Tifla għamja tispjega s-Sagrada Familia lil Papa Ljun XIV

Kitba ta’ Joe Galea

Meta nhar l-Erbgħa 10 ta’ Ġunju l-Papa Ljun XIV żar il-Bażilka tas-Sagrada Família f’Barċellona biex jiċċelebra l-Quddiesa u jinawgura t-Torri ta’ Ġesù, ġie milqugħ minn tifla għamja, Valentina Sánchez, li għandha ta’ 13-il sena.

Valentina spjegat lill-Papa lill-Papa u lir-Re u r-Reġina ta’ Spanja kif hi ‘tara b’qalbha’ dan l-ikbar torri tal-Sagrada Família. It-torri, li tlesta aktar kmieni din is-sena u huwa l-ogħla torri mill-14-il torri tal-bażilika.

It-tifla spjegat dettalji dwar l-istruttura, il-forom u l-qisien tiegħu fuq tagħrif li hi ġabret permezz tas-sens li tmiss l-oġġetti biex tħoss x’inhuma. Kienet okkażjoni li messet b’mod speċjali lill-Papa.

Membru tal-‘Organizzazzjoni Nazzjonali tal-Għomja fi Spanja’ (ONCE) qalet li ftit mumenti qabel il-laqgħa, Valentina kienet eċitata u entużjasta iżda mhux imbeżża li tiltaqa’ ma’ wieħed mill-aktar nies importanti fid-dinja.

Valentina tbati minn marda li tħalliha tagħraf biss id-dawl u d-dlam. L-ONCE ilhom jgħinu fl-edukazzjoni tagħha sa minn meta ġiet magħrufa l-marda tagħha meta kellha biss sena.

Tgħix qrib il-Bażilka tas-Sagrata Familia u tinsab fl-ewwel sena fl-iskola sekondarja tal-lokal. Bħalha, aktar minn 7,000 student b’kundizzjonijiet simili jingħataw għajnuna mill-ONCE biex jattendu l-klassijiet flimkien ma’ studenti oħra fl-iskejjel tradizzjonali. Hija tattendi wkoll iċ-Ċentru Edukattiv tar-Riżorsi ta’ Barċellona biex tkompli fl-istudji tagħha. Titgħallem il-vjolin u tixtieq issir interpretu u performer f’kunċerti. Il-passatempi tagħha jinkludu vjaġġar mal-familja tagħha u taqra l-kotba bil-Braille. Fil-fatt l-għalliem tagħha Ramon Coma jgħid li t-tifla “tiekolhom il-kotba”, jiġifieri taqrahom bla waqfien.

Il-konnessjoni bejn il-familja ta’ Valentina u s-Sagrada Família mhijiex biss għax il-familja tgħix fid-distrett fejn il-kostruzzjoni tal-Bażilka ilha għaddejja għal aktar minn seklu. Missierha Francisco, inġinier professjonali, ħadem fil-bażilika għal snin.

Huwa qasam ma’ bintu xewqa: “Xi darba naraw flimkien is-Sagrada Família, meta tkun lesta.” Dak il-mument kien għadu ’l bogħod, imma din fiż-żjara tal-Papa setgħu jagħmlu parti mill-ħolma tagħhom, meta attendew flimkien fil-barka tal-Papa fuq it-torri. Valentina tat lill-Papa tpenġija li hi għamlet u li turi kif hi ‘tara’ t-Torri ta’ Ġesù. It-Torri, Valentina tarah b’qalbha.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading