Omelija tal-Papa Ljun XIV fil-Bażilika ta’ San Pietro in Ciel d’Oro, f’Pavia

ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
F’PAVIA U SANT’ANGELO LODIGIANO
ĊELEBRAZZJONI TAL-KELMA U QIMA LIR-RELIKWI TA’ SANTU WISTIN
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Bażilika ta’ San Pietro in Ciel d’Oro (Pavia)
Is-Sibt 20 ta’ Ġunju 2026

Kelmtejn spontanji tal-Papa

Grazzi, grazzi! Il-jum it-tajjeb lil kulħadd.

Jekk nibqa’ tletin skonda oħra nagħraf lil ħafna minnkom.

Santu Wistin jgħallimna ngħixu dak li Ġesù Kristu għallimna: inħobbu lil Alla, inħobbu lil ħutna. Meta staqsewh: “Liema hi l-aktar importanti mit-tnejn?”, wieġeb: “Fl-ordni ta’ dak li għandek miktub, li tħobb lil Alla, imma ma nkunux nafu jekk aħniex inħobbu lil Alla jekk ma nħobbux lil ħutna”. Mela l-imħabba tal-aħwa hi tant importanti! L-imħabba lejn kulħadd, illum, hi messaġġ ta’ Santu Wistin, ta’ Ġesù Kristu, importanti ħafna għad-dinja. Ħa nkunu lkoll tassew dan is-sinjal ta’ mħabba, ta’ karità fid-dinja! Ħa nagħrfu ngħixu l-maħfra, ir-rikonċiljazzjoni, il-paċi!

Alla jbierek lilkom ilkoll. Grazzi li ġejtu. Nieħu pjaċir insellmilkom u issa nagħtukom il-barka.

Barka.

Grazzi, grazzi! Awguri!


Omelija tal-Papa Ljun XIV

Eminenza,
Eċċellenzi, għeżież ħuti fl-Episkopat,
għeżież presbiteri u djakni,
għeżież reliġjużi u seminaristi,
ħuti Agostinjani,
ħuti,

Kemm jien kuntent li ninsab hawn f’nofskom u nirringrazzja lil-Isqof, Mons. Corrado Sanguineti, u lil Patri Joseph Farrell, Prijur Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin, tal-kelmtejn ta’ merħba li għamluli. Kemm jien kuntent b’dak li smajt fuq din il-Knisja li tinsab f’Pavia: Komunità ta’ tradizzjoni antika li tibqa’ ħajja u preżenti fil-belt u fit-territorju, attenta għas-sinjali ta’ dan iż-żmien u għall-isfidi tiegħu, mingħajr ma tħallu jaqtgħalkom qalbkom it-taħbit, il-kuntest sekularizzat u d-diffikultajiet tat-trażmissjoni tal-fidi.

Biex ma naqtgħux qalbna għandna bżonn ta’ ħarsa animata mill-ispirtu tal-fidi, li jgħinna naqraw ir-realtà b’mod iżjed profond f’paragun ma’ dak li jidher mal-ewwel daqqa t’għajn, u biex ma niżolqux f’atteġġjament negattiv, pessimista, li mhux kapaċi jnissel ħajja ġdida. Imma l-ħarsa  li hi mitluba minna – u li l-Ispirtu s-Santu jagħtina – hija dik ta’ Ġesù. Qalb id-diffikultajiet u l-inkomprensjonijiet, hu jilmaħ l-id providenti tal-Missier fil-ġilji tal-widien, fl-għasafar tas-sema (ara Mt 6:28-29), jikseb it-tama miż-żerriegħa ċkejkna li tikber (ara Mk 4:30-33), jistedinna nerfgħu ħarsitna u nħarsu lejn l-għelieqi li diġà bjadu għall-ħsad (ara Ġw 4:35). Fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium il-Papa Franġisku xprunana għal dan il-qari spiritwali tar-realtà, meta qal: “Il-ħarsa tal-fidi għandha l-ħila tagħraf id-dawl li l-Ispirtu s-Santu dejjem ixerred qalb id-dlamijiet […]. Il-fidi tagħna hi sfidata biex ixxomm mill-bogħod dak l-inbid li l-ilma jista’ jinbidel fih, u biex tiskopri l-qamħ li jikber qalb is-sikrana” (n. 84).

Imdawlin mit-tama tal-Vanġelu, u waqt li nieħdu spunt minn dak li qalilna fil-Qari l-Appostlu Pietru (ara 1 Piet 2:4-1), li jsejjaħ “ġebel ħaj” lid-dixxipli tal-Mulej, nistaqsu lilna nfusna: kif nistgħu llum, hawn f’Pavia, inkunu Knisja ħajja?

L-ewwel indikazzjoni tal-Appostlu hi essenzjali: inkunu magħqudin ma’ Kristu, ġebla ħajja, mormija mill-bnedmin imma magħżula minn Alla. Kristu hu l-fundament tal-binja spiritwali, huwa l-ġebla tax-xewka mqiegħda bħala pedament tal-mixja ekkleżjali tagħna, tal-aġir pastorali u tal-evanġelizzazzjoni (ara vv. 4-5).

Meta nibnew fi Kristu u nibnu fuqu, dan iħarisna mir-riskju li nixterdu u nitħabtu u negħjew fuq ħwejjeġ sekondarji, forsi tajbin, imma li ma jmorrux għall-essenzjal. Naturalment aħna msejħin inkunu realisti, u nafu li fil-komunitajiet parrokkjali u fil-ħajja ta’ djoċesi hemm tant urġenzi u tant impenji li jitolbu preżenza u ħafna attivitajiet. Imma rridu nerġgħu mmexxu kollox lejn iċ-ċentru, nibnu dejjem fuq il-ġebla tax-xewka, ma nħallux li l-azzjonijiet tagħna jkunu mferrxa, iċċentrati biss fuqna nfusna u fuq l-isforzi tagħna. Ladarba ċ-ċentru huwa Kristu, ilkoll nieħdu minn din l-għajn waħdanija u nqiegħdu l-impenn tagħna għad-dixxerniment li ġej mid-dawl tiegħu u mill-Kelma tiegħu. Allura ejjew ngħinu tikber Knisja li fiha nimxu flimkien, kapaċi niġġeddu bla ma ninfirdu, fejn ilkoll nagħrfu li aħna aħwa ta’ xulxin u naħdmu bil-ferħ għas-servizz tas-Saltna ta’ Alla.

Dan jimplika dak li fil-bidu kien qed jgħid l-Isqof tagħkom: irridu nitgħallmu nkunu komunitajiet Insara ċċentrati fuq l-essenzjal, imqar jekk dan iġib miegħu ċ-ċaħda għal xi struttura u għal xi ċertezza tal-passat. L-essenzjal hu li ngħixu ma’ Kristu, u li nxerrdu l-Vanġelu tiegħu hu dak li għandu jkun għal qalbna. Dan nirrakkomandah qabelxejn lill-presbiteri, li xi drabi jistgħu jbatu mis-sens ta’ dispresjoni interjuri, ta’ għeja minħabba l-ħafna ħidmiet li għandhom: erġgħu lura dejjem għaċ-ċentru, iġbru kollox flimkien fir-relazzjoni mal-Mulej, u fih skopru l-ferħ tal-fraternità presbiterali u l-ħidma pastorali komuni mal-lajċi. U nirrakkomandah anki lir-reliġjużi, li jafu spiss it-taħbit li jattwalizzaw il-kariżma li għaliha jappartienu, imma li għandhom dejjem bżonn li jerġgħu jitilqu minn Kristu u li jqiegħdu t-talenti li rċivew kemm għad-dispożizzjoniji tal-komunitajiet reliġjużi oħra u kemm tal-Knisja djoċesana kollha.

Li ningħaqdu ma’ Kristu, il-ġebla tax-xewka, jippermettilna anki naffrontaw il-problematiċi tal-lum li jolqtu t-trażmissjoni tal-fidi u l-prattika reliġjuża. Fi żmien meta ħafna persuni donnhom tilfu l-gost spiritwali jew, għal diversi raġunijiet, ma jirnexxilhomx iżjed jaraw attraenti l-proposta tal-fidi Nisranija għal ħajjithom, aħna msejħin biex qabelxejn inwasslu l-aħbar tal-Vanġelu, aħbar hienja u ħelliesa ta’ Ġesù Kristu, li toħroġ il-ġmiel tal-fidi għal ħajjitna u għas-soċjetà tagħna. Illum dejjem hemm bżonn li nakkumpanjaw il-persuni għall-iskoperta jew għar-riskoperta tal-fidi. Għalhekk, hemm bżonn li nħabbru l-qalba tal-Vanġelu, jiġifieri lil Ġesù Kristu, li fl-inkarnazzjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu jurina l-misteru ta’ Alla u fl-istess waqt il-misteru li huwa aħna stess. “Pastorali bi stil missjunarju […] tikkonċentra fuq dak li hu essenzjali, fuq dak li hu l-isbaħ, l-ikbar, l-iktar attraenti u fl-istess ħin l-iktar meħtieġ” (Evangelii gaudium, 35).

F’dan il-kuntest, il-figura ta’ Santu Wistin tibbrilla b’dawl prezzjuż. Il-ħsieb tiegħu, l-istorja tal-konverżjoni tiegħu, l-ispiritwalità tiegħu jfakkruna fil-valur u l-primat tal-interjorità: “Toħroġx barra minnek innifsek, irritorna fik innifsek; il-verità tgħammar fil-bniedem interjuri” (De vera religione, XXXIX, 72). Il-bżonn li nerġgħu nidħlu fina nfusna, li ma nixterdux fil-frammentazzjoni esterjuri, li nfittxu u nsibu sens li jorjenta l-ħajja tagħna u janima r-relazzjonijiet tagħna, huwa esiġenza komuni għal kulħadd: illum dan jerġa’ jitla’ fil-wiċċ b’mod differenti anki fl-għaġla u fit-tixrid tal-ħajja ta’ kuljum, fuq kollox fil-mistoqsijiet ta’ dawk l-aktar żgħażagħ.

Meta x-xhieda tagħna tal-fidi hi koerenti u appassjonata, aħna stess insiru “ġebel ħaj” li jsawwar il-binja spiritwali li hi l-Knisja. L-istil tal-ħajja tal-Insara, li kien ġdid u sorprendenti fil-bidu, fil-konfront tad-dinja Ġudajka u ma’ dik pagana, għandu jkun hekk illum ukoll, fid-dinja tal-lum. Magħqudin ma’ Kristu nistgħu fil-fatt nesprimu s-saċerdozju qaddis tagħna, u noffru ta’ kuljum sagrifiċċji spiritwali (ara 1 Piet 2:5). Minsuġa b’talb u servizz lill-proxxmu, din il-qima tibdel il-ħajja tagħna f’sinjal tal-Vanġelu permezz tal-għażliet, l-azzjonijiet u r-relazzjonijiet.

Għeżież, bħal ġebel ħaj, aħna msejħin inkunu Knisja b’għeruqha mniżżla sew fit-territorju, Knisja li timxi qalb it-taħbit u t-tamiet tan-nies, esperta fl-arti tas-smigħ u tat-tisħib, li tikkura r-relazzjonijiet mal-familji, ma’ dawk li qed jitħejjew biex jirċievu s-Sagramenti u anki ma’ min narawh darba kultant jew hu mbiegħed mill-ħajja tal-fidi.

Naf li intom diġà mkebbsin b’din il-passjoni pastorali u nistedinkom tieħdu ħsiebha bla ma taqtgħu qalbkom, tfittxu li tilħqu lil kulħadd bil-ferħ tal-Vanġelu, tivvalorizzaw l-aħjar tal-istorja tagħkom – jiġuni f’moħħi l-oratorji – u tesperimentaw possibbiltajiet ġodda ta’ laqgħa. Kura partikulari għandha tmur għall-impenn li tagħmlu organiċi x-xbieki ta’ komunitajiet żgħar li jiltaqgħu fid-djar madwar il-Vanġelu, miftuħa għas-servizz tal-komunità parrokkjali jew pastorali. Is-smigħ tal-Kelma jġib vivaċità spiritwali, jistimola x-xhieda fl-ambjenti tal-ħajja, anki permezz tal-moviment u l-għaqdiet, jimbotta biex inkunu qrib tal-foqra. U speċjalment hawn f’Pavia, nisħaq fuq l-importanza tal-pastorali universitarja u tad-djalogu mal-kultura. L-istudju u l-elaborazzjoni xjentifika jixprunaw lil min jemmen biex jaħseb proposta ta’ fidi li kapaċi ddawwal it-tiftix tal-verità, tal-ġustizzja u tal-ġmiel li jqanqlu r-ruħ tal-bniedem. Naf li bdejtu tagħmlu passi sinifikattivi biex tassumu stil sinodali fil-ħajja komunitarja, billi tintegraw il-mixja tradizzjonali tal-parroċċi b’inizjattivi ġodda ta’ evanġelizzazzjoni. Nistedinkom għalhekk timxu f’din it-triq, titgħallmu dejjem iżjed timxu flimkien, fid-dixxerniment komuni u billi telaboraw proġetti flimkien, tikkultivaw il-fraternità u tippromovu l-korresponsabbiltà.

Għeżież ħuti, Marija Santissima, Omm il-Knisja, tiksbilkom ix-xewqa ħerqana li tgħixu u tagħtu xhieda tal-Vanġelu, fil-karità fraterna li tagħmilna poplu wieħed f’mixja lejn Alla. Aħna u nqimu r-relikwi tal-missier qaddis Wistin, nitlob li hu, flimkien mal-Patrun tagħkom San Siro, jinterċedi dejjem għal din il-Knisja u għall-belt ta’ Pavia. Grazzi!

________________________________

Kelmtejn spontanji tal-Papa

Il-lejla t-tajba lil kulħadd! Saħħa, il-lejla t-tajba!

Grazzi li ġejtu. Segwejtu ċ-ċerimonja kollha fi spirtu ta’ talb minn hawn barra. Issa nagħti l-barka lilkom ukoll, u nitolbu li l-Mulej ikun magħkom u jħariskom dejjem.

Barka.

Awguri lilkom ilkoll! Grazzi, grazzi!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading