Omelija tal-Papa Ljun XIV fis-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin

QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħadd 24 ta’ Mejju 2026

Għeżież ħuti,

Illum, Solennità ta’ Għid il-Ħamsin, żmien l-Għid jilħaq il-milja tiegħu. Biex juri l-għaqda ta’ din il-ġrajja ta’ salvazzjoni, il-Vanġelu jeħodna mill-ġdid fl-“ewwel jum tal-ġimgħa” (ara Ġw 20:19), jiġifieri f’dak il-jum ġdid li fih Ġesù Rxoxt jidher lid-dixxipli u jurihom “idejh u ġenbu” (v. 20). Il-Mulej juri l-ġisem glorjuż tiegħu, sewwasew il-pjagi tiegħu, il-feriti tat-tislib. Dawn is-sinjali tal-passjoni, iktar elokwenti minn kull diskors, huma ttrasfigurati: Dak li kien mejjet, jgħix għal dejjem.

Meta jaraw lill-Mulej, anki d-dixxipli jerġgħu jibdew jgħixu: kienu ndifnu fiċ-Ċenaklu mimlijin biża’, imma Ġesù jidħol hemm minkejja l-bibien magħluqa u jimliehom bil-ferħ. Hu jgħaddi mill-mewt tagħna, jiftaħ il-qabar u jberrħu hemm fejn għalina ma kienx fadal tama. Mal-ġest tiegħu, Kristu jgħaqqad il-kelma: “Is-sliem għalikom” (v. 19); u dritt wara jonfoħ fuq id-dixxipli l-Ispirtu s-Santu. L-Irxoxt hu mimli ħajja: wara li wriehom dik tal-ġisem, bħala veru bniedem, jagħtihom dik ta’ Alla, bħala Iben maħbub tal-Missier, li jsir għalina ħuna u Feddej tagħna. Fl-istess Ċenaklu fejn waqqaf il-patt il-ġdid u dejjiemi, Ġesù jsawwab l-Ispirtu tiegħu: il-post tal-ikla u tat-tradiment jinbidel u, minn qabar tal-Appostli, isir għall-Knisja kollha ġuf tal-qawmien. Għalhekk Għid il-Ħamsin hu festa paskwali u festa tal-ġisem ta’ Kristu, li bi grazzja aħna aħna.

Aħna u niċċelebraw dan il-misteru, nixtieq nieqaf fuq tliet aspetti.

Qabelxejn, l-Ispirtu tal-Irxoxt hu l-Ispirtu tal-paċi. Fil-fatt, fl-Għid Kristu jġib il-paċi bejn Alla u l-umanità, u l-Ispirtu s-Santu jsawwabha fil-qlub u jxerridha fid-dinja. Din il-paċi tiġi mill-maħfra u twassalna għall-maħfra: tibda bil-maħfra li jagħti Ġesù nnifsu, li ġie minna ttradut, ikkundannat, imsallab. Hu jissorprendina bi mħabbtu, proprju hu, l-Irxoxt, u jgħid: “Dawk li taħfrulhom dnubiethom, ikunu maħfura” (Ġw 20:23). B’dawk il-kelmiet Ġesù jafdalna opra divina, għax Alla waħdu jista’ jaħfer id-dnubiet (ara Mk 2:7). Din l-awtorità tingħata f’isem rikonċiljazzjoni universali: il-Mulej isawwab l-Ispirtu tal-paċi minn kapitlu għall-ieħor tal-istorja, għax ma jħalli lil ħadd barra Dak li feda lil kulħadd mill-mewt. Fil-fatt, l-Ispirtu s-Santu hu l-Mulej u jagħti l-ħajja sa mill-bidu tal-ħolqien, meta kien jittajjar fuq l-ilmijiet (ara Ġen 1:2), u issa, fil-fidwa tiegħu, jibdel l-istorja tad-dinja: tabilħaqq Għid il-Ħamsin iseħħ bħala festa tal-Patt il-ġdid, jiġifieri tal-patt bejn Alla u l-popli kollha tal-art. Filwaqt li l-ħoss qawwi mis-sema, ir-riħ u l-ilsna tan-nar fiċ-Ċenaklu jfakkruna fis-sinjali qodma tas-Sinaj (ara Atti 2:2-3; Eż 19:16-19), il-liġi mqaddsa ta’ Alla tiġi miktuba fil-qlub, imnaqqxa mill-Ispirtu b’karattri ta’ mħabba fil-laħam ta’ Kristu u fil-ġisem tiegħu, li hija l-Knisja.

Din il-liġi hija l-kodiċi tal-paċi: hi l-kmandament doppju tal-imħabba, li l-Ispirtu jfakkarna ma’ kull taħbita tal-qalb. Bil-qalb tagħna nistgħu għalhekk insejħulu: “Veni Sancte Spiritus”, għax hu diġà ġie mogħti lilna. Nistgħu nixtequh, għax hu diġà ġie mwiegħed lilna. Nistgħu nilqgħuh, għax hu stess huwa l-mistieden ħelu tar-ruħ.

It-tieni aspett: l-Ispirtu tal-Irxoxt hu l-Ispirtu tal-missjoni: “Kif il-Missier bagħat lili”, jgħid il-Mulej, “hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20:21). U hekk niġu mdaħħlin fil-missjoni ta’ Ġesù: dik ta’ Dak li joħroġ mingħand Alla u għand Alla jerġa’ lura bil-qawwa tal-Ispirtu, li ġej mill-Missier u mill-Iben, u magħhom hu mweġġaħ u gglorifikat, Alla wieħed. L-Ispirtu s-Santu hu l-imħabba ħajja ta’ Kristu li tgħammar fina, tixprunana, tweżinna fil-missjoni (ara 2 Kor 5:14). Waqt li jagħti lill-Appostli l-qawwa li jesprimu ruħhom fil-firxa wiesa’ tal-ilsna (ara Atti 2:4), l-istess Spirtu jgħallem lill-umanità l-kelma tas-salvazzjoni. Issa li l-Appostli rċivew in-Nifs tal-Irxoxt fihom, din l-aħbar toħroġ minn fommhom, għandha l-leħen ta’ Pietru u ta’ dawk li jinsabu miegħu. Proprju fil-jum ta’ Għid il-Ħamsin l-Appostli jibdew iħabbru lil Ġesù, imsallab u rxuxtat: l-“opri kbar ta’ Alla” (Atti 2:11) jinġabru kollha fil-fidwa, li tibda bil-fidi. Fil-fatt, l-ewwel opra tal-Ispirtu s-Santu fina hija l-fidi li biha nistqarru: “Ġesù hu l-Mulej!” (1 Kor 12:3). Din il-fidi tgħix u tesprimi ruħha f’kull għemil tajjeb, f’kull att ta’ ħniena u ta’ virtù. Allura, l-opra ta’ Alla hija aħna, li llum ġejjin hawn mill-partijiet kollha tad-dinja, mistednin għall-mejda tal-Mulej, miġbura fis-smigħ tal-kelma tiegħu u mibgħutin biex nagħtu xhieda tagħha kullimkien.

Għeżież, tassew li aħna għandna sehem fil-Vanġelu: il-Knisja kollha hi protagonista tiegħu, u mhux biss ħarriesa. Bil-qawwa tal-Ispirtu, it-tħabbira tagħna timtela bil-ferħ u bit-tama, għax aħna, proprju aħna l-ġdid tad-dinja, id-dawl u l-melħ tal-art (ara Mt 5:13-14). Dan żgur li mhux b’mertu tagħna, lanqas bi privileġġ, imma minħabba l-kelma tal-Mulej, li tqaddes lill-midneb, tfejjaq lill-imġiddem, tagħmel minn min jiċħadha appostlu. Minn naħa – u dan narawh tajjeb –, hemm bidliet li ma jġeddux lid-dinja, imma jxejħuha qalb żbalji u vjolenzi. Imma min-naħa l-oħra, l-Ispirtu s-Santu jdawwal l-imħuħ u jqanqal fil-qlub enerġiji ġodda ta’ ħajja. Huwa b’dan il-mod li jibdel l-istorja billi jiftaħha għas-salvazzjoni, jiġifieri għad-don li l-Mulej waħdieni jaqsam ma’ kulħadd. Il-missjoni tal-Knisja tixhed għal dan il-qsim, u tibdel il-konfużjoni tad-dinja f’komunjoni ma’ Alla u bejnietna.

Din il-missjoni tibda billi nlissnu l-verità ta’ Alla u tal-bniedem, għax l-Ispirtu tal-Irxoxt huwa l-“Ispirtu tal-verità” (Ġw 14:7). Il-Mulej innifsu wegħedulna dan, u talab l-għaqda għall-Knisja tiegħu, għaqda mibnija fuq l-imħabba ta’ Alla, għajn tal-imħabba tagħna. L-Ispirtu, li tkellem permezz tal-profeti, iseddaq dejjem l-għaqda fil-verità, għax hu jqanqal fina komprensjoni, fehma waħda u koerenza ta’ ħajja. Kif jgħallem Santu Wistin, “l-Ispirtu s-Santu ried li dan ikun is-sinjal tal-preżenza tiegħu” (Diskors 269,1): id-don tal-ilsna li jifhmu lil xulxin fil-fidi waħda. Il-Paraklitu allura jiddefendina minn dak kollu li jxekkel dan il-ftehim: mill-fazzjonijiet, mill-ipokreziji, mill-modi li jdallmu d-dawl tal-Vanġelu. U hekk il-verità li jagħtina Alla tibqa’ kelma li teħles għall-popli kollha, messaġġ li jibdel lil kull kultura minn ġewwa.

Fil-fatt, l-Ispirtu tal-Irxoxt ma jiġix imsawwab darba u mbagħad daqshekk, imma kontinwament. Kif l-Ewkaristija hi l-preżenza ħajja ta’ Kristu, li dejjem jitmagħna, hekk l-Ispirtu s-Santu jissiġilla fina l-karattru tiegħu fil-Magħmudija, li tagħmilna Nsara; fil-Griżma, li tagħmilna xhieda; fl-Ordni, li tagħmel ministri u ragħajja għall-poplu ta’ Alla. F’kull Sagrament hu dator munerum, għajn ta’ qdusija li tkattar id-doni u l-kariżmi fit-talb, fl-opri tal-ħniena, fl-istudju tal-kelma ta’ Alla. Kif jgħallem l-Appostlu: “Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd” (1 Kor 12:7). Proprju hekk aħna Knisja, ġisem wieħed li jgħix b’Alla u jaqdi lid-dinja. Grazzi għall-Ispirtu nistgħu nwasslu lil kulħadd il-paċi vera, il-verità li ssalva, jiġifieri l-istess Kristu l-Mulej.

Għeżież, b’qalb imħeġġa, nitolbu llum li l-Ispirtu tal-Irxoxt isalvana mill-ħażen tal-gwerra, li tiġi mirbuħa mhux minn xi superpotenza, imma mill-Omnipotenza tal-imħabba. Nitolbu biex hu jeħles lill-umanità mill-miżerja, li tiġi mifdija mhux minn għana bla kalkoli, imma minn don bla tarf. Nitolbuh ifejjaqna mill-pjaga tad-dnub, bil-fidwa mħabbra lill-popli kollha f’isem Ġesù. Din hija l-grazzja li timla bil-kuraġġ lill-Appostli: issawbu fuqna lkoll, illum u dejjem, għall-interċessjoni ta’ Marija, Omm il-Knisja.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading