Taħt ix-xbiha ta’ ostja ċkejkna,
O Ġesù ġejt tgħammar fija,
ġejt iżżurni għalkemm fqajjar,
Int li fdejtni u mitt għalija.
Nagħtik ġieħ mal-anġli kollha,
mal-eluf ta’ qaddisin,
li fis-sema b’leħen wieħed,
ifaħħruk ilkoll henjin.
O Ġesù fl-Ewkaristija,
uri ħniena dejjem miegħi,
u biex ruħi lejk tittajjar,
ejja għandi fil-mewt tiegħi. (10 sek pawsa)
Mulej, inġbarna hawn illejla, biex ninnammraw ftit miegħek. Kieku nafu o Ġesù, quddiem verament min qegħdin, kieku ma niċċaqalqux minn quddiemek. Inti s-Sid tal-Ħolqien kollu; Inti l-ħajja tagħna, l-ferħ tagħna, l-qawwa tagħna. Kollox ġej minnek, u kollox fik jintemm. (5 sek pawsa)
Agħtina l-grazzja O Mulej, li nduqu ftit mill-benna tal-ħniena, tal-imħabba, u tal-maħfra li għandek għalina. Mulej, għamel lir-ruħ tiegħna tkun tixbaħ lil dik in-naħla li ddur u ddur mal-warda, u ma tfittixx ħaġa oħra ħlief dik il-warda. Għamel lir-ruħ tagħna ma tfittex l-ebda ġibda lejn xejn u lejn ħadd, ħlief li dduq kemm Inti ħelu fl-Ewkaristija, fit-Tabernaklu tal-imħabba. (3 sek pawsa)
Ejja Ġesù, nissel l-hena ġo qalbi. Iva, o Ġesù, Int il-ferħ u l-hena ta’ ħajti kollha.
Silenzju 2 min
Innu: ___________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Appostli tiegħu: “La tibżgħux mill-bnedmin. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.
Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom. Intom imbagħad sax-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt. Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1 min
Mulej, int qiegħed tistedinna biex inxandruk, biex inwassluk lill-oħrajn. Int qiegħed tgħidilna biex inkunu xhieda tiegħek kullimkien. O Sinjur, inti taf f’liema dinja qegħdin ngħixu! Inti taf, li ma tista’ tkellem lil ħadd, għax malajr jaqbżu fuqek. Mulej, illum lanqas tista’ tagħti parir, jew tgħaddi kelma ta’ ġid, li ma jgħidulekx: ara x’tagħmel int! Ilħaqq salibek, u tindaħalx! (5 sek pawsa)
“Xejn la tibżgħu… Jiena magħkom”. Iva, Mulej, m’intix se tħallina weħidna. Int li tieħu ħsieb sewwa daqsxejn ta’ għasfur tal-bejt; kemm iktar tieħu ħsiebna, lilna li ħlaqtna xbieha tiegħek. Grazzi Mulej, li aħna tant għeżież għalik. (5 sek pawsa)
Jista’ xi ħadd minna jgħodd kull xagħra li għandu f’rasu? Impossibli hux? Imma tant aħna għeżież għal Alla, li xagħar ta’ rasna kollu hu magħdud. Daqshekk prezzjużi għalih. Grazzi o Ġesù, ta’ kemm tieħu ħsiebna. Grazzi, talli l-ħin kollu tħarisna, u żżomm idejk fuqna. Ħallina f’dan il-ħin ta’ skiet, nirringrazzjawk f’qalbna, ta’ dak kollu li tagħmel magħna, b’mod speċjali ta’ dak kollu li għamilt magħna matul din il-ġurnata.
Silenzju 2 min
O Sinjur, Int mhux biss tistedinna, imma tikkmandana li l-għemil tajjeb tagħna jkun fid-deher. Inti trid, li dak li tgħidilna f’qalbna waqt it-talb, meta bil-Kelma tiegħek tkellimna, u nħossuha tqanqalna; dan kollu ma nistgħux inżommuh għalina biss, imma rridu naqsmuh mal-oħrajn. L-esperjenza tiegħek f’ħajjitna, ma nistgħux nżommha għalina biss, imma rridu ngħadduha lill-oħrajn. (5 sek pawsa)
Mulej, imliena bil-qawwa tiegħek, ħalli ma nibżgħux inwassluk lil oħrajn. Ħa nkunu strument ta’ mħabba, ta’ għaqda kull fejn inkunu. Qanqal fina l-Ispirtu Qaddis tiegħek, ħa nagħrfu l-mumenti meta għandna ngħaddu kelma ta’ ġid. Għinna O Sinjur, ħalli ma nħallux il-biża’ żżommna milli nkunu xhud tiegħek f’postijiet pubbliċi.
Ma tistennix minna li nagħmlu xi tħabbira, imma bil-ġesti, bl-imġiba u bl-eżempju tagħna, tridna nkunu xhud ħaj tiegħek fid-dinja.
Silenzju 3 min
Innu: _______________________
Talbiet tal-Komunitá
Numiljaw ruħna quddiem il-Mulej Ġesù, li l-Missier tah minħabba dnubietna u ried li jirxoxta għall-ġustifikazzjoni tagħna. Nitolbuh minn qalbna u ngħidulu:
Mulej, ħenn għall-poplu tiegħek.
Isma’, Mulej, it-talb umli tagħna biex tagħtina l-maħfra aħna u nistqarru dnubietna: fit-tjieba tiegħek, flimkien mal-maħfra agħtina l-paċi.
Mulej, ħenn għall-poplu tiegħek.
B’fomm l-Appostlu Missierna, int għidtilna li fejn kottor id-dnub kotrot fuq li kotrot il-grazzja: warrab għal kollox minn quddiem għajnejk il-ħtijiet tagħna.
Mulej, ħenn għall-poplu tiegħek.
Dnubietna kbar, Mulej, iżda tjubitek bla qies: agħtina l-grazzja biex nerġgħu niġu għandek.
Mulej, ħenn għall-poplu tiegħek.
Mulej, salva lill-poplu tiegħek minn dnubiethom: agħmel minnu poplu li fih issib il-għaxqa tiegħek.
Mulej, ħenn għall-poplu tiegħek.
Ftakar ukoll f’dawk li jiddedikaw ħajjithom għas-servizz ta’ ħuthom il-bnedmin: tħallihomx jaqtgħu qalbhom jekk il-ħsieb mixtieq tagħhom ma jseħħx u jekk ma jarawx ħlief bruda fl-oħrajn.
Mulej, ħenn għall-poplu tiegħek.
Issa nagħmlu t-talba personali tagħna.
Kant: Dal Misteru