Il-Ġimgħa, 19 ta’ Ġunju 2026: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fl-Ordinazzjoni Djakonali ta’ Anthony Joe Borg u Fabio Cini. Katidral tal-Assunta, Victoria.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
L-aħħar kelma li dwiet fil-Vanġelu tal-lum kienet din: “Kif jien ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13:14).
Għeżież Anthony Joe u Fabio, illejla bħal dejjem – imma llejla b’mod speċjali – il-Mulej se jinżel għarkupptejh quddiemkom u jaħslilkom riġlejkom. Hija xena qawwija din, li m’aħniex konxji minnha, imma fil-fatt il-Mulej quddiemna lkoll, b’mod speċjali aħna kkonsagrati u magħżulin bħala qaddejja tiegħu, l-ewwel u qabel kollox jinsab kontinwament għarkupptejh biex jaħslilna riġlejna, biex jaqdina. Hu ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi (ara Mt 20:28). U rridu nitilqu mill-għarfien ta’ din il-verità biex jitnissel u jitqawwa fina l-Ispirtu tad-Djakonat.
Il-Mulej Ġesù hu għarkupptejh quddiemna l-ewwel u qabel kollox bl-att tal-ħolqien. Alla l-Missier ħalaq lili u lilek, Anthony Joe, Fabio, lilna lkoll. Ħalaqna permezz tal-Kelma, ħalaqna b’Ġesù. U mhux biss ħalaqna darba u ħalliena fid-dinja, imma jżommna ħajjin kontinwament permezz tal-Kelma, permezz ta’ Ġesù.
Imma Ġesù jinżel għarkupptejh quddiemna mhux biss bl-att tal-ħolqien, imma wkoll permezz tal-Kelma tiegħu. Il-Kardinal Carlo Maria Martini jsejjaħ l-Iskrittura ‘t-talba ta’ Ġesù għarkupptejh quddiem il-bniedem’. Ġesù jokrob kontinwament quddiemi, quddiemek, quddiemna, biex aħna nkunu nistgħu nħossu u nagħmlu esperjenza tal-imħabba, tal-kura, tal-għożża li Alla għandu għalina. U din l-imħabba nistgħu nħossuha u ngħixuha b’mod speċjali f’dak li qegħdin niċċelebraw fl-Ewkaristija: Ġesù li jingħata għalina bħala Ħobż, li jitkisser, jintaħan fi snienna u f’fommna, isir parti minna, jidħol fina, isir aħna u aħna nsiru Hu… proprju biex ikun sinjal kontinwu ta’ qadi.
Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nġeddu, l-ewwel u qabel kollox, dan l-għarfien ta’ Alla li jinżel għarkupptejh quddiemna u jaqdina f’Ġesù. Għax jekk aħna ma nindunawx li hu jaħslilna riġlejna kontinwament, ħa jkun diffiċli għalina biex naħslu riġlejn l-oħrajn. U din hija verità li ngħixuha kontinwament. Faċli għalina, imsejħin bħala qaddejja, li l-qadi jistaħba u jilbes maskra ta’ poter, ta’ realizzazzjoni tagħna nfusna, tat-twettiq tal-bżonnijiet tagħna, sakemm aħna ma nħossux kontinwament lil Ġesù li jaqdina.
Dan li jgħodd għalina s-saċerdoti, jgħodd għalikom ilkoll. Aħna bħala Nsara msejħin biex niġu identifikati mal-persuna ta’ Ġesù, l-ewwel u qabel kollox inħossu l-qadi kontinwu tiegħu biex aħna bħalu nsiru qaddejja ta’ xulxin. Imma jekk ma nħossux il-qadi tiegħu, allura l-ħajja tagħna ssir protagoniżmu personali, allura l-vokazzjoni tiegħi ssir verament vokazzjoni tiegħi, mhux risposta għal sejħa li qed jagħmilli Alla. Issir protagoniżmu, issir proġett personali ta’ ħajja. Kemm hu faċli li aħna lkoll naqgħu fiha! Kemm hu faċli li nisimgħu l-Vanġelu, inħallu lil Ġesù jkellimna, forsi anki llejla f’dan il-ħin, u ngħidu: ‘Iva, Ġesù għandu raġun’; imbagħad kif noħorġu hemm barra ninsew, eżatt kif ġralu Pietru fil-Vanġelu tal-lum. Pietru qallu: ‘Le, ma taħsillix riġlejja’. Għax min ikun f’saħħtu, min jista’, min jiflaħ, qatt mhu se jitbaxxa quddiem ħaddieħor. Għal Pietru, l-idea tal-bniedem f’saħħtu, realizzat, kienet tal-bniedem li jkun moqdi kontinwament, li l-oħrajn ta’ madwaru jkunu sempliċiment mezz biex jissodisfa l-bżonnijiet u x-xewqat tiegħu, il-kilba għall-protagoniżmu personali. Dan huwa riskju kbir li mbagħad jitfagħna f’ħafna sens ta’ frustrazzjoni u ta’ dwejjaq.
Iċ-ċelebrazzjoni tad-Djakonat tagħkom li qegħdin nagħmlu llejla trid tqanqal fina lkoll – fija l-ewwel wieħed – din ix-xewqa li nkunu veri qaddejja, li jkollna għarfien tal-qadi kontinwu li jagħmel Alla magħna, li jagħmel miegħi l-Mulej. Hekk jien imbagħad inkun nista’ ninżel għarkupptejja b’sempliċità, mingħajr sens ta’ vittimiżmu u ta’ eroiżmu, b’naturalezza, u naqdi lill-oħrajn mingħajr ma ngħabbihom bil-piż li jien qiegħed naqdihom.
Kemm huma veritajiet profondi li qegħdin niċċelebraw! Kemm hija esperjenza qawwija li aħna msejħin nagħmlu! Kemm hija verità umana li tagħmilna tassew bnedmin! Aħna għalhekk bnedmin: imsejħin biex verament bħal Ġesù norbtu l-fardal magħna u ma nħolluh qatt. Nilbsu liema mantar nilbsu, dak il-fardal jibqa’ hemm, bħalma baqa’ fil-Vanġelu tal-lum.
Kemm hu riskju dak li jiġri lil Pietru li lil Ġesù jgħidlu: ‘Le, ma taħsillix riġlejja’ (ara Ġw 13:8). U meta Ġesù jikkonvinċih, Pietru jerġa’ joġġezzjona u jgħidlu: ‘Trid taħsilni kif ngħidlek jien. Trid taqdini kif ngħidlek jien’. Kemm hu riskju anki dan għalina lkoll, li mqar meta nidħlu fl-ispirtu tal-qadi u tas-servizz, nagħmlu l-kundizzjonijiet! “Aħsilni kollni kemm jien” (Ġw 13:9), qallu Pietru lil Ġesù. U Ġesù qallu: ‘Le, ħallini naħslek, ħallini naqdik kif irrid jien’.
Ejjew nitolbu lill-Mulej illejla biex verament jagħtina dan l-ispirtu ta’ djakni. Ilkoll kemm aħna djakni – aħna li ordnati saċerdoti, u intom ukoll, anki jekk m’intomx ordnati saċerdoti. Ilkoll sirna djakni fil-Magħmudija, meta fil-Magħmudija lil Alla għednielu: ‘Aħna nixtiequ nsiru ħaġa waħda mal-Iben, ma’ Ġesù, billi nkunu qaddejja, billi nkunu ragħajja, billi nieħdu ħsieb xulxin, kif ragħaj jaqdi u jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu’. Hija waħda mit-tliet karatteristiċi u missjonijiet li aħna msejħin biex ngħixu permezz tas-sagrament tal-Magħmudija.
U fiex se naqdu?
Kemm għażiltu Qari sabiħ! L-Ewwel Qari (Iż 42:1-9) hu l-Ewwel Kantiku tal-Qaddej ta’ Jaħweh, li huwa konxju li huwa l-Missier li għażlu u ħatru. Dan l-għarfien illi Alla huwa l-ewwel qaddej tagħna jinħass ċar f’dan il-Qari. Imbagħad il-Qaddej ta’ Jaħweh ikompli jgħid li Alla għażlu biex jagħti l-ħelsien lill-oħrajn. Kemm għandna bżonnha l-libertà! Kemm aħna skjavi, mhux ta’ persuni oħrajn – forsi wkoll xi kultant – imma l-ewwel u qabel kollox tal-bżonnijiet tagħna, tagħna nfusna. Kemm għandna bżonn il-ħelsien! Kemm għandna bżonn lil Ġesù li jinżel għarkupptejh quddiemna u jgħinna nħossu din l-imħabba tiegħu li tilliberana mis-sens kbir ta’ realizzazzjoni, ta’ utilità, ta’ protagoniżmu, ta’ li ‘jien għandi dritt għal xi ħaġa’, u ta’ poter li kultant ngħixu. Kemm għandna bżonn ta’ din il-libertà lkoll kemm aħna, imma b’mod speċjali aħna s-saċerdoti! Għax faċli ħafna li dak li jibda b’qadi, jispiċċa b’poter, kif jiġrilu Pietru. U din il-libertà għandna bżonnha l-ewwel aħna, biex imbagħad inkunu nistgħu ngħadduha u nagħtuha lill-oħrajn b’ħafna delikatezza u mħabba.
Il-Qaddej ta’ Jaħweh huwa msejjaħ ukoll biex jiftaħ għajnejn il-għomja. Mhux biss biex jagħti l-ħelsien, imma biex jiftaħ għajnejn il-għomja, biex joħroġ lin-nies mid-dlam. Dan hu l-ogħla qadi li aħna msejħin għalih bħala saċerdoti. M’aħniex qaddejja ta’ strutturi, m’aħniex qaddejja ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti, imma aħna qaddejja tan-nies, tal-poplu ta’ Alla. Il-Mulej lilna għażilna biex verament ngħinu lill-bnedmin jiftħu għajnejhom, joħorġu mid-dlam. U meta aħna għandna dan l-għarfien, meta aħna konxji li l-Mulej sejħilna u għażilna, li l-Mulej tana l-Ispirtu tiegħu, allura r-reżiljenza tiġi waħedha.
San Pawl qal: ‘Ma naqtax qalbi nxandar lil Ġesù, għax jien imsejjaħ biex nagħmel dan, m’iniex imsejjaħ biex nagħmel xi ħaġa oħra’ (ara 2 Kor 4:1-2,5-7). Bħall-Qaddej ta’ Jaħweh fil-Profeta Iżaija, li jgħid li lest li jlaqqat it-tagħjir u s-swat, imma li qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx. Hu lest li jkompli jaqdi akkost illi jbati, li jaqdi bl-imħabba u bil-ġenerożità lill-persuni, b’mod speċjali dawk li huma fil-bżonn.
Dan hu d-Djakonat! Nistgħu ngħidu elf ħaġa fuq x’għandu jagħmel id-djaknu u x’għandu jagħmel is-saċerdot, imma l-ewwel għandna bżonn ta’ dan l-ispirtu: li aħna verament l-ewwel u qabel kollox inħossuna moqdija fuq platt tal-fidda mill-Mulej Ġesù. Hu lilna ħatarna biex jaħslilna riġlejna, biex aħna mbagħad ikollna s-saħħa u l-qawwa li b’libertà, b’ġenerożità, mingħajr interessi, naħslu riġlejn l-oħrajn, b’reżiljenza mingħajr ma naqtgħu qalbna, kif qalilna San Pawl fit-Tieni Qari. Kemm jaħkimna l-qtugħ ta’ qalb xi kultant fil-ħajja tagħna! Kemm jaħkimna s-sens ta’ frustrazzjoni! Kemm naraw is-swied quddiemna! Kemm ngħixu t-toqol tad-dwejjaq fil-missjoni tagħna!
Meta jiġri hekk, ara ftit jekk il-ministeru tiegħek, jekk il-ħidma tiegħek, jekk is-saċerdozju tiegħek hux jitlaq verament minn sejħa li qed jagħmillek Ġesù… minn Ġesù li lilek qdiek mill-koxxa, qdiek fi platt tal-fidda minn dejjem u għadu jaqdik! Nara l-ministeru tiegħi hux ġej minn sejħa li qiegħed jagħmilli l-Mulej, jew inkella mill-protagoniżmu tiegħi, minn dak li rrid jien, minn dak li nwaħħal f’moħħi jien, mill-ideat tiegħi, mill-proġetti tiegħi, mill-pjanijiet tiegħi…
Ejjew nitolbu lill-Mulej biex, lilna lkoll saċerdoti u lil kull wieħed u waħda minna msejħin biex inkunu qaddejja, jagħtina din l-attitudni, dan id-don, dan l-ispirtu tiegħu: l-ispirtu ta’ qaddej. Qalilna Ġesù: “Għax jien ma ġejtx biex inkun moqdi, imma biex naqdi, u biex nagħti ħajti b’fidwa għall-kotra” (ara Mt 20:28). U li tagħti ħajtek ma jfissirx li titbissem dejjem, li tkun kuntent dejjem, li tkun realizzat dejjem. Li tagħti ħajtek ifisser li tħobb, ifisser li ħajtek ma taħlihiex, li tgħix l-umanità verament fil-milja tagħha. Dak li aħna msejħin biex inkunu.