LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Bażilika ta’ San Pietru
L-Erbgħa 26 ta’ Awwissu 2026
Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II
II. Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium
8. Il-motivazzjonijiet tar-riforma liturġika
Għeżież ħuti,
F’din l-aħħar katekeżi dwar il-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, nixtieq li llum nieqaf ftit fuq ir-raġunijiet li għalihom il-Padri konċiljari riedu jippromovu riforma fil-liturġija. F’dan is-sens, tista’ ddawwalna t-tielet Ittra mill-Konċilju li l-Kardinal Giovanni Battista Montini, li dak iż-żmien kien Arċisqof ta’ Milan, bagħat fit-28 ta’ Ottubru 1962 lill-fidili tal-Knisja tiegħu. Il-liturġija – huwa kiteb – “hi espressjoni sinċiera kemm tad-divin u kemm tal-uman. Hija lingwaġġ. Hija minn banda għodda ta’ tagħlim divin, hija leħen ta’ kollokju ma’ Alla. Huwa ċar li hi ma jistax ma jkollhiex funzjoni didattika, u ma tistax ma toffrix lill-fidi u lill-pjetà l-possibbiltà li tesprimi ruħha b’intelliġibbiltà spontanja”.[1] Imqanqal minn dawn il-konvinzjonijiet, il-futur Papa San Pawlu VI stqarr li l-fidili “ma jistgħux u ma għandhomx jibqgħu iżjed fommhom sieket u passivi. Il-preżenza materjali tagħhom ma tistax taqbel mal-assenza spiritwali tagħhom”.[2]
Jidher ċar il-qbil ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ma’ dawk li jidhru fin-nru 48 tal-Kostituzzjoni konċiljari: “Il-Knisja tagħmel kulma hu meħtieġ biex il-fidili ma jkunux għal dan il-misteru tal-fidi bħallikieku barranin jew iħarsu siekta iżda, waqt li jifhmuh tajjeb permezz tar-riti u t-talb tiegħu, jieħdu sehem li jifhmuh, sehem qaddis u ħaj fl-azzjoni mqaddsa; ikunu mgħallma bil-kelma ta’ Alla; jieklu madwar il-mejda tal-ġisem tal-Mulej; iroddu ħajr lil Alla; u waqt li, mhux biss minn idejn is-saċerdot iżda huma wkoll flimkien miegħu, joffru l-vittma bla tebgħa, jitgħallmu joffru lilhom infushom u minn jum għall-ieħor, permezz ta’ Kristu Medjatur, jipperfezzjonaw irwieħhom fl-għaqda ma’ Alla u bejnhom infushom biex Alla jsir tabilħaqq kollox f’kulħadd”. F’dawn il-kelmiet nistgħu naraw għarfien imġedded tal-valur tal-liturġija. Permezz tal-azzjonijiet ritwali tal-Knisja, waqt li jitwettaq il-memorjal tal-opra ta’ salvazzjoni, tingħatalna l-possibbiltà li ngħixu r-relazzjoni vera ma’ Alla, u nidħlu f’kuntatt mal-ġrajja salvifika. Ladarba l-ġesti, il-kliem tal-liturġija mqaddsa huma deċiżivi biex titwettaq din l-esperjenza, is-sehem tal-fidili ma jistax ikun passiv.
Ir-riforma konċiljari, hija u tqiegħed fiċ-ċentru dak li jsawwar il-qalba tal-esperjenza ekkleżjali, riedet li l-liturġija tiddi bħala “l-għajn ewlenija ta’ dak il-qsim divin li fih tingħatalna l-ħajja ta’ Alla”.[3] Minn din il-konvinzjoni nibtet l-esiġenza li jsir aktar disponibbli għall-fidili kollha l-għana tat-testi bibliċi u tat-talbiet, u li l-ordinament ċelebrattiv ikun iktar linjari minn dak previst fil-kotba liturġiċi li kienu jintużaw sa dakinhar.
Fil-fatt, il-liturġija, ladarba hi realtà ħajja, dejjem matul is-sekli kienet suġġetta għal żviluppi u bidliet. Il-Maġisteru adatta l-forom tagħha għall-esiġenzi tad-diversi epoki. Allura ma nistagħġbux li anki l-Konċilju Vatikan II, bl-ikbar rispett lejn il-wirt tat-tradizzjoni, u proprju sabiex jara li jagħti aktar frott, ħass il-ħtieġa ta’ reviżjoni tal-kotba liturġiċi.
L-għan li kellhom għal qalbhom il-Padri hu espliċitat fin-nru 21 tal-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium: “Biex il-poplu Nisrani jkun aktar żgur li jaqla’ kotra ta’ grazzji mil-Liturġija mqaddsa, Ommna l-Knisja mqaddsa tixtieq li b’ħerqa tagħmel riforma ġenerali tal-liturġija nnifisha. Għaliex il-liturġija hi magħmula minn parti li ma titbiddilx għax imwaqqfa minn Alla, u minn partijiet li jistgħu jitbiddlu u li matul iż-żminijiet jistgħu jew għandhom jinbidlu jekk fihom ikunu daħlu xi elementi li ma jaqblux ħafna man-natura intima tal-liturġija nnifisha, jew li jkunu saru anqas addattati. F’din ir-riforma jkun jenħtieġ illi t-testi u r-riti jintgħamlu b’mod illi b’hekk juru b’mod aktar ċar il-ħwejjeġ qaddisa li jridu jfissru, u l-poplu Nisrani, kemm hu possibbli, ikun jista’ jifhimhom malajr u jieħu sehem b’ċelebrazzjoni sħiħa, ħajja u komunitarja”. Tmur lura għall-Enċiklika Mediator Dei tal-Papa Piju XII id-distinzjoni, fil-liturġija, bejn elementi divini, li ma jinbidlux, u elementi umani, li allura “jistgħu jgħaddu minn diversi modifiki, approvati mill-Ġerarkija mqaddsa megħjuna mill-Ispirtu s-Santu, skont l-esiġenzi taż-żminijiet, tal-ħwejjeġ u tal-erwieħ” (Acta Apostolicæ Sedis 39, 1947, 541-542).
Mill-bqija, ix-xewqa ta’ “riforma ġenerali” ma nibtitx ħabta u sabta, imma kienet dehret fl-azzjoni ta’ Papa wieħed wara l-ieħor sa mill-bidu tas-seklu 20, f’sintonija mal-proċess tal-Moviment liturġiku. L-istqarrija tal-ħtieġa li l-fidili ma jassistux għaċ-ċelebrazzjonijiet “bħala barranin jew spettaturi muti” diġà kienet reġgħet għamlitha l-Kostituzzjoni appostolika Divini Cultus tal-Papa Piju XI. Barra minn hekk, nistgħu nfakkru l-interventi ta’ Piju XII fuq l-ordinament tar-riti tal-Ġimgħa Mqaddsa, li hu ġabarhom flimkien fis-sigħat li jikkorrispondu għall-ġrajjiet tal-Għid, wara li għal sekli sħaħ kienu ġew antiċipati fis-sigħat ta’ filgħodu. Imbagħad ma rridux ninsew li San Ġwanni XXIII ħass il-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni tar-rubriki tal-Brevjar u tal-Messal, li approvaha bil-Motu proprju Rubricarum instructum, tal-25 ta’ Lulju 1960, li fih ħalla f’idejn il-Konċilju Ekumeniku mħabbar il-proposta tal-prinċipju fundamentali għal riforma tal-liturġija.
Allura r-riforma liturġika li ppromova l-Konċilju Vatikan II tinsab fil-qalba tat-tradizzjoni ħajja tal-Knisja. Jekk nifhmuha sewwa nkunu nistgħu wkoll niċħdu l-abbużi li seħħu f’xi oqsma tal-Knisja fl-istaġun postkonċiljari, u li b’xorti ħażina għadhom iseħħu llum ukoll, meta jiġu assolutizzati jew mifhuma ħażin xi wħud mill-prinċipji li kienu fil-bażi tal-istess riforma.
Dwar dan, ta’ min ifakkar kif il-Kostituzzjoni konċiljari tistqarr li “l-azzjonijiet liturġiċi mhumiex għemejjel privati iżda ċelebrazzjonijiet tal-Knisja li hi ‘sagrament tal-unità’, jiġifieri poplu qaddis magħqud u organizzat taħt it-tmexxija tal-isqfijiet. Għalhekk huma azzjonijiet tal-ġisem kollu tal-Knisja, manifestazzjoni tiegħu, u għandhom effett fuqu” (Sacrosanctum Concilium, n. 26).
Għalhekk hi qabelxejn responsabbiltà tar-ragħajja, tal-isqfijiet, imma anki ta’ kull saċerdot, li jħares u jippromovi liturġija li, fir-rispett tan-normi liturġiċi, tilma b’sempliċità kbira (ara n. 34) u hekk turi l-Knisja waħda, qaddisa, kattolika u appostolika. Liturġija bħal din tkun ukoll għodda fundamentali ta’ evanġelizzazzjoni, l-istrument ta’ grazzja li permezz tiegħu, kif jgħallem il-Konċilju, nistgħu nitgħallmu noffru lilna nfusna u, bil-medjazzjoni ta’ Kristu, niġu pperfezzjonati fl-għaqda ma’ Alla u bejnietna (ara n. 48).
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard