L-ewwel l-imħabba, imbagħad it-teknika. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-ħdax il-Ħadd tas-sena “A”

Minn Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”.

Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.

L-ismijiet tat-tnax-il appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”. Mt 9, 36 – 10, 8.

  1. Riflessjoni/talba:

i. F’dak iż-żmien, Ġesù ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.

Hemm min jagħżel li ma jara xejn
hemm min jara, jitkaża jew jaqta’ qalbu
hemm min jara u jieħu vantaġġ.

Ġesù jara u jinnota
l-konsegwenzi ta’ viżjoni żbaljata tal-ħajja:
fejn mistenni tagħmel kollox waħdek,
tirnexxi, tkun effiċjenti, taħdem biex tixtri,
bla Alla.

Ġesù jara u jħoss
Għal dawk nieqsa mill-wens u sens ta’ direzzjoni.

Irrifletti:
• X’inhu li joħloq fik l-esperjenza ta’ dwejjaq u sens ta’ telqa?

ii. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”.

Biex ifejjaq il-ġerħa li tifni l-bniedem
Alla ma jiġix bħala tabib idur id-dinja kollha
jistinka, jaħdem, isolvi

imma bħala tallab irawwem tallaba:
jitlob l-għajnuna tad-dixxipli
ta’ nies lesti li jitgħallmu
ta’ nies li mhux perfetti
ta’ nies lesti jiddependu fuq Sid il-ħsad
u l-mod tiegħU kif jaħsad

Dak li ma baqax lest li jibqa’ jimxi hekk
u ħa r-riedni f’idejh
kien dak li ttradieh: jixtri u jbiegħ.

Irrifletti
• X’imexxini f’ħajti? L-ansjetà jew il-fiduċja?

iii. Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “… Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.

Eventwalment jaslu fid-dinja kollha:
imma l-ewwel jagħmel mezz
li ma jibgħathomx bħala ħakkiema
imma bħala tallaba mimlija gratitudni:

“b’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”:

inti li tfejjaqt mill-awtosuffiċjenza, fejjaq …
int li tqajjimt mit-telqa, qajjem …
int li fiqt minn dak li jaqtgħek mill-oħrajn, dewwi …

Irrifletti

• Il-ġid li tipprova tagħmel, b’liema spirtu tagħmlu?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading