QUDDIESA BL-ORDINAZZJONIJIET EPISKOPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Ġwann Lateran
Is-Sibt 2 ta’ Mejju 2026
Għeżież ħuti,
Miġburin madwar Kristu, insiru dar soda u akkoljenti: dan huwa l-ferħ li nħossu fuq kollox fi żmien l-Għid, b’mod partikulari llum aħna u niċċelebraw l-Ordinazzjoni ta’ erba’ Isqfijiet Awżiljarji tad-Djoċesi ta’ Ruma.
Din il-Knisja għandha sejħa unika għall-universalità u għall-karità grazzi għar-rabta partikulari tagħha ma’ Kristu, irxoxt u ħaj, fundament tal-binja spiritwali ta’ ġebel ħaj li hu l-poplu qaddis ta’ Alla. Għalhekk, meta nersqu lejn Kristu nkunu nersqu lejn xulxin u nikbru flimkien fl-għaqda: dan hu l-Misteru li jdaħħalna lkoll fih u jibdel minn ġewwa l-belt ukoll. Għas-servizz tad-dinamiżmu tiegħu, li ġabu magħhom Ruma l-Appostli Pietru u Pawlu, ħutna Andrea, Stefano, Marco u Alessandro qed jiġu ordnati għall-episkopat. Hija festa ta’ poplu, għax huma ġejjin minn dan il-poplu u mill-presbiterju li bi mħabba jieħu ħsieb tiegħu.
Il-Komunità djoċesana tinġabar illum biex issejjaħ lill-Ispirtu s-Santu, li se jidlek lil dawn l-Isqfijiet ġodda, biex jiġu kkonsagrati b’mod sħiħ għall-qadi tal-Vanġelu ta’ Kristu. Huwa l-ġebla li warrbu l-bennejja li, “magħżula minn Alla… saret il-ġebla tax-xewka” (1 Piet 2:4,7; ara Salm 118:22).
Għall-ewwel Insara din il-metafora, tant familjari għax tinsab f’salm, kellha tidher partikularment rivelattiva. Il-Messija Ġesù kien ġie mormi mhux biss għax ma għarfuhx bħala l-Iben ta’ Alla, imma, qabel dan, għax ħa l-kundizzjoni ta’ ħlejqa, li kienu jarawha li ma tixraqx lil Alla. Fidil għal din it-triq ta’ mħabba ħanina, hu mar ifittex in-nagħġiet mitlufa, kienu jarawh fuq il-mejda magħhom, kien iżarma l-idejn u l-qlub li riedu jħaġġruhom. B’dan il-mod, kif jgħid il-Vanġelu mxandar f’din il-Liturġija, l-Iben wera l-wiċċ tal-Missier: fih jitwettqu l-opri tiegħu. “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli: ‘Urina l-Missier?’. Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija?” (Ġw 14:8-9).
Knisja li tgħix f’Ruma, il-ġebla mwarrba hija l-qalba tat-tħabbira Messjanika, quddiem dawk li s-soċjetà kienet tarmi u tkompli tarmi. Hija l-qalba tal-aħbar tagħna, tal-missjoni tagħna. Rajna lill-Qaddis imiss lill-imniġġes, lill-Ġust jaħfer lill-midinba, lill-Ħajja tfejjaq il-morda, lill-Imgħallem jaħsel ir-riġlejn maħmuġa u għajjiena tad-dixxipli tiegħu.
F’din il-belt, kapitali tal-imperu kbir, il-ġebla mormija saret is-sinjal tat-tama ġdida, dik tas-Saltna ta’ Alla, hekk kif juruna l-Beatitudnijiet u jgħanni l-Magnificat. Waqt li tinqaleb ta’ taħt fuq il-loġika tad-dominju, dik ta’ min ifittex l-ambizzjoni bla sens li jiddetermina l-arkitettura tal-Art, fi Kristu jseħħ li dawk li ġew mormija jerġgħu jsibu d-dinjità tagħhom u jħossuhom magħżula għas-Saltna ta’ Alla. “Li ma kienx hekk”, jgħid Ġesù lid-dixxipli, “kont ngħidilkom: ‘Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?’. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (Ġw 14:2-3).
Ħuti għeżież, huwa għalhekk li, sal-lum, insiru ġebel mormi mill-bnedmin u magħżulin minn Alla: meta bil-ħajja u bil-kelma neħduha kontra l-proġetti li jgħaffġu lid-dgħajfa, ma jirrispettawx id-dinjità ta’ kull persuna, jinqdew bil-kunflitti biex jagħżlu lil min hu l-aktar b’saħħtu, waqt li jittraskuraw lil min jaqa’ lura, min ma jwassalx, u jqisu lil min jogħtor bħala imbarazz tal-istorja. Ġesù mexa ġo nofsna bħala profeta żarmat u li jżarma, u meta ġie mwarrab min-nofs, hu ma bidilx l-istil.
U issa ndur lejkom, għeżież ħuti li mil-lum se tkunu Isqfijiet Awżiljari ta’ din il-Knisja, li l-kura tagħha rċivejtu b’don; lilkom li, mal-Kardinal Vigarju, tistgħu tgħinuni nkunu mera tar-Ragħaj it-Tajjeb għall-poplu Ruman u nippresiedi fil-karità tal-poplu qaddis kollu ta’ Alla mifrux mad-dinja.
Ninkuraġġikom tilħqu l-ġebliet mormija ta’ din il-belt u tħabbrulhom li fi Kristu, il-ġebla tax-xewka tagħna, ħadd ma hu eskluż milli jsir parti attiva mill-binja qaddisa li hi l-Knisja u mill-fraternità bejn l-essri umani. F’din ix-xbieha nsibu eku tal-appell tal-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium tal-Papa Franġisku: li nkunu Knisja “sptar fuq il-kamp tal-battalja”, li nkunu ragħajja tat-triq, li jkollna f’qalbna l-periferiji materjali u eżistenzjali. Bħala presbiteri, intom iltqajtu din l-istedina, flimkien mal-komunitajiet parrokkjali li akkumpanjajtu. Issa waslet sejħa ġdida, vokazzjoni oħra, li dejjem għandha l-istess qalba: ħadd, proprju ħadd ma għandu jaħseb li hu mormi minn Alla, u intom se tkunu l-ħabbara ta’ din il-bxara tajba li hi fil-qalba tal-Vanġelu.
Ħallu lill-Ispirtu tal-profezija jaħdem fikom: takkomodawx ruħhom għall-privileġġi li l-kundizzjoni tagħkom tista’ toffrilkom, timxux mal-loġika mondana tal-ewwel postijiet, kunu xhieda ta’ Kristu li ġie mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi (ara Mk 10:45). Tkunu profeti fil-ministeru tagħkom, jekk tkunu rġiel ta’ paċi u ta’ għaqda, u tinsġu, bi ħjut ta’ grazzja u ħniena, l-ispazji wiesgħa u mimlija nies ta’ din id-Djoċesi, u hekk tarmonizzaw id-differenzi, billi tilqgħu, tisimgħu, taħfru.
Tħallux lil min joqgħod ifittixkom, imma ħallu lil min isibkom. U agħmlu mezz li l-presbiteri, id-djakni, ir-reliġjużi, il-lajċi impenjati fl-appostolat ma jħossuhom qatt waħidhom. Għinuhom jerġgħu jimlew bit-tama d-diversi minsiteri tagħhom u jħossuhom parti minn missjoni waħda. Kunu afu dejjem, bla ma tegħjew, kif timmotivaw il-persuni u l-komunitajiet, u tfakkru b’sempliċità fil-ġmiel tal-Vanġelu.
Il-foqra ta’ Ruma, il-pellegrini, il-viżitaturi li jaslu hawn minn kull parti tad-dinja, ħa jsibu fl-abitanti ta’ din il-belt, fl-istituzzjonijiet tagħha, fir-ragħajja tagħha dik il-maternità li hija l-wiċċ awtentiku tal-Knisja. Is-Salus Populi Romani, Omm tal-fiduċja tagħna, tmexxina u tħarisna dejjem tul il-mixja.
Miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard