IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 14 ta’ Ġunju, 2026
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum (Mt 9,36 – 10,8) itina rigal kbir, għax lil kulmin jisimgħu jiġbdu taħt il-ħarsa ta’ Ġesù: huwa rakkont li jagħti xhieda tal-attenzjoni ta’ ħarstu, minbarra li jgħidilna x’josserva l-Mulej. Infatti, naqraw li meta ra l-folol “tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa” (v. 36). Iben Alla li sar ħuna jħares lejn in-nies, iħares lejn l-umanità: jara l-oppressjoni li tisħaq u l-vjolenza li therri l-forza. Jara l-ġrieħi tal-gwerer u l-vojt tal-konsumiżmu. Jara wċuħ għadma u ġilda, familji mfarrkim mill-ħażen u żgħażagħ illużi minn ideali foloz. Ġesù jara u jħobb. Iħobb u jsofri għalina, magħna: il-kumpassjoni tiegħu ma tesprimix biss qrubija fraterna, iżda rieda ta’ redenzjoni.
Infatti, Hu jaf qalbna u jieħu ħsiebha: quddiem tant persuni qieshom “nagħaġ bla ragħaj” (v. 36), Kristu jiddedika ruħu għal kulħadd bħala ragħaj tajjeb, u bħal sid il-ħsad, jibgħat ħaddiema fl-għalqa tad-dinja (cfr v. 38). Xinhu x-xogħol li għandhom jagħmlu? Jagħtu l-faraġ t’Alla li min qed isofri: iwasslu l-karità fejn hemm il-miżerja, it-tama fejn hemm in-niket, il-fidi fejn nieqsa l-fiduċja.
L-Evanġelju jtina l-ismijiet tal-ewwel “ħaddiema”: huma dixxipli li jsiru appostli, bħala missjunarji u predikaturi. Fosthom hemm Xmun Pietru, l-ewwel, u Ġuda l-Iskarjota wkoll, l-aħħar wieħed, biex ifakkarna li nistgħu nimxu wara Ġesù u nittraduh. Imma l-Evanġelju jibqa’ kelma ħajja u minnha għal kulħadd. L-Aħbar it-Tajba baqgħet dejjem l-istess matul is-sekli, dejjem żgħażugħa, friska u ħelliesa: “Is-Saltna tas-Sema qrib” (Mt 10,7) Iva, hi qrib għax f’Ġesù Kristu Alla qorob lejn kull raġel u mara, lejn kull nazzjon u poplu.. Meta dan l-Evanġelju jitħabbar u jitqiegħed fis-seħħ, il-ħażen jiġġarraf qisu marda li tfiq (cfr v. 8), bħal lejl li jċedi postu għaż-żerniq, bħall-mewt megħluba mill-Irxoxt.
Bl-istess mod, il-ħarsa ta’ Ġesù tittrasforma r-realtà: l-inizjattiva tiegħu mimlija mħabba tagħti l-ħajja lil poplu ġdid, il-Knisja, imsejħa biex tkompi l-missjoni tal-Appostli: “B’xejn ħadtu u b’xejn tagħtu” (v. 8). Iva, id-don ta’ Ġesù hu gratis, għax il-valur tiegħu jisboq kull qies ieħor: impossibbli li wieħed jimmeritah jew “jixtrih”. Dil-grazzja hi l-isem mill-isbaħ tal-ħniena t’Alla, li tilħaqna kullimkien, biex tiġbidna lejh. “Itolbu għalhekk, lil sid il-ħlas biex jibgħat ħaddiema f’għalqa tiegħu” (Mt 9,38)!
Għeżież, ix-xogħol tal-evanġelizazzjoni jiġi mid-don ta’Alla li fi Krisstu jsir maħfra għad-dinja, servizz għal min hu l-iżgħar u fqir, impenn għall-ġustizzja. Nitolbu l-għajnuna tal-Verġni Marija, mimlija bil-grazzja, sabiex inwieġbu bil-ferħ u l-kuraġġ għall-missjoni li Ġesù qed isjeħilna għaliha.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
qabel kollox irrid nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-Mulej għall-vjaġġ appostoliku li tani li nagħmel fi Spanja. Irrodd ħajr lill-poplu Spanjol li laqgħani b’entużjażmu kbir u devozzjoni. Jien grat b’mod speċjali lejn il-Maestà Tiegħu r-Re; irrodd ħajr b’għożża lill-Isqfijiet, lill-komunitajiet kollha li żort u l-Knisja kollha li tinsab fi Spanja. Que Dios bendiga siempre a España!
Nixtieq infakkar xi Beati ġodda: is-saċerdoti djoċesani Venceslao Drbola u Giovanni Bula, mill-Moravja; Giovanni Świerc u tmien sħabu, saċerdoti sależjani pollakki. Ilkoll ġew beatifikati bħala martri għax vittmi ta’ persekjuzzjonijiet minn reġimi totalitarji minħabba l-fedeltà tagħhom lejn Kristu.
Ilbieraħ ukoll, f’Mato Grosso, fil-Brażil, kien beatifikat Nazareno Lanciotti, saċerdot ruman missjunarju, hu wkoll martri, għax f’isem l-Evanġelju kien jiddefendi ‘l-foqra. L-eżempju u l-interċessjoni ta’ dawn ix-xhieda kuraġġużi tkun sostenn għall-missjoni tal-presbiteri u tal-Knisja kollha.
Niżgura l-qrubija tiegħi lejn il-popolazzjonijiet Filippini li xi jiem ilu ntlaqtu minn terremot qawwi. Nitlob għall-mejtin u għall-familjari tagħhom, għall-feruti u għal dawk kollha li qed isofru minħabba dit-traġedja.
U issa nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi!
Nagħti merħba lill-membri tal-Kummissjoni Internazzjonali għad-Djalogu bejn id-Dixxipli ta’ Kristu u l-Knisja Kattolika. Jalla r-riflessjonijiet li qed tagħmlu jgħinuna nkabbru l-komunjoni.
Nagħti merħba lill-pellegrini kollha mill-Istati Uniti tal-Amerika, speċjalment lill-fidli minn New Jersey u mill-Carrollton School of the Sacred Heart, minn Miami, Florida.
Insellem lill-adoloxxenti li se jagħmlu l-Griżma minn Bolgare, djoċesi ta’ Bergamo, lill-Komunità “Casa di Maria” – li l-Papa Franġisku kien isejħilhom “iż-żgħażagħ tal-Immakulata” – u lill-gruppi parrokkjali minn Santa Maria delle Grazie u Santa Francesca Cabrini minn Ruma.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber