Adorazzjoni – 3 Ħadd tal-Għid (Sena A)
Il-Ħaruf temagħna laħmu,
tana l-ilbies tas-salvazzjoni,
qsammna sħaħ il-Baħar l-Aħmar
ngħannu ‘l Kristu l-prinċep tagħna.
Fuq l-altar ta’ salib aħrax
offra għalina ġismu mqaddes;
sqiena demmu, li hu xerrdu
ħalli nistgħu ngħixu b’Alla.
Missierna, Sliema, Glorja
F’dik il-lejla li l-Qerriedi
għadda joqtol, konna mħarsa,
ħlisna lkoll minn taħt il-qilla
tal-Fargħun u l-jasar tiegħu.
F’dan il-Għid, il-Ħaruf tagħna
li hu Kristu, miet bla ħtija;
ħobż tassew bla ħmira w safi,
li kien mogħti b’sagrifiċċju.
Missierna, Sliema, Glorja
Tassew vittma safja w xierqa:
biha d-dell u d-dlam ingħelbu,
biha l-poplu lsir infeda,
biha ngħata ħlas il-ħajja!
Kristu qam rebbieħ mill-qabar,
minn qiegħ l-art ħareġ imsebbaħ;
jassar l-għadu darba għal dejjem,
u fetħilna bwieb il-ġenna.
Missierna, Sliema, Glorja
Ibqa’ ħares dejjem fina
ferħ il-Għid Ġesù Messija;
kif għall-grazzja rġajt wellidtna,
fil-qawmien seħibna miegħek.
Glorja lilek, fir-rebħ tiegħek
fuq il-mewt, Ġesù setgħani;
mal-Missier u mal-Ispirtu,
ġieħ jintradlek, issa w dejjem. Ammen.
Missierna, Sliema, Glorja
Silenzju 3min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa Lq 24:13-35
Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.
“X’ġara?”, staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!
Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.
Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.
Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.
Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Tnejn mid-dixxipli ta’ Ġesù tilfu t-tama tagħhom Fih. Għalhekk qabdu ħwejjiġhom, ġabruhom ġo sorra, u telqu lura bil-geddum lejn Għemmaws, minn fejn kienu. Huma ħasbu li ħlew sentejn jew tlieta minn ħajjithom jiġru wara l-Imgħallem Ġesù. Wara l-mewt tiegħu, sabu ruħhom fi kriżi ta’ fidi. U għalhekk telqu lura mnejn ġew.
Kien f’Għemmaws, li kienu ltaqgħu ma’ Ġesù, u telqu miegħu lejn Ġerusalemm, f’vjaġġ mimli tama: “Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel”. Imma issa sejrin lura d-dar bil-biża’, bid-dwejjaq, u bi qtigħ il-qalb: “Iżda mbagħad, fuq kollox, ġa għaddew tlitt ijiem fuq din il-ġrajja!” (5 sek pawsa)
Faċli li l-istorja ta’ dawn iż-żewġ dixxipli tista’ tkun tiegħi u tiegħek. Faċli nsibu ruħna fi kriżi, għaliex ikollna fehma differenti minn dik ta’ Ġesù. Faċli li ma nagħrfux it-toroq ta’ Alla, għax moħħna fit-toroq tagħna. Faċli lil Alla niddettawlu x’għandu jsir, jew inpinġuħ, nimmaġinawh kif irridu. Imbagħad, meta jiġri xi ħaġa fil-ħajja tagħna: mard, mewt fil-familja mingħajr ma tkun qed tistennieha; meta nidħlu f’xi kobba mħabbla. Hemm jiġrilni bħal Kleofa u sieħbu, u naqgħu fi kriżi kbira. li naslu li niddubbitaw mill-eżistenza tiegħu. (5 sek pawsa)
Kien f’dan il-vjaġġ ta’ swied il-qalb; kien f’dan il-vjaġġ mimli kriżi, li Int, o Ġesù Rxoxt, tersaq lejhom, u b’delikatezza liema bħalha, ftit, ftit, tidħol fid-dieqa tagħhom; u bid-domandi li bdejt tagħmlilhom, ftaħtilhom qalbhom, biex iferrgħu n-nuqqas ta’ tama tagħhom. U hekk tagħmel l-istess magħna. Tidħol f’ħajjitna, tkellimna permezz tal-Kelma tiegħek; turina t-triq, id-direzzjoni. Imma faċli wkoll, li bħal dawn iż-żewġ dixxipli, ma nagħrfukx, għax inkunu mehdijin fil-problemi tagħna.
Imm jien, qed inħalli lill-Mulej, ikellimni permezz tal-Kelma tiegħu? Qed inkun miftuħ, ħalli jmexxi Hu u mhux jien?
Silenzju 2 min
Int, o Sinjur, bil-mod il-mod, ftit ftit, bdejt timla bil-ferħ, bit-tama, bil-qawwa l-qlub ta’ dawn iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws, u llum, anke tagħna wkoll. U permezz tal-Ewkaristija tagħtina l-ħajja biex inkomplu nimxu fit-triq tagħna, anke jekk xi kultant ma tkunx ward u żahar. Għinna, o Sinjur, biex f’kull mument ta’ ħajjitna, nagħrfu li Int qiegħed magħna, timxi magħna, tigwidana permezz tal-Kelma tiegħek; u għinna nkomplu nidħlu aktar fil-preżenza tiegħek, u nagħrfuk dejjem ftit aktar. (10 sek pawsa)
Meta dawn id-dixxipli għarfuk fl-Ewkaristija, fihom saret bidla sħiħa: minn bnedmin bi qrusa kbira, ħajjithom saret tsunami ta’ ferħ, tsunami ta’ tama. (3 sek pawsa) Jekk ħallew lil Ġerusalemm bid-dieqa, issa reġgħu lura Ġerusalemm b’ġirja mimlijin bil-ferħ biex jaqsmu mad-dixxipli l-oħra l-esperjenza tagħhom ta’ Ġesù Rxoxt.
Ejjew niftakru, li f’kull Ewkaristija, b’mod partikolari l-Ewkaristija tal-Ħadd, aħna nagħmlu l-istess esperjenza tad-dixxipli ta’ Għemmaws. (5 sek pawsa)
Trid timla qalbek bil-ferħ?
Agħraf il-preżenza tiegħu, fl-Iskrittura li tixxandrilna f’kull Quddiesa, b’mod speċjali kull nhar ta’ Ħadd; agħrfu u nagħqad miegħu fil-qsim tal-Ħobż. Imbagħad, iva, għalija, għalik, il-Mulej ikun qam tassew.
Silenzju 3 min
Innu:
Talbiet tal-Komunitá
Għax nafu li l-għajnuna tagħna hi mill-Mulej, inressqulu t-talb tagħna, ċerti li se jismagħna.
Kun Mulej mal-Knisja tiegħek, u għinha biex tkompli xxandar l-Aħbar it-Tajba tiegħek lill-bnedmin kollha. Nitolbu.
Nitolbu għall-mexxejja tal-pajjiżi, ħa jaħdmu bla waqfien għall-paċi u għall-ġustizzja. Nitolbu.
Għinna Mulej, biex dejjem niftakru li Inti qed takkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna, biex lilna tagħtina t-tama, u tgħinna nkunu tassew ħabbara tal-ferħ tiegħek. Nitolbu.
Nitolbuk għall-morda kollha fid-djar tagħhom, fl-isptarijiet kemm f’Malta, kif ukoll dawk li qegħdin għal kura barra minn Malta. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej, biex tibqa’ mal-popli li għadhom ma jafukx, biex ma jibqgħux barranin u għorba, imma jsiru membri tal-Knisja tiegħek. Nitolbu.
Ibqa’ magħna miġburin għal din l-adorazzjoni, biex nagħmlu mixja ta’ fidi u bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, nagħrfuk fil-Kelma tiegħek u fl-Ewkaristija. Nitolbu.
Ejjew fis-skiet ta’ qalbna nagħmlu t-talba personali tagħna.
Tingħata l-Barka Sagramentali: