Fil-ħajja tal-Knisja Kattolika, insibu diversi forom ta’ impenn li jistgħu jgħinu lill-lajċi nsara jgħixu l-fidi tagħhom b’mod aktar profond. Fost dawn hemm gruppi magħrufa bħala “Terzjarji” jew “Ordnijiet tat-Terz Ordni”. Dawn huma lajċi affiljati ma’ diversi ordnijiet reliġjużi. Sintendi jissejħu t-Tielet Ordni, propju għaliex l-ewwel tnejn, dik tar-Reliġjużi rġiel u dik tar-Reliġjuż nisa, kienu jkunu diġà mwaqqfa.

Oriġini Storika
L-ordnijiet terzjarji jmorru lura għall-Medju Evu, meta lajċi li kienu jammiraw l-ispiritwalità ta’ ordnijiet reliġjużi partikulari, xtaqu jibdew jgħixu huma wkoll skont il-valuri tagħhom mingħajr ma jidħlu fil-ħajja monastika jew reliġjuża. Per eżempju, Franġisku ta’ Assisi, fl-1221 kien waqqaf it-Tielet Ordni, oriġinarjament magħrufa bħala dik tal-Aħwa tal-Penitenza. L-għan tiegħu kien li lajċi, irġiel u nisa jkunu jistgħu jgħixu skont l-ispirtu Franġiskan waqt li huma jkomplu bil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
X’inhi l-Missjoni tagħhom?
It-terzjarji huma msejħa biex jgħixu l-Evanġelju skont il-kariżma tal-ordni li magħha jkunu ntrabtu. Dan jista’ jinkludi …
- Ħajja ta’ talb u formazzjoni spiritwali regolari.
- Qadi lill-foqra, lill-emarġinati, lill-morda u lil dawk li jkunu f’xi bżonn.
- Xhieda nisranija fil-familja, fuq il-post tax-xogħol u fil-ħajja ta’ kuljum.
Għalkemm jibqgħu lajċi u ħafna drabi jkunu miżżewġin jew jaħdmu fi professjonijiet sekulari, madankollu huma jsegwu wkoll ir-regola spiritwali approvata mill-Knisja.
Ir-Relazzjoni mal-Ordni Reliġjuża
It-terzjarji għandhom rabta uffiċjali ma’ ordni reliġjuż, iżda ma jagħmlux il-wegħdiet reliġjużi tal-faqar, tal-kastità u tal-ubdjenza fil-forma stretta tagħhom. Minflok, jidħlu għal impenn, spiss imsejjaħ professjoni, li jgħixu l-ispiritwalità tal-ordni skont l-istat tagħhom fil-ħajja. Din ir-relazzjoni tagħtihom gwida spiritwali u sens ta’ appartenenza aktar wiesgħa.
Differenza minn Gruppijiet Lajkali oħra
Gruppi lajċi oħra fil-Knisja, bħal movimenti, għaqdiet jew komunitajiet parrokkjali, jistgħu jkunu attivi ħafna fil-ħajja pastorali, iżda ma jkunux neċessarjament marbuta ma’ karizma ta’ ordni reliġjuż partikolari. It-terzjarji, min-naħa l-oħra …
- Għandhom regola formali u strutturata partikulari.
- Huma marbuta ma’ tradizzjoni spiritwali speċifika.
- Għandhom relazzjoni diretta ma’ ordni reliġjuż.
Gruppi lajkali oħra spiss ikunu aktar flessibbli jew iffukati fuq missjoni partikolari bħal evanġelizzazzjoni jew djakonija, imma mingħajr rabta diretta ma’ xi ordni.
Għalhekk it-terzjarji joffru triq unika għal dawk li jixtiequ jgħixu l-fidi tagħhom fid-dinja, waqt li jibqgħu marbuta ma’ wirt spiritwali profond. Huma pont bejn il-ħajja lajka u dik reliġjuża, u juru kif il-vokazzjoni għall-qdusija hija miftuħa għal kulħadd, f’kull stat tal-ħajja.
It-Terzjari u l-Fratelli
Tajjeb li hawn nirreferu ukoll għal dawk il-gruppi tal-lajċi, li f’Malta huma popolari ħafna, u li huma magħrufa bħala fratellanzi jew konfraternitajiet. Dawn huma ġeneralment assoċjati ma’ devozzjoni partikolari jew xi festa reliġjuża, u l-attivitajiet tagħhom spiss jiffukaw fuq ċelebrazzjonijiet pubbliċi, purċissjonijiet u ħidma komunitarja spiss marbuta ma’ parroċċa jew knisja. Hemm uħud ukoll li huma marbuta ma’ xi ordni reliġjuż, imma l-attenzjoni tibqa’ dejjem iffukata fuq il-festa. Filwaqt li t-terzjarji għandhom struttura aktar formali u rabta diretta ma’ ordni reliġjuż, il-fratellanzi huma aktar lokali u kulturali fl-espressjoni tagħhom tal-fidi.
Madankollu, it-tnejn għandhom rwol importanti fil-ħajja tal-Knisja: it-terzjarji bħala xhieda ta’ spiritwalità profonda u konsistenti, u l-fratellanzi bħala promoturi ta’ devozzjoni popolari u identità komunitarja, speċjalment waqt festi reliġjużi.
Liema minn dawn it-toroq hija l-aħjar?
Minn dan naraw kif kemm it-terzjarji kif ukoll l-għaqiet, movimenti u gruppi oħra tal-lajċi fi ħdan il-Knisja, juru l-għana u l-varjetà tal-ħajja tal-poplu kollu ta’ Alla. L-istess bħal vokazzjonijiet oħra, kemm saċerdotali, kemm reliġjużi u kif ukoll monastiċi, anke l-lajċi huma msejħa biex jimxu minn toroq differenti, hekk kif murija lilhom ukoll mill-Ispirtu s-Santu. Filwaqt li jsegwu toroq differenti, huma lkoll imsejħa jaslu għall-istess destinazzjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar, irridu niftakru li m’hemmx triq waħda partikulari li hija aħjar jew aktar qaddisa mill-oħrajn; iżda għal kull persuna, l-aħjar u l-aktar triq qaddisa hija dejjem dik li għaliha tkun insejjaħ, u li permezz tagħha tista’ twieġeb b’mod sħiħ għas-sejħa divina.