Ġwanni Pawlu II lill-istudenti u għalliema universitarji

ĊELEBRAZZJONI LITURGIKA GĦALL-ISTUDENTI
U GĦALLIEMA TAL-UNIVERSITÀ
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
San Pietru – Il-Ħamis, 13 ta’ Diċembru 1984

1. “Ladarba, jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, inwieżnek minn idek il-leminija u ngħidlek: “La tibżax”” (Is 41, 13).

Dan il-kliem iħabbar, fil-liturġija tal-Avvent tallum, il-profeta Iżaija, indirizzahom lill-bnedmin tal-aspokas tiegħu, diversi sekli qabel it-twelid ta’ Kristu.

Aħna llum, miġburin fil-bażilika ta’ San Pietru, hekk kif qegħdin noqorbu lejn tmiem is-seklu XX wara t-twelid ta’ Kristu, nilqgħu dan il-kliem bħallikieku kienu ppronunzjati għalina.

Qegħdin niltaqgħu hawn biex ngħixu l-liturġija tagħna annwali tal-Avvent flimkien mal-professuri u l-istudenti tal-universitajiet Rumani: wieħed mid-dmirijiet ewlenin u fundamentali tal-liturġija infatti huwa l-attwalizzazzjoni tal-kelma ta’ Alla: nirrendu preżenti l-kelma, “is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix” (Mt 24, 35).

Il-kelma ta’ Alla l-ħaj għandha  saħħa bla żmien u skop. Din mhix reġistrazzjoni li tgħaddi għall-istorja, mhix moment ta’ letteratura. Hija dejjem mill-ġdid tilħaq lill-bniedem  fil-mudullun tal-istess eżistenza tiegħu Dejjem mill-ġdid issir post ta’ laqgħa: tal-laqgħa l-iktar importanti, tal-laqgħa ma’ Alla. Ma’ dak Alla, li huwa l-“alfa u l-omega”. “Il-bidu u t-tmiem”. Ma’ Alla li “kien, li hu u li għad jiġi”.

2. Kelmet Alla l-ħaj.

X’inhu l-Avvent? Nafu ilkoll li hekk jissejjaħ dak il-perijodu tas-sena liturġika tal-Knisja, li hu mmarkat li jseħħ tul l-erbat Iħdud wara xulxin u li jimmira biex iħejjina għas-sollennità tal-Milied tal-Mulej.

F’dan il-perijodu tiġi wkoll is-sollennità tal-Immakulata Konċezzjoni, marbuta b’mod profond mal-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla.

F’dan il-perijodu taħbat ukoll – propju llum, 13 ta’ Diċembru – it-tufkira ta’ Santa Luċija, li permezz tal-verġinità u l-martirju tagħha hija preżenti fit-tifkira tal-Knisja sa minn żminijiet qodma. Hekk mela l-Avvent għandu postu definit b’mod ċar f’din is-sistema tas-sinjali, li permezz tagħhom titkellem il-liturġija tal-Knisja.Imma propju bħas-sinjal tal-liturġija, bħaż-żmien tal-liturġija, l-Avvent b’mod partikolari jiżvela quddiemna r-realtà stess ta’ Alla: il-misteru ta’ Alla!

3. Hawn hu Alla, li eternament jibqà fid-divinità tiegħu, fil-komunjoni nskrutabli (li ma nistgħux nifhmuha) ta’ Missier, ta’ Iben u ta’ Spirtu Santu. U, fl-istess ħin, Alla li fil-milja kollha tal-libertà  u ta’ mħabbtu jerfà r-responsabiltà tal-inizjattiva ħallieqa u fl-istess ħin feddejja. Sa ċertu punt imur ‘il hemm mil-limiti ta’ din id-divinità li fiha nfisha hija mdawla u “tislef” lilha nfisha fl-omnipotenza tagħha u fl-imħabba tagħha.

B’dan il-mod l-Avvent ikellimna  dwar il-bidu tal-misteru tal-ħolqien li huwa, fl-istess ħin, l-“alfa” ta’ kull storja. Fil-ħolqien tad-dinja, u qabel kollox tal-bniedem fid-dinja,  hemm miġbura l-ewwel miġja ta’ Alla.

Dan ifisser titbaxxa fuq ix-xejn, li quddiemu l-Ħallieq jippronunzja l-:ikun: tiegħu! Tali miġja  teżisti fl-istruttura l-iktar intima tiegħu li jkun maħluq: “conservatio est continua creatio”. Bil-qawwa tiegħu krejattiva Alla jżomm fl-eżistenza dak kollu li ma jeżistix “waħdu”: Li huwa mutabli u okkażjonali fl-eżistenza.

Dak l-Avvent tal-maħluq misterjuż huwa, sa ċertu punt, dejjem preżenti fil-liturġija tal-Knisja. U d-dimensjoni oriġinarja u fundamentali  tas-sinjali kollha tal-liturġija, fil-perijodi kollha u fil-festi kollha. Bdanakollu donnu tleblib partikolarment permezz tal-liturġija ta’ Avvent, li jorjentana lejn il-“bidu” stess  tal-inizjattiva ta’ Alla ħallieqa u fl-istess ħin feddejja. Dak, li waħdu huwa bla bidu, jiġi! Jiġi, jiġifieri jistabilixxi l-bidu ta’ kollox. Huwa preżenti fih bil-libertà tiegħu u bi mħabbtu. Bil-komunjoni tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu.

4. “Ladarba jien il-Mulej Alla tiegħek li nżommok bil-leminija u ngħidlek: “La tibżax””. Il-bniedem joħr f’nofs l-opra tal-ħolqien. Huwa hu bħal inkorunazzjoni tad-dinja, tad-dinja viżibli. Kemm jinfirex żmienu fuq l-art? Ix-xjenza tfittex bla waqfien li tagħti tweġiba preċiża. Dan jeżisti biss fid-dinja? Din ukoll hija mistoqsija li ssir.

Mal-bniedem, l-Avvent ta’ Alla fl-opra tal-ħolqien tilħaq stadju definittiv. Bil-bniedem biss dan l-Avvent jieħu tassew bidu. Infatti skont il-ktieb tal-Ġenesi, huwa hu “xbiha u xebħ ta’ Alla”. Huwa ma jispjegax lilu nnifsu sal-aħħar, billi jitlaq minn xi struttura kożmika, li nħolqot qablu. Huwa hu fid-dinja u mid-dinja (“sawwar il-bniedem mit-trab tal-art”, kif jgħid il-ktieb tal-Ġenesi), u fl-istess ħin huwa minn Alla! Huwa hu preżenti fih mill-bidu element divin. F’dan l-element huwa “jissupera” id-dinja kollha viżibli, jissuperaha lejn il-prototip divin tiegħu. Fih iġorr l-isfida tal-eternità,l-isfida tal-qdusija. L-isfida u s-sejħa. Din l-isfida tiġi minn Alla, tirriżulta mill-inizjattiva ħallieqa tiegħu, u fl-istess ħin diġa tikkostitwixxi “materjal” tal-inizjattiva feddejja: wieħed jistà jgħid li mhux il-bniedem biss huwa msejjaħ mill-Ħallieq għal dak l-element ta’ divinità li hemm kontenut fl-intimu tal-bniedem, imma li kontemporajament li wkoll Alla huwa “msejjaħ” mill-bniedem propju għaliex dan huwa: li hu “xbiha u xebħ ta’ Alla”. Alla huwa “msejjaħ”: fil-libertà assoluta tiegħu, fl-imħabba tiegħu.

5. Hekk mela mill-profond tal-avvent tal-ħolqien – propju hawn, f’din il-“quċċata” li huwa l-bniedem – jiddeffes  l-Avvent tas-salvazzjoni. Dan l-avvent huwa kkontenut fl-istess “bidu” bibliku tal-bniedem, skont lierma Elohim-Jahvè “raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1, 27). Biżżejjed naqraw b’attenzjoni l-istess ewlenin kapitli tal-ktieb tal-Ġenesi biex nikkonvinċu ruħna.

L-Avvent tas-salvazzjoni ma jinterrompix ruħu bid-dnub tal-proġenituri. Sa ċertu punt, propju flimkien ma’ dak id-dnub, infetħet il-prospettiva konkreta. Din il-prospettiva tiggwida l-istorja kollha li tiżvolġi permezz tal-istorja tal-popli kollha, tal-ġenerazzjonijiet kollha. L-Avvent tal-fidwa jfisser sa ċertu punt “li Alla-ma-jċedix” quddiem ir-reżistenza li jagħmel il-ħolqien: l-ewwel il-ħolqien inviżibli, u, mbagħad dak viżibli: propju l-bniedem. Quddiem din ir-reżistenza, quddiem dan ir-“rifjut” tal-Ħallieq, avanzat min-naħa tal-ħolqien, quddiem “rifjut” tal-imħabba feddejja avanzat l-ewwel mill-libertà anġelika u mbagħad minn dik umana, Alla ma jċedix. L-imħabba ma ċċedix. Ma ċċedix għaliex hija konxja – l-istess misteru trinitarju tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu – l-imħabba eterna hija konxja li fih biss stess hemm miġbura l-qawwa feddejja tal-ħolqien.

Is-salvazzjoni tistà tkun biss it-“tabernaklu ta’ Alla mal-bnedmin”. Tistà tkun biss is-“saltna ta’ Alla”. Mela allura tistà tkun biss meta “Alla jkun ta’ kulħadd” (1 Kor 15, 28).

6. Hekk mela l-avvent feddej ta’ Alla jiftaħ quddiem l-għajnejn ta’ ruħna  permezz ta’ dan l-Avvent liturġiku, meta nattendu s-sollennità annwali tat-twelid tal-Verb etern fl-istalla ta’ Betlrm, minn Marija Verġni, li kkonċepiet bl-opra tal-Ispirtu Santu.

L-avvent feddej: il-miġja ta’ Alla  u  il-miġja kontinwa ta’ Alla.

Il-miġja fl-esperjenzi l-kbar tal-istorja, hija qabel kollox fis-sigriet tal-qlub u tal-kuxjenzi. Il-“Deus absconditus” jiġi. Jiġi u jgħid lil kull wieħed u waħd: “Jiena l-Mulej Alla tiegħek li jżommok minn idek il-leminija”.

O kemm, kemm mill-bidu Alla jħaddan lill-bniedem bl-avvent tas-salvazzjoni tiegħu. Minn l-ewwel paġni tal-ktieb tal-Ġenesi ngħaddu għaċ-ċentru stess tal-Vanġelu: il-leminija ta’ Alla żżomm id il-bniedem biex tiggwidah. Fedelment,  ukoll jekk il-bniedem tant drabi  jiġbed il-leminija tiegħu, ukoll jekk il-bniedem tant drabi jħabbar li jrid ikun ħieles, “‘il hemm minn Alla”. Irid ikun ħieles bil-libertà tal-indipendenza. Fil-għama tiegħu ma jindunax li l-libertà għandha l-predestinazzjoni eterna tagħha f’kull wieħed u waħda minna, krejaturi ħielsa: il-predestinazzjoni tal-imħabba. Barra din il-predestinazzjoni il-libertà maħluqa tagħna ssir anti-libertà! Issir is-sors tal-isfurzar għall-oħrajn u għalihom stess. Propju mill-esperjenza ta’ talija – mifhuma ħażin u użata ħażin – libertà għajjat Sartre: “l-oħrajn huma l-infern”. Iżda l-infern huwa fl-aħħar minn l-aħħar il-libertà użata ħażin. Il-libertà użata kontra l-imħabba. Il-libertà hekk użata ħażin issir anti-liberta . . . L-infern huwa anti-libertà.

7. Alla jgħid: “Inżommok minn idek il-leminija”, hekk kif il-missier jew l-omm jaqbdu lit-tifel minn idu mhux biex ineħħulu l-libertà, imma  biex jgħallmuh l-imħabba.

Dak “iż-żamm tal-id il-leminija” divin huwa bħall-inizjattiva feddejja ta’ Alla lejn kull wieħed u waħda minna, huwa l-avvent feddej ta’ Alla li permezz tiegħu huwa jgħallimna l-imħabba. Flimkien ma l-imħabba infatti tiġi s-salvazzjoni: u s-salvazzjoni ma tintemmx, imma tmur ‘il hemm mil-limiti temporali tal-eżistenza tagħna, biex tiddeċiedi fuq ħajjitna għall-eternità.

Propju dan iwassal għall-umanità ta’ Ġesù, li t-twelid tiegħu fil-lejl ta’ Betlem qegħdin nistennew: Ġesù, “Alla li jsalva”.

Iġib il-messaġġ tas-salvazzjoni permezz tal-imħabba. U se jwettaq dan il-messaġġ mhux biss b’tagħlimu – il-messaġġ tal-bxara t-tajba – imma  jwettqu sal-aħħar bis-salib u l-qawmien mill-imwiet tiegħu.

Il-misteru paskwali jiċċertifika li l-imħabba hija iktar qawwija mill-mewt, u għalhekk hija feddejja. Li l-imħabba hija iktar qawwija mid-dnub, u għalhekk hija feddejja.

U l-misteru paskwali jaħbi fih stess il-lejl tat-twelid ta’ Betlem. U maiegħu jingħaqad f’ħaġa waħda: fil-misteru ta’ Ġesù Kristu, li fih il-miġja feddejja ta’ Alla twettqet b’mod definittiv fl-istorja terrena tal-umanità, u fiha  tibqà irreversibilment.

8. “. . .Inżommok minn idek il-leminija, / u ngħidlek: “La tibżax”!”. Kemm beżgħat iġorr fih kull bniedem.. Biżgħat ovvji u biżgħat moħbija.

Kemm biżgħat iġġorr fiha l-familja kbira umana – il-familja tal-popli u tan-nazzjonijiet – li tgħammar f’din il-pjaneta, min jaf minn meta. Kemm biżgħat iġorru fihom il-bniedem u  l-umanità tas-seklu tagħna – il-bniedem u l-umanità “tal-era atomika” – il-bniedem u l-umanità tal-epoka  tal-elettronika u fl-istess ħin il-bniedem u l-umanità ta’ dawk li ma twildux, tal-maqtulin fil-ġuf tal-ommijiet, tat-tfal  li fil-miljuni jmutu bil-ġuħ!  Il-bniedem: l-umanità tan-nazzjonijiet u tas-soċjetajiet li fihom “il-libertà tal-waħdiet issir l-iskjavitù tal-oħrajn”; il-bniedem u l-umanità tas-soċjetà u tal-ambjenti, li fihom il-prepotenza u l-vjolenza jsiru dejjem iktar brutali!

Is-salvazzjoni tfisser il-liberazzjoni mill-biżà. L-imħabba perfetta “foras mittit timorem”.

Ejjew infittxu t-toroq li mill-biżà jwasslu għall-imħabba!

Ejjew infittxu t-toroq tas-salvazzjoni. Ejjew infittxuhom fost l-esperjenzi dejjem iktar heddieda ta’ żminijietna! L-Alla tal-avvent feddej huwa fostna: ismu huwa Emmanuel!!

9. Hawn hu dak li jgħid: “. . . La tibżgħux”.

Kemm huma liberatriċi dawn il-kelmiet!

Hawn hu dak li jgħid: “Imbagħad int tifraħ fil-Mulej, / tiftaħar bil-Qaddis ta’ Iżrael” ( 41, 16).

Dan huwa t-tifħir, li Ġwanni l-Battista jirċievi minn fomm Kristu stess: “Fost ulied in-nisa ħadd ma qam ikbar minn Ġwanni l-Battista” (Mt 11, 11).

Iva. Il-bniedem huwa msejjaħ għall-kobor. Il-bniedem huwa msejjaħ għall-glorja: il-glorja tal-bniedem, l-eżaltazzjoni tal-bniedem f’Ġesù Kristu hija l-oġġettiv essenzjali tal-avvent feddej ta’ Alla, għaliex il-glorja ta’ Alla hija li l-bniedem jgħix. Li jgħix b’dik il-milja ta’ ħajja li hija f’Alla. Li hi minn Alla.

B’dan il-kliem nixtieq nispeċifika fl-istess ħin is-sagramenti mqaddsa: is-sagrament tal-konverżjoni (il-Qrar), u tal-Ewkaristija.

Ersqu lejhom. Propju huma jfissru u jwettqu l-avvent feddej ta’ Alla f’kull wieħed u waħda minna.

Alla jiġi għandna b’kelmtu. Jiġi fis-sagramenti. Ejjew nilqgħuh.

L-avvent feddej ta’ Alla jiddependi wkoll mill-prontezza ta’ kull wieħed u waħda minna, l-istess bħalma l-misteru inkarnazzjoni iddipenda mill-prontezza ta’ Marija: “Ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1, 38).

10. Fil-Vanġelu tal-liturġija tallum Ġesù jgħid dwar Ġwanni l-Battista: “Fost ulied in-nisa ħadd ma qam ikbar minnu”, u mbagħad żied: “Minn żmien Ġwanni l-Battista sallum, is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha” (Mt 11, 12).

Nindirizza lilkom, insara ta’ Ruma, bnedmin tal-era kontemporanja: is-Saltna tas-Smewwiet qiegħda ġġarrab vjolenza . . . se jaħtfuha il-vjolenti.

Bnedmin kontemporanji! La tgħidux u la taħsbux li qiegħda ttaqqalkom l-assenza ta’ Alla fid-dinja taċ-ċivilizzazzjoni tagħna u tal-progress vertiġinuż.

Iftħu għajnejkom għall-fidi, qajmu l-kariżmi kollha tal-Ispirtu, li huma fikom mill-waqt tal-Magħmudija.

Fid-dinja li qegħdin ngħixu fiha għad hemm l-avvent  ta’ Alla: l-avvent tal-ħolqien u l-avvent tas-salvazzjoni.

Fid-dinja li ngħixu fiha hija radikata s-saltna ta’ Alla, is-saltna tas-smewwiet.

Oħorġu ltaqgħu miegħu.

Is-saltna tas-smewwiet tistenna l-vjolenti li se jikkapparrawha! . . . “Ladarba jiena l-Mulej Alla tiegħek / li nżommok minn idek il-leminija / u ngħidlek: la tibżax, / jiena l-għajnuna tiegħek – oraklu tal-Mulej – il-feddej tiegħek huwa l-Qaddis ta’ Iżrael” (Is 41, 13-14).

Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading