Minn Dignitatis Humanae għal Magnifica Humanitas

Minn Dignitatis Humanae tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II għal Magnifica Humanitas tal-Papa Ljun XIV. Il-Persuna Umana tibqa’ dejjem fiċ-ċentru tal-ħsieb tal-Knisja

Meta l-Papa Ljun XIV ippubblika l-enċiklika tiegħu Magnifica Humanitas, ħafna osservaturi ħasbu li l-attenzjoni ċentrali tagħha kienet fuq it-tema tal-intelliġenza artifiċjali. Madankollu, il-qalba vera tad-dokument mhijiex it-teknoloġija, iżda l-persuna umana. F’dan is-sens, l-enċiklika hija bla dubju ta’ xejn kontinwazzjoni naturali tal-viżjoni antropoloġika li l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II żviluppa b’mod speċjali fid-dikjarazzjoni tiegħu Dignitatis Humanae li kienet ippublikata fis-7 ta’ Diċembru 1965.

Għalkemm iż-żewġ dokumenti nkitbu f’kuntesti storici differenti ħafnaminn xulxin, it-tnejn huma mibnija fuq l-istess konvinzjoni fundamentali, dik li l-bniedem għandu dinjità li la tista’ tiġi la mnaqqsa u lanqas sottomessa għal ebda sistema politika, ekonomika jew teknoloġika.

Id-Dinjità tal-Persuna Umana bħala Punt tat-Tluq

Dignitatis Humanae tibda mill-prinċipju li kull bniedem huwa mogħni b’dinjità li ġejja min-natura tiegħu stess u mill-fatt li huwa maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla. Għalhekk il-bniedem għandu d-dritt li jfittex il-verità u jħaddanha b’libertà, mingħajr pressjoni jew sfurzar.

“Il-bnedmin tallum qed jagħrfu aktar u aktar it-tifsira tad-dinjità tal-persuna umana, u qed jiżdied l-għadd ta’ dawk li jeżiġu li, meta jaġixxu, il-bnedmin igawdu u jagħmlu użu mill-ġudizzju personali u mil-libertà responsabbli tagħhom, u dan mhux għax imġiegħla bilfors imma għax immexxija minn sens ta’ dmir.” (Dignitatis Humanae DH: par. 1)

Bl-istess mod, Magnifica Humanitas tqiegħed il-persuna umana fil-qalba tad-diskussjoni dwar l-intelliġenza artifiċjali. Il-Papa jinsisti li kull żvilupp teknoloġiku għandu jkun imkejjel skont kemm iħares u jippromwovi d-dinjità tal-bniedem. It-teknoloġija hija għodda għall-bniedem u għalhekk qatt m’għandha ssir is-sidu tiegħu.

“Kull ġenerazzjoni tirċievi b’wirt il-missjoni li ssawwar iż-żmien tagħha: li tgħin lill-istorja timmatura bħala post li fih id-dinjità ta’ kull persuna tiġi mħarsa, il-ġustizzja mseddqa u l-fraternità tkun possibbli. ” (Magnifica Humanitas MH: par. 1)

Il-libertà bħala kundizzjoni tal-verità

Wieħed mill-aktar stqarrijiet importanti ta’ Dignitatis Humanae huwa li l-verità ma tistax tiġi imposta. Il-bniedem għandu jilqa’ u jaċċetta l-verità b’att ħieles tal-kuxjenza.

“Dan il-Konċilju Mqaddes jistqarr ukoll bl-istess mod li dawn id-dmirijiet imissu u jorbtu l-kuxjenza tal-bnedmin, u li l-verità ma timponix lilha nnifisha xorta oħra jekk mhux bil-qawwa tal-verità nnifisha li tidħol fl-imħuħ bil-ħlewwa imma fl-istess ħin bil-qawwa. Il-libertà reliġjuża, li l-bnedmin iridu biex jaqdu dmirhom li jqimu lil Alla, tikkonsisti f’illi jkunu ħielsa minn pressjoni fis-soċjetà ċivili.” (DH: par. 1)

Din l-istess loġika tidher fl-Enċiklika Magnifica Humanitas. Fiha l-Papa jwissi kontra sistemi teknoloġiċi li jistgħu jnaqqsu l-libertà tal-bniedem jew jieħdu post il-ġudizzju morali tiegħu. Għalkemm l-algoritmi jistgħu jgħinu fid-deċiżjonijiet, qatt ma jistgħu jieħdu post il-kuxjenza umana jew ir-responsabbiltà morali tal-persuna.

“F’dan ix-xefaq hemm anki d-Dikjarazzjoni Dignitatis humanæ, li fiha l-Konċilju jagħraf li l-libertà reliġjuża hija dritt fundamentali b’għeruqu fid-dinjità tal-persuna, li għandha tiġi ggarantita mill-ordinament ġuridiku biex ħadd ma jkollu jaġixxi kontra l-kuxjenza jew ma jitħalliex ifittex u jistqarr il-verità fil-privat jew fil-pubbliku. Dan il-prinċipju, ta’ rilevanza kbira għal żmienna, ikompli joffri lid-Duttrina soċjali kriterji deċiżivi għall-ħarsien tal-persuna u għat-tiswir ta’ soċjetajiet pluralistiċi u paċifiċi.” (MH: par. 34)

Minn theddida politika għal theddida teknokratika

Meta fis-siitinijiet kienet ippublikta d-Dignitatis Humanae, il-biża’ prinċipali kien ġej mill-kontroll tal-Istat fuq il-libertà reliġjuża. Illum il-kuntest huwa differenti. Il-Papa Ljun XIV jindika li l-isfida ġdida tista’ tiġi minn sistemi teknoloġiċi li jikkonċentraw il-poter f’idejn il-ftit jew li jittrattaw lill-bniedem bħala ġabra ta’ tagħrif jew data/informazzjoni.

“Issa jmiss lilna naffrontaw b’mod ċar u responsabbli l-isfidi ta’ żmienna. Hemm bżonn naddottaw strumenti normattivi adegwati, li kapaċi jħarsu l-ġustizzja u jrażżnu l-effetti ħżiena tal-poter teknoloġiku. Imma l-kwistjoni ma tiqafx mar-regolamentazzjoni. Kif wissa l-Papa Franġisku, jeħtieġ li nistaqsu lina nfusna realistikament min illum għandu f’idejh dan il-poter u lejn liema għan qed jorjentah: “Ma nistgħux ninsew li l-enerġija nukleari, il-bijoteknoloġija, l-informatika, l-għarfien tal-kodiċi ġenetiku (DNA) tagħna u kisbiet oħra li għamilna […] lil dawk li għandhom f’idejhom dan l-għarfien u fuq kollox il-poter ekonomiku biex jisfruttawh, jagħtuhom setgħa tal-għaġeb fuq il-bnedmin kollha u fuq id-dinja sħiħa”.Darba kienu fuq kollox l-Istati li kienu jiggwidaw u jindirizzaw l-innovazzjoni. Imma llum il-muturi prinċipali tal-iżvilupp huma atturi privati, spiss transnazzjonali, mogħnija b’riżorsi u ħiliet ta’ intervent superjuri għal dawk ta’ ħafna gvernijiet. Hekk il-poter teknoloġiku jassumi wiċċ li qatt ma rajna bħalu qabel, prevalentement “privat”, u għalhekk sar wisq aktar diffiċli biex niddixxernu, niggvernaw u norjentaw għall-ġid komuni.” (MH: par 5)

Hawnhekk naraw kontinwità ċara bejn iż-żewġ dokumenti. It-tnejn jiddefendu l-persuna kontra strutturi li jistgħu jnaqqsuha għal sempliċi oġġett jew strument.

Viżjoni waħda tal-bniedem

Jekk Dignitatis Humanae kienet dikjarazzjoni dwar il-libertà tal-kuxjenza, Magnifica Humanitas tista’ titqies bħala riflessjoni dwar il-libertà tal-bniedem fl-era diġitali. It-tnejn ifakkruna li l-bniedem huwa aktar minn ċittadin, aktar minn ħaddiem, aktar minn konsumatur u ċertament aktar minn sempliċi data jew informazzjoni.

Il-kontribut ewlieni tal-Konċilju Vatikan II kien li reġa’ poġġa lill-persuna umana fiċ-ċentru tar-riflessjoni ekkleżjali. Qabel sar dan l-attenzjonijiet kienet aktar iffukata fuq il-veritajiet tal-fidi, l-awtorità tal-Knisja, id-difiża kontra l-iżbalji, l-istrutturi ekkleżjali, il-liġi u d-dixxiplina.

Dan lili fakkarni f’diskors li l-Papa Franġisku kien għamel lill-ħaddiem ta’ Cagliari fit-22 ta’ Settembru 2013, fejn kien qalilhom;

“Alla ried li fiċ-ċentru tad-dinja ma jkunx hemm idolu, imma jkun hemm il-bniedem, ir-raġel u l-mara, li permezz tax-xogħol tagħhom imexxu d-dinja ’l quddiem.” ara hawn …

L-enċiklika ta’ Ljun XIV tidher li qed tkompli din il-mixja billi tapplika l-istess prinċipji għall-isfidi ġodda tal-intelliġenza artifiċjali.

Għalhekk nistgħu ngħidu li għalkemm Magnifica Humanitas mhijiex kummentarju dirett fuq Dignitatis Humanae, madankollu teżisti rabta profonda bejn iż-żewġ dokumenti. It-titlu stess tal-enċiklika l-ġdida juri apprezzament għall-kobor u d-dinjità tal-bniedem, filwaqt li l-kontenut tagħha jfittex li jiddefendi dawn il-valuri quddiem l-isfidi ġodda ta’ żmienna.

Nistgħu għalhekk ngħidu li Magnifica Humanitas tirrappreżenta estensjoni moderna tal-viżjoni tal-Konċilju Vatikan II fejn il-libertà, il-kuxjenza u d-dinjità tal-persuna umana jibqgħu l-kriterju fundamentali li bih għandhom jiġu ġġudikati l-iżviluppi kollha tas-soċjetà.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading