Ġwanni Pawlu II fil-Jum Dinji tal-Paċi, 1985

QUDDIESA GĦAT-XVIII-IL ĠURNATA TAL-PAĊI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Solennità ta’ Marija Santissima Omm Alla
Bażilika ta’ San Pietru, l-1 ta’ Jannar 1985

“Meta waslet il-milja taż-żmien . . .” (Gal 4, 4).

Skont il-kalkolu uman taż-żmien, illum tibda s-sena l-ġdida 1985. F’dan il-kalkolu jirrifletti ruħu r-ritmu kożmiku ta’ li se jsir, li għalih huwa sottomess il-bniedem u li għalih huwa konxjament jipparteċipa.

Il-Knisja tiddeduċi s-sinifikat tas-sena l-ġdida mill-misteru tat-twelid ta’ Alla. Il-liturġija infatti teħodna mill-ġdid għal darb’oħra bil-ħsieb fil-grotta ta’ Betlem: nieħdu sehem fil-ġrajja tal-lejl imqaddes u naraw bl-għajnejn tar-rgħajja il-Bamdin mindud fil-maxtura , imdawwar minn Marija u Ġużeppi.

Illum hu il-jum tal-ottava tal-Milied. Għajnejna huma mimlijin b’dak l-istagħġib li jitnissel mir-rivelazzjoni u mill-fidi quddiem il-misteru li qatt ma nstemà bħalu.

Il-misteru ta’ Ġesù Kristu, tal-Alla-bniedem li jaħbi fih u fl-istess ħin jiżvela l-misteru ta’ Marija Ommu terrena. Fuq il-passi tar-rgħajja ta’ Betlem, il-Knisja pprofessat sa mill-bidu dan il-misteru u kontemporanjament pprofondietu b’mod dejjem iktar perspikaċi: l-Omm tal-bniedem-Alla hija l-Omm ta’ Alla-bniedem: “Theotokos”, Genitrice di Dio.

Fil-jum tal-ottava tal-Milied il-Knisja tikkonċentra l-attenzjoni tagħha fuq is-santissma Maternità tal-Madonna. Il-maternità divina tal-Verġni tappartieni lill-milja taż-żmien: “Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara . . .”: Theotokos!

2. Hekk mela l-Knisja, għajnejja fissi fuq il-maternità tal-Ġenitriċi ta’ Alla, tieħu l-bidu tas-sena l-ġdida – 1985 – mill-“milja taż-żmien”. Flimkien mal-umanità kollha,  inkluża fl-ordni kożmiku ta’ li ġej, il-Knisja tkejjel iż-żmien, tgħodd il-jiem, il-ġimgħat, ix-xhur u s-snin, imma wkoll titfa għeruqhom fil-misteru tat-twelid ta’ Alla. Infatti, f’dan il-misteru, l-umanità u ż-żmien uman laħqu l-milja tagħhom, dik propja tal-istorja tas-salvazzjoni.

Mhijiex din il-milja definittiva. Il-milja definittiva, it-twettiq definittiv taż-żmien uman huwa dejjem quddiemna, Aħna noqorbu lejh permezz tal-misteru tat-twelid ta’ Alla, permezz tal-inkarnazzjoni ta’ Alla. Alla, waqt li fl-inkarnazzjoni laqà iż-żmien uman, ġibdu lejh u qarrab lill-bnedmin fih imgħaddsa lejn it-twettiq definittiv, li huwa f’Alla nnifsu fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu Santu.

3. Alla, mela, jirrivela dejjem mill-ġdid u b’mod partikolari l-ewwel jum tas-sena l-ġdida, il-pjan tiegħu, il-program feddej tiegħu lill-umanità kollha. U dan jagħmlu bil-kliem ta’ San Pawl, li l-Knisja taqra kull sena fis-sollennità tallum. Dan jgħid:

“Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara . . . biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied” (Gal 4, 4). Dan huwa l-punt fundamentali u ċentrali tal-pjan divin, tal-program feddej favur l-umanità kollha. Alla jsalva l-bnedmin f’Ġesù Kristu, f’Ibnu etern, imwieled minn Marija Verġni: isalvahom bħala wlied fl-Iben, jagħmel iva li l-umanità ta’ kull wieħed minna l-bnedmin ikun ippenetrat mill-filjolanza divina ta’ Ġesù Kristu.

Dan jitwettaq bil-prezz ta’ “riskatt” partikolari. Alla bagħat lil Ibnu”biex jifdi” lill-ulied maskili u femminili tal-ġeneru uman, u “jifdi” tfisser ukoll “jirristabilixxi l-valuri”: biex jirristabilixxi fil-bniedem il-valur li hu jippossiedi sa minn dejjem f’għajnejn Alla, li Alla ta sa mill-bidu, meta ħalqu xbiha u xebħ tiegħu. Hekk mela fil-program feddej li għalih Alla “bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara”, jappartieni dak li jikkostitwixxi d-dinjità essenzjali tal-bniedem. Din id-dinjità hija miktuba profondament fil-misteru tal-inkarnazzjoni u tar-Redenzjoni; fit-twelid ta’ Alla u mbagħad fis-salib u fil-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.

Fuq l-istess linja tipproċedi l-opra tal-Ispirt Santu. Huwa jaġixxi fl-inkarnazzjoni u fir-redenzjoni. U wara jtawwal l-opra tal-inkarnazzjoni u tar-redenzjoni u jagħmilha tasal lill-erwieħ tal-bnedmin, għad-dimensjoni ta’ kull bniedem. Fil-qawwa tal-Ispirtu Santu, li hu “l-Ispirtu tal-Iben”, il-bniedem, bħala iben fl-Iben, jgħajjat lil Alla: “Abbà, Missier!” (Gal 4, 6). Fil-qawwa tal-Ispirtu Santu l-bniedem, konxju tad-dinjità filjali tiegħu, jeħles minn dak kollu li jagħmel minnu skjav, minn dak kollu li jeħodlu d-dinjità tal-filjolanza divina.

4. Tali hu l-pjan divin, tali hu l-program feddej li l-Knisja dejjem tipproponi, fil-jum tal-Bidu tas-sena, lill-umanità kollha. Illum il-Knisja tindirizza dan il-program feddej b’mod partikolari liż-żgħażagħ.. L-inizjattiva tas-Sena taż-żgħażagħ. Proposta fuq il-pjan internazzjonali tal-Ġnus Magħquda, isib l-eku tiegħu inċessanti fil-missjoni tal-Knisja: il-Knisja b’mod kostanti  tmur tiltaqà mal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ  u b’hekk tmur tiltaqà mal-futur, għaliex iż-żgħażagħ iġorru fihom il-futur tal-familja kollha umana: “fuqhom tiddependi l-għada” tal-umanità.

U l-Knisja hija, fl-istess ħin, konxja li taqdi bla taqtà lill-“Missier għal dejjem” ( 9, 5). Għalhekk fl-inizjattiva ta’ din is-sena tal-Ġnus Magħquda, hija ssib ukoll postha u dmirha. Maġemb l-inizjattivi li se jkunu promossi mis-Sedja Apostolika, speċjalment bl-opra tal-Kunsill tal-Lajċi, u flimkien magħhom, nitlob vivamente lil ħuti fl-episkopat u lir-rgħajja kollha tal-erwieħ biex jagħtu lil din l-intrapriża dimensjoni adegwata fil-Knejjes lokali inividwali.

5. Illum s-Sedja Apostolika, waqt li twettaq is-servizz annwali favur il-paċi, tagħti propju liż-żgħożija il-messaġġ tagħha tal-Ewwel tas-Sena” “Il-paċi u ż-żgħażagħ jimxu flimkien”.

Il-paċi u ż-żgħażagħ.

Kemm sinifikati jinħbew f’dawn iż-żewġ kelmiet magħquda! X’għana ta’ kontenut jikkomunika dan il-kollegament taż-żewġ espressjonijiet, kemm f’dak li jikkonċerna ż-żgħożija, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-paċi! Kemm hu marbut intensament mal-program feddej li jirrivela ruħu fil-misteru tat-twelid ta’ Alla, fil-misteru tal-maternità tal-Ġenitriċi ta’ Alla, u li l-liturġija tħabbar propju llum bil-kliem tal-ittra ta’ Pawlu lill-Galatin.

Għal dan, liż-żgħożija, li fuqha “tiddependi għada”, nixtiequ nindirizzaw il-kliem li Alla darba ndirizza lill-poplu tiegħu permezz ta’ Mosè: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek. Il-Mulej bid-dija ta’ wiċċu fuqek,  jurik il-ħniena, iħares lejk bi mħabba u jagħtik is-sliem.” (Nm 6, 24-26). Flimkien ma’ din il-barka tal-liturġija tal-Ewwel tas-Sena, ilqgħu, għeżież żgħażagħ ħbieb, il-program feddej tal-Milied u il- Messaġġ tal-paċi tas-sena l-ġdida. Jilqgħuh iż-żgħażagħ kollha tad-dinja kollha. Ilqgħuh intom, żgħażagħ li tappartienu lid-diversi assoċjazzjonijiet u movimenti, li dalgħodu qegħdin tiffullaw, hekk numerużi u ferrieħa, l-bażilika ta’ San Pietru. Alla jagħtikom il-grazzja tiegħu!!

6. “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom f’qalbha” (Lq 2, 19).

Marija – Omm Alla “Theotokos”.

F’dan il-misteru inkomparabli hija ssir Omm il-bnedmin kollha. Issir b’mod partikolari Omm il-Knisja. Il-Knisja tiffissa ħarsitha fuqha bħala prototip perfett, u titgħallem ħdejn qalbha “tgħożż u taħseb” il-ħwejjeġ kollha li permezz tal-istorja tas-salvazzjoni jilħqu lill-bnedmin kollha u li jidhru wkoll fl-istorja tal-popli, tan-nazzjonijiet, tal-ġenerazzjonijiet u tal-kontinenti.

Nixtieq imbagħad illum, billi ndur fuq it-teżor tal-knisja, infakkar it-tifkira taż-żewġ Aħwa Qaddisin, li mmeritaw li jkunu msejħin, flimkien ma’ San Benedittu, patruni tal-Ewropa: il-qaddisin Ċirillu u Metodju.

Għaddew kważi ħdax-il seklu mill-waqt li fih il-missjoni kbira taż-żewġ aħwa ntemmet, bil-mewt ta’ Metodju fil-Moravja. Qabel Ċirillu kien ġie mifrud minn ħuħ mill-mewt, li seħħet f’Ruma, u jinsab jistrieħ f’din il-belt fil-bażilika ta’ San Klement. Lilhom it-tnejn ir-Ragħaj etern afda l-opra tal-Vanġelu fost is-Slavi. Saru l-ewwel appostli tal-popli li jabitaw il-parti tal-Lvant u dik tan-Nofsinar tal-Ewropa. Saru l-missirijiet tal-fidi tagħhom u tal-kultura tagħhom.

Huma xandru lin-nies ta’ żmienhom il-pjan divin tas-salvazzjoni, dak il-program feddej, li llum, fl-ottava tal-Milied, San Pawl ifakkarna, li f’dan il-program hemm miġbur ukoll il-messaġġ evanġeliku tal-paċi. Waqt li xandru l-Vanġelu, huma tefgħu fil-qlub umani iż-żerrija ta’ dik il-paċi, li d-dinja ma tistax tagħti, li tiġi minn Alla. Il-Knisja kollha, speċjalment fl-Ewropa – u partikolarment fost il-ġnus li kienu l-art immedjata tal-evanġelizzazzjoni tagħhom – tixtieq tinserixxi t-tifkira taż-żewġ qaddisin tul il-mixja tas-sena 1985. Ukoll is- Sedja apostolika tħoss b’mod speċjali din is-sejħa.

7. Marija – Omm Alla – “Theotokos”:

Waqt li nipprofessaw il-maternità divina tagħha, nixtiequ niġbdu  għal din il-milja taż-żmien”, irrivelata lilna fit-twelid ta’ Alla;

– nixtiequ “ngħożżu u naħsbu fil-qalb” il-pjan divin kollu tas-salvazzjoni, billi nkomplu insegwuh fil-ġejjieni;

– nixtiequ nistampaw fil-qlub taż-żgħażagħ il-Messaġġ tal-paċi, li jiġi mill-pjan tas-salvazzjoni.

“Alla l-ħanin iberikna”.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading