Kitba ta’ Patri Juan De Bono ocd
Is-saċerdot spiss huma il-frott ta’ ġenituri qaddisa
‘Mulej agħtina ħafna wlied u għamel li dawn isiru reliġjużi’.
Din kienet it-talba ta’ Santa Zelie u San Louis Martin, ġenituri tad-Duttur tal-Knisja Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’.
Huma kellhom disa’ wlied, li erbgħa mietulhom meta kienu għadhom ċkejnin, filwaqt li l-ħames ulied bniet li għexulhom, saru lkoll reliġjużi.
Min iħobb l-Ewkaristija iħobb lis-saċerdot
Kull min tassew iħobb l-Ewkaristija, għandu rispett, imħabba u venerazjoni lejn is-saċerdot.
B’dispjaċir ninnota li iżda dawk li faċli jippuntaw subgħajhom lejn saċerdot minħabba xi nuqqas li huma jinnutaw fihom, kważi dejjem ma jkunux erwieħ Ewkaristiċi.
Dan mhux ġudiżżju. Il-fatti huma fatti u ma jista’ jmerihom ħadd.
Is-sorijiet ta’ Santa Tereża ta’ Calcutta
L-aktar erwieħ li fl-30 sena u nofs li ili saċerdot, innutajt li jirrispettaw lis-saċeerdot, kienu dejjem eriweħ Ewkaristiċi. Fost dawn jispikkaw is-sorijiet ta’ Santa Tereża ta’ Calcutta.
X’qalb tassew materna għandhom dawn is-sorijiet lejna s-saċerdoti.
L-imħabba safja tagħhom lejn kull saċerdot hija bla dubju ta’ xejn ir-riżultat ta’ siegħat twal, u ta’ kulljum quddiem Ġesu’ Ewkaristija.
Kieku qatt tisma lil dawn is-sorijiet jitkażaw b’xi nuqqas ta’ saċerdot, anzi pjuttost dejjem issibhom b’komma wiesgħa meta jissemmewlhom xi nuqqasijiet ta’ xi saċerdot.
Bniedem mogħti b’mod sħiħ lil Alla
Għax filwaqt li iva s-saċerdot bħal kull bniedem ieħor huwa dgħajjef u midneb, imma intant is-saċerdot ingħata għas-servizz ta’ Alla bla ma jirċievi paga dinjituża (u aħna l-patrijiet lanqas dik ma jkollna), bla ma jistgħu jieħdu jumejn holidays, u bla ma għandhom Ħadd jew Tnejn. Insomma 24/7/365 sa ma jmutu, jew sa ma jimirdu u jispiċċaw ġo sodda. Dawk huma l-orarji tas-saċeerdot, u dik hija l-job description ta’ saċerdot.
70 sena reliġjuż
Aħna għandna patri (P. Eliżew) li nhar Santa Marija li ġejjin se jagħlaq 70 sena li daħal il-kunvent, u li nhar l-Imnarja jagħlaq 61 sena saċerdot. Ghax darba dan il-patri fettillu jieħu ftit siegħat ta’ mistrieħ ‘l bogħod mil kunvent u jmur jistad għal lampuki qabditu x-xita. U hemm għadek ssibu lil P. Eliżew, li daqt jagħlaq 87 sena, li ta’ kulljum għadek issibu jiċċelebra l-Quddiesa u jisma l-Qrar ta’ dawk li jiffrekentaw is-Santawrju Santa Tereża, qisu għadu jqaddes ilbieraħ.
60 sena saċerdot
Zijuwi Dun Ġużepp Zammit, dam wieħed u sittin sena neqsin xahrejn saċerdot, u talab li jidħol dik li kienet il-home ta’ Bormla, u ma jmurx id-Dar tal-Kleru biex jibqa’ jagħti servizz jekk possibli lil Parroċċa ta’ Bormla sal-mewt.
Kien it-Tnejn 2 ta’ Jannar 2017 li zijuwi ġie discharged mill-isptar wara waqgħa li seħħet fit-30 ta’ Diċembru tal-2016. Niftakar qisu lbieraħ, wasal għajjien mejjet mill-isptar għal ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ wara nofsinhar. U xejn, bla tnikkir għall-erbgħa nieqes kwart arah hemm nieżel b’pass kajman u bla daqq ta’ trombi biex jiftaħ il-Kappella tal-home, biex fl-erbgħa u nofs iqaddes.
Kellha tkun l-aħħar Quddiesa tiegħu, għax għal ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija reġa waqa’, kiser din id-darba il-hip bone u l-Ħamis 5 ta’ Jannar operawh biex jumejn wara miet, għax ma felaħx għall-operazjoni.
Dawn il-patrijiet, dawn is-saċerdoti huma tassew eroj li ħaqqhom monumenti fil-pjazez tagħna u toroq imsemmija għalihom.
Ohhhhhh xi grazzja li tibqa’ sal-aħħar tagħti servizz lil Alla bla ma qatt tfittex dak li jkun jaqbel lilek.
Xi ħadd li dejjem ma saqajk u dejjem tkun afdajt ibiegħek għal tletin biċċa tad-fidda
Emmnuni, ma tistgħux timmaġinaw xi mindaqqiet kif iħoss ruħu saċerdot, li l-aktar nies li suppost jkunu ta’ support għalihom fil-ministeru tagħhom (għax ikunu attivi fil-Parroċċa jew fil-kunventi), xi mindaqqiet ikunu huma stess fuq quddiem nett f’kampanja li jekk tista’ lis-saċerdoti taħraqhom ħajjin, aktar milli ħarqu lil San Lawrenz jew lil Santa Jean d’Arc.
B’dispjaċir ninnota mbagħad li xi mindaqqiet issib saċerdoti oħra (li forsi biex jidhru gustużi ma dawn il-lajċi), issibhom b’mod mill-aktar viljakk, ikomplu ma’ dawn it-talin f’kampanji disumani, u arhom jaqtgħu l-ħatab, u jnewluh lil dawk li l-aġenda tagħhom hija biss dik li jkissru saċerdoti mpenjati, u li għax ma jidħlux f’kompromessi mal-prinċep ta’ din id-dinja, il-kanuni kollha tagħhom jisparawhom fuq dawn is-saċerdoti manwseti, sa ma jġibuhom qishom il-port il-kbir fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija.
Is-saċerdot spiss jaqlagħha minn kullimkien u minn kulħadd, u tassew nista’ nistqarr li llum aktar minn qatt qabel, li hemm eluf u eluf ta’ saċerdoti madwar id-dinja li qegħdin ibatu nġustizzji kbar intortament, minħabba qlajjiet bla bażi, jew xi nuqqas ta’ darba li saċerdot ikun wettaq f’mument ta’ djugħfija.
Huma martri siekta, li la l-Knisja u lanqas id-dinja ma tagħraf, imma li Ġesu’ Kristu u Ommu Marija qegħdin iħejju kuruna speċjali għalihom.
Is-saċerdoti qaddisin ?
Tgħiduli mela s-saċerdoti kollha qaddisin ? Ma jiżbaljawx huma wkoll bħal ħaddiehor ?
U mela ma jiżbaljawx is-saċerdoti !!!!!
U mela m’hemmx saċerdoti li jistgħu jkunu aktar imħeġġa !!!!!!!
Imma min x’hiex spiss ikollhom jgħaddu ħafna saċerdoti biex ikunu xhieda quddiem id-dinja tal-Vanġelu, li huma jkunu taw ħajjithom għalih.
Grazzi Mulej għas-sejħa li għamiltli bla ma jistħoqqli
U b’danakollu, u qisu din ir-retroxena ma teżistix, b’pass meqjus imma determinat, wara kważi erbgħin sena li ili fil-kunvent, xorta waħda, li kieku kelli nerġa nitwieled, kont nitlob ‘l Alla li jberikni mil-ġdid b’din il-vokazjoni li permezz tagħha nista’ nkun mezz biex Kristu jasal għand il-bniedem, anki jekk bosta ma japprezzawx il-ħidma tagħna, u anki jekk jiena ma jixraqlix don bħal dan.
Il-kuruna li l-biedem iqiegħdlek fuq rasek tidbiel qabel ma jqiegħduhielek fuq rasek, imma dik li fl-aħħar jum iqiegħdlek il-Missier Etern fuq rasek ma tidbiel qatt, u jien din il-kuruna nixtieq, u nitlob li nirċievi meta jasal il-waqt.

