’ ħtija tagħha

10 Iżda hi, b’għargħar ta’ dmugh, wieġbet, Jiena bla ħtija, u ma għaraft ebda raġel.

11 Imbagħad, qal Ġużeppi, kif inhi din li int b’tarbija?

12 Wieġbet Marija, Sakemm il-Mulej Alla tiegħi jgħix, ma nafx kif.

Jitlaqha

13 Imbagħad, tbeżża’ qatigħ Ġużeppi, u telaq minn ħdejha; u hekk, fil-waqt li kien jaħseb  x’għandu jagħmel biha, tħaddet miegħu nniffsu:

14 Jekk naħbi ħtijitha, ninsab ħati kontra l-liġi tal-Mulej;

15 Jekk nikxifha ma wlied Israel, nibża’, jekk inhi b’tarbija minn anġlu, li ninsab li xlejt il-ħajja ta’ bniedma bla ħtija.

Jagħmel f’moħħu li jibgħatha bil-moħbi

16 X’se nagħmel, mela?  Nibgħatha bil-moħbi.

Ikun imwiddeb f’ħolma li Marija hija b’tarbija minn Ruħ il-Qodos

17 Imbagħad, ġie fuqu l-lejl, meta, ara, dehirlu anġlu tal-Mulej f’ħolma, u qal,

18 La tibżax tieħu ‘l dik iż-żagħżugha għax dak li hemm fiha huwa minn Ruħ il-Qodos;

19 U hija tiled iben, u ssemmih Ġesu’, għax jeħles lil niesu minn dnubiethom.

U  jsebbaħ lil Alla li wrieh għoġba bħal din

20 Imbagħad, qam Ġużeppi mir-raqda tiegħu, u sebbaħ lil Alla ta’ Israel, li kien urieh għoġba bħal dik u ħares lix-xebba.

KAP  XI

Annas iżur lil Ġużeppi, jilmaħ ix-Xebba qawwija b’tarbija

Ġie, imbagħad, Annas il-kittieb, u qal lil Ġużeppi, ’ilgħala ma rajniek xejn mindu rġajt lura?

2 U wieġeb Ġużeppi, għax kont għajjien wara l-mixja tiegħi, u l-ewwel jum striħajt.

3 Iżda Annas, kif dar lemaħ ix-Xebba qawwija b’tarbija.

Igħarraf lill-Qassis il-Kbir li Ġużeppi kien iżżewwiġha bil-moħbi

4 U telaq għal għand il-qassis, u qallu, Ġużeppi, li fuqu inti qgħadt wisq, ħati ta’ dnub magħruf, billi ħammeġ ix-Xebba li laqa’ għandu mit-tempju tal-Mulej u żżewwiġha bil-moħbi, bla ma kixifha ma’ wlied Israel.

5 Qal, imbagħad, il-qassis, Għamel dan Ġużeppi?

6 Wieġeb Annas, Jekk tibgħat lil xi ħadd mill-qaddejja tiegħek, issib li hija b’tarbija.

7 U marru l-qaddejja, u sabu bħalma kien qal.

Ġużeppi u Marija mħarrkin b’din ix-xilja

8 Imbagħad, minħabba f’dan, inġiebu għall-prova, kemm hija kif ukoll Ġużeppi, u qalilha l-qassis, Marija x’għamilt?

9 Għaliex tbaxxejt, u nsejt lil Alla tiegħek, meta tara li inti trabbejt fil-Qaddis tal-Qaddisin, u lqajt għandek l-ikel minn idejn l-anġli, u smajt il-għanjiet tagħhom?

10 Għaliex għamilt dan?

11 Li għal dan wieġebet b’għargħar ta’ dmugħ f’għajnejha, Sakemm il-Mulej Alla tiegħi jgħix, jiena bla ħtija quddiem il-ħarsa tiegħu, meta jara li jien ma nagħraf ebda raġel.

12 Qal, imbagħad, il-qassis lil Ġużeppi, Għaliex għamilt dan?

13 U wieġeb Ġużeppi, Sakemm il-Mulej Alla tiegħi jgħix, jien ma kellix x’naqsam magħha.

14 Iżda qal il-qassis, La tiġdibx, iżda stqarr is-sewwa; int iżżewwiġtha bil-moħbi, u ma kxifthiex ma’ wlied Israel, u ċekkint lilek innifsek taħt l-id qawwija (ta’ Alla), biex in-nislek ikun imbierek.

15 U Ġużeppi baqa’ ħiemed.

16 Qal, imbagħad, il-qassis (lil Ġużeppi), Int għandek trodd lura lit-tempju tal-Mulej ix-Xebba li ħadt minn hemm.

Ġużeppi jixrob l-ilma tal-Mulej bħala tiġrib u billi ma jiġrilu xejn imur lejn id-dar

17 Iżda hu beka biki jaqsam il-qlub, u żied il-qassis, Se nġegħilkom it-tnejn tixorbu mill-ilma tal-Mulej, li qiegħed għall-prova, u hekk il-ħażen tagħkom jinkixef quddiemkom.

18 Ħa, imbagħad, il-qassis l-ilma u ġiegħel lil Ġużeppi jixrob, u bagħtu lejn imkien ġebli.

19 U reġa’ lura fl-aħjar ta’ saħħtu, u stagħġbet in-nies kollha li ħtijitu ma nkixfitx.

20 Qal, għalhekk, il-qassis, La darba l-Mulej ma weriex dnubietek fid-dieher, lanqas jien ma nagħmel ħaqq minnek.

21 Għalhekk bagħathom lil hemm.

22 Ħa, imbagħad, Ġużeppi lil Marija, u mar f’daru jifraħ u jfaħħarlil Alla ta’ Israel.

KAP  XII

 Digriet minn Augustu dwar il-ħlas tal-ħaraġ mil-Lhud 

U ġara, li ħareġ digriet mill-Imperatur Awgustu, li l-Lhud kollha, li kienu minn Betlehem fil-Lhudija, kellhom iħallsu l-ħaraġ.

2 U qal Ġużeppi, se nieħu ħsieb li ħaraġ uliedi jitħallas, iżda x’se nagħmel b’din il-mara żagħżugħa?

3 Li nħallsilha l-ħaraġ bħala marti huwa għajb għalija; jekk inħallsilha  bħala binti, Israel kollu jaf li m’hix binti.

4 Meta jasal iż-żmien magħżul mill-Mulej, ħa jagħmel kif jidher li hu tajjeb għalih.

Ġużeppi jqiegħed lil Marija fuq ħmara biex imur lura f’Betlehem

5 U xedd il-ħmara, u qegħidha fuqha, u mxew warajha Ġużeppi u Xmun, u waslu Betlehem taħt tliet mili.

Tidher imnikkta

6 Imbagħad, fil-waqt li dar, Ġużeppi lemaħ lil Marija mnikkta, u qal bejnu u bejn ruħu, Jista’ jkun li muġugħa minħabba f’dak li hemm fiha.

Tidħak

7 Iżda meta reġa’ dar, raha tidħak, u qalilha:

Ġużeppi jistaqsi ‘l għala bkiet u daħket

8 Marija, kif qiegħed jiġri, li xi darba narak bid-dwejjaq, u xi darba wiċċek jixgħel bid-daħk u l-ferħ?

Tgħidlu li qiegħda tara tnejn min-nies, wieħed imnikket u l-ieħor ferħan

9. U weġbitu Marija, Qiegħda nara b’għajnejja tnejn min-nies, ‘il wieħed jolfoq u jitnikket, u l-ieħor jidħak u jifraħ.

Billi l-ħlas kien fil-qrib, niżżilha minn fuq il-ħmara u jqegħidha ġewwa għar

10 U reġa’ qasam it-triq, u qalet Marija lil Ġużeppi, Niżżilni minn fuq il-ħmara għax dak li qiegħed fija qiegħed jagħfas biex joħroġ.

11 Iżda wieġeb Ġużeppi, ‘Il fejn se nieħdok?  Għax dan l-imkien barr.

12 Reġgħet qalet, imbagħad, Marija lil Ġużeppi, Niżżilni, għax dak li hawn ġo fija qiegħed jagħfas bil-qawwa.

13 Imbagħad, niżżilha Ġużeppi.

14  U sab hemm għar u daħħalha ġo fih.

KAP  XIII

Ġużeppi jfittex qabla Lhudija

U fil-waqt li ħalla lilha u ‘l uliedu fil-għar, Ġużeppi mar ifittex qabla Lhudija fir-raħal ta’ Betlehem.

Jintebah bit-tajr wieqaf waqt it-titjir

2 Iżda fil-waqt li kont sejjer (qal Ġużeppi) ħarist ‘il fuq fl-ajru u rajt is-sħab mistagħġeb u t-tajr ta’ l-ajru jieqaf f’nofs it-tajran tiegħu.

Il-ħaddiema li kienu qegħdin jieklu ma jitħarrkux

3 U ħarist ‘l isfel lejn l-art u rajt mejda mifruxa u l-ħaddiema bil-qiegħda madwarha, iżda idejhom kienu fuq il-mejda u ma kinux jitħarrku biex jieklu.

4 Dawk li kellhom il-laħam f’ħalqhom ma kinux jieklu.

5 Dawk li refgħu idejhom għal ma’ rashom ma ġibduhomx lura.

6 Dawk li refgħuhom lejn ħalqhom ma tefgħu xejn ġewwa.

7 Iżda wiċċhom ilkoll kien wieqaf ‘il fuq.

In-ngħaġ ma jiċċaqilqux

8 U rajt in-ngħaġ imferrxin, u b’dana kollu n-ngħaġ kienu weqfin.

Ir-ragħaj imwaħħal u ma jitħarrikx

9 U r-ragħaj refa’ idu biex jaħbathom, u idu baqgħet ‘il fuq.

U l-gidjien b’ħalqhom ma’ l-ilma, iżda ma jixorbux

10 U ħarist lejn ix-xmara u rajt il-gidjien b’ħalqhom qrib l-ilma, iżda ma kinux jixorbu.

KAP  XIV

Ġużeppi jsib qabla

Imbagħad, ilmaħt mara nieżla minn fuq l-iġbla, u qaltli, fejn sejjer, ja raġel?

2 U għidtilha, Sejjer nistaqsi għal qabla Lhudija.

3 Weġbitni, Fejn hi l-mara li se teħles?

4 U weġibt, Fil-għar, u hija mgħarrsa lili.

5 Qalet, imbagħad, il-qabla, m’hijiex martek?

6 Wieġeb Ġużeppi, Hija Marija li tħarrġet fil-Qaddis tal-Qaddisin, f’dar il-Mulej, u telgħet b’xortija, u m’hix marti, iżda nisslet minn Ruħ il-Qodos.

7 Qalet il-qabla, Minnu dan?

8 Wieġeb, Ejja u ara.

9 U marret il-qabla miegħu u waqfet fil-għar.

Sħaba tiddi ddellel il-Għar

10 Imbagħad, sħaba tiddi dellet il-għar, u qalet il-qabla, Illum ruħi mkabbra, għax għajnejja raw ħwejjeġ tal-għaġeb, u wasal il-ħelsien għal Israel.

Dawl kbir fil-għar jiżdied ftit ftit sakemm titwieled it-tarbija

11Iżda f’daqqa waħda saret is-sħaba dawl kbir fil-għar hekk li għajnejhom ma setgħux iġarrbuh.

12 Iżda naqas bil-ftit il-ftit id-dawl sakemm dehret it-tarbija u kienet terda’ minn sider ommha Marija.

Toħroġ il-qabla u tgħid lil Salome li rat Xebba tiled

13 Għajtet, imbagħad, il-qabla, u qalet, X’jum ta’ sebħ hu dan li fih raw għajnejja dehra barranija.

14 U ħarġet il-qabla mill-għar, u ltaqgħet magħha Salome.

15 U qaltilha l-qabla, Salome, Salome, se ngħidlek l-iżjed ħaġa tal-għaġeb li rajt,

16 Xebba wildet li hija ħaġa kontra n-natura.

Salome tiddubita

17 Li għal dan wieġbet Salome, Sakemm il-Mulej Alla tiegħi jgħix, jekk ma jkollix prova għal hekk fuq din il-ħaġa, ma nemminx li Xebba wildet.

18 Daħlet, imbagħad, Salome, u qalet il-qabla, Marija, uri ruħek għax qamet tilwima kbira dwarek.

19 U qatgħet Salome xewqitha,

Idha tinxef

20 Iżda nixfet idha u karbet bil-qawwi.

21 U qalet, Jaħasra għalija minħabba l-ħażen tiegħi għax ġarrabt lil Alla l-Ħaj, u idi għoddha se tinqala’ barra.

U titlob lil Alla

22 Imbagħad, għamlet Salome talba lill-Mulej, u qalet, Alla ta’ missirijieti, ftakar fija għax jien miż-żerriegħa ta’ Abraham, u Iżakk u Ġakobb.

23  Tagħmilnix ċanfira fost ulied Israel, imma roddni sħiħa lill-ġenituri tiegħi.

24 Għax int taf tajjeb, ja Mulejja, li qdejt ħafna dmirijiet ta’ mħabba f’ismek u lqajt għandi l-għotjiet mingħandek.

25 Minħabba f’dan, waqaf anġlu tal-Mulej ħdejn Salome, u qal, Sema’ l-Mulej talbek, tawwal idek lejn it-tifel, u erfgħu, u hekk tkun imfejqa.

26 Salome, mimlija b’ferħ li jisboq, resqet lejn it-tifel, u qalet, Irrid mmissu:

27 U kellha l-ħsieb tqimu, għax qalet, Dan hu s-Sultan il-Kbir li twieled f’Israel.

Tkun imfejqa

28 U fieqet Salome minnufih.

29 Ħarġet, imbagħad, il-qalba mill-għar bir-rieda ta’ Alla.

 Iżda mwiddba biex ma tistqarrx dak li kienet rat

30 U hekku ġie leħen għand Salome, Tistqarr qatt dawn il-ħejjeġ tal-għaġeb li rajt, sakemm it-tifel jiġi Ġerusalemm.

31  Hekk telqet Salome bir-rieda ta’ Alla.

KAP  XV

Għorrief jiġu mil-Lvant

Kien, imbagħad, Ġużeppi qiegħed ihejji biex jitlaq, għax qam taħwid kbir b’Betlehem bil-miġja ta’ xi għorrief tal-lvant,

2 Li qalu, Fejn twieled is-Sultan tal-Lhud?  Għax rajna l-kewkba tiegħu fil-Lvant u ġejna biex inqimuh.

Erodi jindiehex

3 Meta Erodi sema’ dan, tħawwad bil-kbir u bagħat il-baxxar għand il-għorrief u għand il-qassisin u stħarrġuhom fis-sala tal-laqgħat tal-belt.

4 U qalilhom, Fejn għandkom miktub dwar Kristu s-Sultan jew fejn għandu jitwieled?

5 Igħidulu, imbagħad, F’Betlehem fil-Lhudija, għax dan hu miktub:  U int, Betlehem fl-art ta’ Ġuda, m’intix l-iżgħar fost il-prinċpijiet ta’ Ġuda, għax minnke joħroġ mexxej, li jaħkem lill-poplu tiegħi Israel.

6 U wara li bagħat lil hemm lill-qassisin il-kbar, staqsa lill-għorrief fis-sala tal-laqgħat tal-belt u qalilhom, Liema għelm rajtu dwar is-sultan li tiwieled?

7 Weġbuh, Rajna kewkba kbira tabilħaqq tiddi qalb il-kwiekeb tas-sema, u hekk li tfiet il-kwiekeb l-oħra kollha, li ma baqgħux jidhru, u rajna minn hekk li Sultan kbir kien twieled f’Israel, u għalhekk ġejna biex inqimuh.

U jridhom, jekk isibu t-tarbija, biex igħadddulu kelma

8 Qalilhom, imbagħad, Erodi, Morru agħmlu tftittxija bil-ħerqa, u jekk issibu t-tarbija, erġgħu għadduli kelma, biex inkun nista’ niġi u nagħtih qima jien ukoll.

9 Il-għorrief, mela, baqgħu sejrin, u ara, il-kewkba li kienu raw fil-Lvant imxiet quddiemhom, sakemm waslet u qagħdet fuq il-għar fejn kien hemm it-tarbija m’ommha Marija.

Iżuru l-għar, u joffru lit-tarbija t-teżori tagħhom

10 Imbagħad, ħarġu t-teżori tagħhom, u offrewlu deheb, inċens u mirra.

U wara li jkunu mwiddba f’ħolma ma jmorrux lura għand Erodi, iżda jmorru d-dar minn triq oħra

11 U wara li kienu mwiddba minn Anġlu f’ħolma, li m’għandhomx imorru lura għand Erodi mil-Lhudija, telqu lejn arthom minn triq oħra.

KAP  XVI

Erodi mdagħdagħ, jamar biex it-trabi kollha ta’ Betlehem ikunu maqtula   

Meta, imbagħad, Erodi ntebah li l-għorrief kienu daħku bih, u mgħaddab għall-aħħar, amar xi rġiel biex imorru u joqtlu t-tfal kollha li kien hemm Betlehem, minn sentejn ‘l isfel.

Marija tqiegħed it-tarbija tagħha f’maxtura tal-gniedes

2 Iżda Marija, meta semgħet li t-tfal kienu se jinqatlu,  billi kienet b’biża’ kbir fuqha, ħadet it-tifel, kebbitu fil-fsieqi, u medditu f’maxtura tal-gniedes, għax ma kienx hemm wisa’ għalihom fil-lukanda.

 Eliżabbetta taħrab b’binha Ġwanni lejn l-iġbla

3 Ukoll Eliżabetta, meta semgħet li binha Ġwanni dal-waqt kien se jkun imfittex, ħaditu u telgħet lejn l-iġbla, u ħarset madwarha għal x’imkien fejn taħbih.

4 U ma nsab imkien mistur.

5 U tmiehdet, imbagħad, bejnha u bejn ruħha, u qalet, Ja ġebel il-Mulej, ilqa’ għandek l-omm bit-tarbija.

Blata tinqasam b’mod tal-għaġeb u tilqagħhom

6 Għax ma setgħetx Eliżabetta tixxabbat.

7 U nferaq minnufih il-blat  u laqagħhom għandu.

8 U dehrilhom anġlu tal-Mulej biex isaħħaħhom.

Erodi msaħħan minħabba l-ħarba ta’ Ġwanni, iġiegħel li Żakkarija jinqatel ħdejn il-midbaħ

9 Iżda għamel Erodi tiftixa għal Ġwanni, u bagħat il-qaddejja għand Żakkarija, meta kien (qiegħed jaqdi) fuq il-midbaħ, u qalulu,  Fejn ħbejtu ‘l ibnek?

10 Weġibhom, Jien serv ta’ Alla u qaddej tal-midbaħ, kif nista’ nkun naf fejn hu ibni?

11 Għalhekk, marru l-qaddejja lura, u qalu kollox lil Erodi; li tmasħna qatigħ għal dan, u qal, ma qisux dan ibnu li għandu jkun Sultan ta’ Israel?

12 Reġa’, għalhekk, bagħat lill-qaddejja tiegħu għand Żakkarija, u qalulu, Għidilna s-sewwa, fejn hu ibnek, għax int taf li ħajtek f’idejna.

13 Marru, mela, l-qaddejja u qalulu dan kollu:

14 Weġibhom, iżda, Żakkarija, Jien martri għal Alla, u jekk inxerred demmi, jilqa’ l-Mulej ruħi għandu.

15 Barra minn dan, kunu afu li tkunu qegħdin ixxerrdu demm bla ħtija.

16 B’dana kollu, safa Żakkarija maqtul fid-daħla tat-tempju u l-midbaħ, u ħdejn il-ħajt li jifred.

17 Iżda ma kinux jafu wlied Israel meta safa maqtul.

18 Imbagħad, fil-ħin tat-tislima, daħlu l-qassisin fit-tempju, iżda ma laqagħhomx Żakkarija kif kien imdorri jagħmel u ma berikhomx.

19 B’danakollu, baqgħu jistennew biex isellmilhom.

20 U meta sabu li ma ġiex f’ħin twil, wieħed minnhom ittarraf jidħol fl-imkien qaddis fejn kien hemm il-midbaħ, u ra d-demm magħqud fl-art.

21 Meta, ara, leħen mis-sema qal, Żakkarija safa maqtul, u demmu ma jintmesaħx sakemm jiġi dak u jitħallas ta’ demmu.

22 Iżda meta sema’ dan, beża’, u mar igħid lill-qassisin x’ra u x’sema’; u daħlu lkoll, u raw x’kien ġara.

L-isqfa tat-tempju jiċċarrtu, il-ġisem jinġarr b’mod tal-għaġeb u d-demm jiġġebbel

23 Imbagħad, għawew l-isqfa tat-tempju, u ċċarrtu mill-quċċata sal-qiegħ:

24 U ma setgħux isibu l-ġisem, iżda d-demm biss imwebbes daqs il-ġebel.

Israel jitnikket minħabba fih

25 U telqu, u qalu lin-nies, li Żakkarija safa maqtul, u semgħu b’dan it-tribujiet kollha ta’ Israel, u tnikktu għalih, u tbikkew għal tlett ijjiem.

26 Imbagħad, tħaddtu l-qassisin bejniethom dwar min kellu jilħaq floku.

Xmuni jintgħażel bix-xorti biex jidħol floku

27 U Xmuni u l-qassisin l-oħra refgħu x-xorti, u x-xorti wagħet fuq Xmuni.

28 Għax kien aċċertat minn Ruħ il-Qodos, li ma kellux imut, sakemm ikun ra lil Kristu magħmul bniedem.

Jien, Ġakbu, ktibt din l-istorja f’Ġerusalemm: u meta kien ir-rewwixta, jiem mort lura fil-barr sal-mewt ta’ Erodi. U r-rewwixta waqfet f’Ġerusalemm.  Li baqa’ hu, li nsebbaħ lil Alla li tani għerf bħal dan li niktbilkom, li intom tar-ruħ u li tħobbu ‘l Alla: li lilu jistħoqqu s-sebħ u l-ħakma  għal dejjem ta’ dejjem. Amen.


TIFSIR TA’ XI KLIEM

għid kbir tal-Mulej, festa kbira ta’ Alla,

barr, deżert, xagħri,

ħajna, ħażina, brikkuna, makakka.

ħawlija, sterili, mhux għammiela,

jgħit għal, adattat għal, joqgħod sewwa għal,

dbejjeb, animali selvaġġi,

bxara, aħbar imwassla minn xi ħadd,

l-ulieda, in-nisel, dak li jitwieled minn xi ħadd,

jidbaħ, joffri s-sagrifiċċju,

plattin, biċċa rqiqa deheb safi, imnaqqax fuqha ‘Qodos lill-Mulej’, marbuta b’ħajta vjola fuq it-turbant, in-naħa ta’ ġbin il-qassis; ara wkoll Eżodu, 38, 36.

qabla, majjistra,

mikla, pranzu,

kmajra, kamrin, kamra żgħira,

jagħdabx, jinkurlax,

ħatar, bastun,

daqq tal-buq, daqq tat-tromba,

fl-imkien, fil-post,

sidra tal-ħaqq, ara wkoll Eżodu XXVIII, 22, eċċ.,

neddejja, dawk li jniedu,

tmerija, nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ dak li jingħad,

jitbikkem, jimmuta,

star, velu, purtiera,

Ruħ il-Qodos, l-Ispirtu s-Santu,

vera porpra, il-parti l-ħamra,

maqgħad, siġġu, banketta, żerkuna,

għallatha, ġegħilna tiżbalja,

ġebel/iġbla, muntanja, muntanji,

ġebli, kollu blat jew muntanjuż,

l-Ilma tal-Mulej, ‘l-ilma morr tas-saħta’, l-ilma bit-trab, li kien jingħata lill-mara li tkun naqset lil żewġha; ara wkoll Numri 5,18.

Qaddis tal-Qaddisin, l-aktar parti sagra tat-tempju,

jamar, jikkmanda,

mgħaddab, inkurlat, irrabjat.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading