Omelija tal-Papa Ljun XIV fi Spanja fis-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
FI SPANJA
(6-12 TA’ ĠUNJU 2026)
QUDDIESA
FIS-SOLENNITÀ TAL-QALB IMQADDSA TA’ ĠESÙ
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Port ta’ Santa Cruz de Tenerife
Il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju 2026

Għeżież ħuti,

Hija grazzja li qed niltaqgħu fil-jum li fih il-qalb ta’ Kristu tħallina nikkontemplawha bħala l-qalba tal-istorja. Bil-ferħ kollou qed niċċelebra magħkom l-Ewkaristija, u rrodd ħajr għall-fidi u l-imħabba li tagħhom irċivejt tant xhieda f’dan il-vjaġġ appostoliku u li jagħmlu anki mill-arċipelagu tagħkom, hekk magħruf għall-ġmiel u l-akkolejnza tiegħu, post li fih Kristu Rxoxt jimxi qabilna u juri ruħu. Quddiemna l-baħar ifakkarna fl-infinit u hekk ukoll is-sema, imma infinita hi fuq kollox ix-xewqa li torbot il-qalb ta’ Alla ma’ tant qlub ta’ bnedmin, li l-ferħ u t-tamiet, in-niket u t-tħassib tagħhom isibu eku fil-qalb tal-Knisja (ara Gaudium et spes, 1). Fil-fatt, ebda, bniedem ma hu gżira; il-kollokazzjoni ġeografika ta’ din id-Djoċesi u l-isfidi pastorali li jimpenjawha huma xhieda li aħna twelidna għal-laqgħa u li ma hemm ebda ostaklu, distanza, periklu jew theddida li jistgħu jżommu lil xi ħadd mill-vjaġġ tiegħu. Kemm jekk nibqgħu ħajjitna kollha fl-istess post, kemm jekk nagħżlu jew niġu mġiegħla nitilqu, qatt ħadd ma hu wieqaf. Huwa dan is-sigriet tal-qalb: is-sejħa intima għall-eżodu u għal-laqgħa.

Imma l-qalb ta’ Ġesù turina kif ma nintilfux f’dinamiżmu sterili: “B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih” (1 Ġw 4:9). Hemm il-ħajja meta nagħtu l-ħajja. Inkella nkunu nduru fil-vojt. Fil-fatt, “kif ifakkarna l-Konċilju, il-bniedem hu msejjaħ għall-komunjoni ma’ Alla u ‘ma jistax isib sewwa lilu nnifsu ħlief billi sinċerament jagħmel don tiegħu nnifsu’: l-aktar vokazzjoni profonda tiegħu hi li jidħol fil-moviment Trinitarju tal-imħabba rċevuta u maqsuma” (Magnifica humanitas, 48). Il-Papa Franġisku osserva: “Ħafna persuni jħossu żbilanċ qawwi li jisfurzahom biex jagħmlu l-affarijiet b’ħeffa kbira biex iħossuhom għandhom x’jagħmlu, f’għaġla kontinwa li min-naħa tagħha twassalhom biex jirkbu u jħarbtu kulma jsibu madwarhom. Dan ukoll jaffettwa l-mod kif wieħed jittratta l-ambjent” (Laudato si’, 225). Dan hu kliem li jisfida wkoll il-vokazzjoni turistika ta’ Tenerife, kemm dwar il-qalb ta’ min jagħżel li jqatta’ hawn perjodu ta’ btala, kemm għal min jgħix u jaħdem fuq il-gżira f’kuntatt ma’ nies ġejjin minn tant pajjiżi tad-dinja. X’qed tfittex il-qalb tal-bniedem? Kif se jsib tweġiba għall-għatx tiegħu u ma jiġix ingannat? Kemm hu importanti, speċjalment għal min iħalli l-Vanġelu jmexxih, li ma jirriduċix kollox għal kummerċ u profitt. “Dawk li kapaċi jiggustaw iżjed u jgħixu aħjar kull mument huma dawk li jieqfu jbillu minn hawn u minn hemm, dejjem ifittxu dak li m’għandhomx, u jduqu xi jfisser tapprezza kull persuna u kull ħaġa, jitgħallmu jiffamiljarizzaw ruħhom mar-realtajiet iktar sempliċi u jafu jgawduhom. B’dan il-mod iseħħilhom inaqqsu l-ħtiġijiet li ma jistgħux jissodisfaw, u ma’ dan tonqos ukoll l-għeja u t-tensjoni żejda” (Laudato si’, 223). Għeżież ħuti, b’dan il-mod interepretaw il-vokazzjoni tagħkom għall-akkoljenza.

Illum il-Vanġelu jidher li qed jirradikalizza din l-isfida u jfakkarna fl-għana tal-foqra: paradoss li jmiss direttament il-ħajja ta’ Ġesù, il-verità tiegħu, it-triq li fiha għadu jitlobna nimxu warajh. Fil-paġna li għadna kemm smajna huwa jbierek lill-Missier għal dan: huwa liċ-ċkejknin – li fil-kuntest ifisser lill-iżgħar nett, lil dawk li ħadd ma jaħseb li kapaċi jaħsbu u jitkellmu – li Alla wera lilu nnifsu. Għaniehom b’dak li jibqa’ moħbi għal min hu mdawwar bl-ammirazzjoni u s-suċċess. Bl-Eżortazzjoni appostolika Dilexi te ridt nixħet attenzjoni fuq dan il-post ipprivileġġjat tal-foqra fir-Rivelazzjoni divina u fil-missjoni tal-Knisja.

Dan hu misteru li jidwi b’mod għalkollox speċifiku f’dawn il-gżejjer, fil-qalba ta’ rotot migratorji li jagħmluh l-ewwel post li jilqa’ lill-aħwa li l-vjaġġ tagħhom ġeneralment hu espost għal perikli u vjolenzi li ma jitwemmnux. Quddiem min jieħu vantaġġ mid-disperazzjoni, bħala Nsara mhux biss nistgħu noffru mera tal-Mulej li jgħid: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). L-akbar grazzja hi li nħallu jevanġelizzana lil min inkunu qed ngħinu, li nagħrfu l-għerf misterjuż ta’ Alla miktub fl-istess ġisem tagħhom: “Peress li kibru fil-prekarjetà estrema, tgħallmu jibqgħu għaddejjin qalb l-aktar kundizzjonijiet iebsa, jafdaw f’Alla biċ-ċertezza li ħadd iżjed ma hu jeħodhom bis-serjetà, u jgħinu lil xulxin fil-mumenti l-aktar mudlama, il-foqra tgħallmu tant ħwejjeġ li huma jgħożżu fis-satra tal-qalb tagħhom. Dawk fostna li ma kellhomx esperjenzi simili, ta’ ħajja b’tant limiti, ċertament għandhom ħafna x’jirċievu minn dik l-għajn ta’ għerf li hi l-esperjenza tal-foqra. Huwa biss jekk inqiegħdu f’relazzjoni bejniethom it-tgergir tagħna u t-tbatijiet u ċaħdiet tagħhom li aħna nistgħu nirċievu ċanfira li tistedinna nissimplifikaw il-ħajja tagħna” (Dilexi te, 102). Il-Mulej, li jċanfar u jwissi lil min iħobb (ara Apok 3:9), jixtieq ukoll jagħmel aktar sempliċi u hienja l-ħajja tal-Knisja tagħna.

Għeżież ħuti, grazzi ta’ dak li intom u dak li tagħmlu, biex din il-gżira tagħmluha post fejn nistgħu niltaqgħu mal-qalb ta’ Kristu fil-wiċċ ħabib u akkoljenti ta’ persuni u komunitajiet fraterni. “Aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha” (1 Ġw 4:16): din l-istqarrija ta’ fidi li taslilna mill-Ewwel Ittra tal-Appostlu Ġwanni ħa tħalli eku dejjem fuqkom, tqanqalkom għat-talb u għall-azzjoni. Kunu partikularment attenti għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ, għonja u foqra, residenti u ospiti: jeħtieġu min isir jafhom b’ħarsa li tmur lil hemm mill-apparenzi u tagħraf il-profondità tal-qalb imħassba tagħhom, mhux darba u tnejn diġà orjentata, forsi bla ma taf, lejn is-Saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu. Ħa jħossu fostkom li “Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih” (1 Ġw 4:16). Din hija l-qalb tal-Vanġelu, il-qalb ta’ Kristu. Min jogħdos fiha ma jibqax jgħix għalih innifsu. Iftħu għal kulħadd dan il-baħar ta’ mħabba! Dan hu l-awgurju tiegħi u t-talba tiegħi għalikom u għal dawk kollha li tiltaqgħu magħhom tul il-mixja tagħkom.

_________________________________

Ringrazzjament finali fi tmiem il-quddiesa

Grazzi minn qalbi, Eċċellenza, u miegħek ngħid grazzi lill-poplu kollu ta’ Tenerife, lir-Ragħajja tiegħu u lill-Awtoritajiet ċivili.

Għeżież ħuti, b’din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika nagħlaq il-Vjaġġ appostoliku tiegħi fi Spanja. Irrodd ħajr lil Alla u lil dawk kollha li laqgħuni u li b’elf mod ikkollaboraw għat-tħejjija u t-twettiq ta’ diversi mumenti f’Madrid, f’Barċellona u Montserrat, u hawn fil-Gżejjer Kanarji.

Sejjer lura Ruma kommoss għall-imħabba kbira li wrejtuni u mfarraġ mix-xhieda ta’ fidi u ta’ mħabba għall-Knisja, espressjonijiet tal-qalb kbira Kattolika ta’ Spanja.

Minn dan il-Port, li jġorr l-isem tas-Salib Imqaddes, il-ħsieb jitwessa’ għad-dinja kollha u għall-ġrieħi tagħha, li qed iġagħlu popli sħaħ ibatu. Lil kulħadd nixtieq infakkar fil-motto ta’ dan il-Vjaġġ tiegħi: “Erfgħu ħarsitkom!”. Iva, ejjew nerfgħu ħarsitna lejn Kristu Msallab: il-Qalb tiegħu hija l-għajn tal-ħniena, li waħidha tista’ ssalva l-umanità fil-bżonn tal-maħfra u tar-rikonċiljazzjoni biex tasal għall-paċi vera u fit-tul. Nerfgħu ħarsitna kif għamlet Marija, Omm dawk kollha li jbatu, u mmexxija minnha nerġgħu naqbdu l-mixja tagħna bit-tama!

Maħbubin ħuti! Grazzi mill-qalb! Nibqgħu magħqudin fit-talb u fil-komunjoni fi Kristu u fil-Knisja mqaddsa.

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading