Il-11-il Ħadd Matul is-Sena A

Minn D. Edward Vella

Dan li ried jgħid Alla lill-poplu tiegħu permezz ta’ Mosè kif smajna fl-ewwel qari: ‘kif lilkom ġarrejtkom fuq il-ġwienaħ tal-ajkli u ressaqtkom lejja. Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha…’. Mela l-Mulej qed iwissi lill-poplu tiegħu biex joqgħod attent li ma jdaħħalx drawwiet pagani, iżda jibni ħajtu fuq il-Kelma tal-Mulej. Aħna jeħtiġilna nkunu ċerti li kull ħaġa li tidħol fina jekk tkun taqbel mar-rieda tal-Mulej għalina, din żgur li ser tagħmlilna ħafna ġid, u minn naħa l-oħra kull ħaġa li tidħol f’ħajjitna, tkun kemm tkun attraenti, jekk ma’ taqbilx mar-rieda t’Alla għalina, din żgur li ser tagħmlilna ħafna ħsara. Infatti meta Alla qiegħed jitlob mill-poplu tiegħu, u minna, li jisma’ leħnu u jħares il-patt tiegħu, dan mhux għax Alla qed ifittex xi interess tiegħu – Alla lanqas kieku jrid ma jista’ jistenna xejn minn għandna – iżda dan jagħmlu purament għax iħobbna u jrid biss il-ġid tagħna.

San Pawl fit-tieni qari jgħidilna: ‘Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu, insalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla!’ Daqshekk ħabbna Alla tagħna, li ħelisna mid-dnub tagħna, u għad li n-natura tagħna għadha ġġorr l-effett tad-dnub, u dan inħossuh fl-inklinazzjoni tagħna lejn il-ħażen, iżda qatt ma għandna naqtgħu qalbna għax il-grazzja t’Alla hija infinitament akbar mid-dnub u dgħufija tagħna. Dan ma jfissirx li għandna nabbużaw mill-imħabba u l-ħniena t’Alla, Alla ħares qatt. Dan ifisser li jekk Alla t-triq tas-salvazzjoni mxiha kollha hu għalina, issa kulma jistenna minnha hija r-rieda tajba tagħna u s-sinċerità ta’ qalbna li nikkooperaw mal-grazzja tiegħu li taħdem fina.

Il-Vanġelu tal-lum jurina f’Ġesù il-qalb mimlija ħniena t’Alla: ‘Ġesù ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.’ Quddiem dan il-bżonn kemm ta’ Alla li jrid iwassal imħabbtu lejn il-bniedem u kemm tal-bniedem li tant għandu bżonn ta’ Alla x’jagħmel Ġesù? ‘Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.’ Hu jsejjaħ lejh id-dixxipli, jagħtihom is-setgħa tiegħu: ‘Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet:… Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi…’ Mela Ġesù isejjaħ lejh lid-dixxipli, jagħtihom is-setgħat tiegħu u jibgħathom. Dan Ġesù għadu jagħmlu sal-lum. Ejjew nitolbu lil Sid il-ħsad biex jibqa jkun hawn qlub ġenerużi li jħallu lill-Mulej jaħdem fihom u permezz tagħhom ħalli l-Imħabba t’Alla tibqa tasal għand il-bniedem tal-lum.

Nitolbuk Mulej għenna ħalli noqgħdu attenti fuqna nfusna biex ma nħallux il-ħażen jidħol fina u jsir parti minna: iżda anke jekk dan ġara jew jiġri Mulej aħna nafu u nemmni li int aqwa minn kull ħażen: nitolbuk agħtina fidi sħiħa fik biex ma naqtgħu qatt qalbna quddiem il-ħażen tad-dinja jew ta’ ġo fina, iżda nemmnu bil-qawwa kollha li inti rbaħt fuq il-ħażen u d-dnub. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading