DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FL-OKKAŻJONI TAL-AĊĊETTAZZJONI TAL-
LIBERTY MEDAL TAN-NATIONAL CONSTITUTION CENTER
Il-Ġimgħa 3 ta’ Lulju 2026
Għeżież ħbieb,
Għalija huwa ta’ unur li nilqa’ l-Liberty Medal tan-National Constitution Center f’din is-sena li fiha qed jitfakkar il-250 anniversarju mit-twaqqif tal-Istati Uniti tal-Amerika bl-iffirmar tad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza fl-4 ta’ Lulju 1776. Lejlet din l-okkażjoni importanti, nibgħat it-tislija kordjali tiegħi lil dawk kollha li nġabru fin-National Constitution Center ta’ Philadelphia. Bħala iben ta’ dan il-pajjiż kbir, imwaqqaf minn irġiel u nisa qalbiena li ħolmu l-libertà u dinja aħjar għalihom infushom u għal uliedhom, ningħaqad magħkom biex nitlob il-barka ta’ Alla fuq il-futur tal-Amerika, sabiex l-ideali għoljin imniżżla fil-bidu tad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza jistgħu jkomplu jmexxu l-prosperità tan-nazzjon fl-għaqda, fil-ġustizzja u fil-paċi.
Sa miż-żgħożija tagħna, fil-parti biċċa l-kbira tagħna konna nammiraw l-elokwenza ta’ dawk il-kelmiet, bl-appell qawwi tagħhom għal-liġi tan-natura u għal Alla tan-natura bħala bażi tal-affermazzjoni tagħhom li l-irġiel u n-nisa huma maħluqa ndaqs u mżejna mill-Ħallieq tagħhom bi drittijiet inaljenabbli partikulari, fosthom id-dritt għall-ħajja, il-libertà u t-tiftix tal-hena. Imqar jekk espressa fil-lingwaġġ tal-Illuminiżmu, dik l-affermazzjoni fil-fond tagħha għandha għeruqha f’għarfien tal-persuna umana mnebbaħ mill-viżjoni kbira biblika tar-raġel u l-mara maħluqa xbieha ta’ Alla. Fil-fatt, huwa hawn li niskopru l-fundament tad-dinjità umana; dinjità li tiġi qabel it-twaqqif ta’ kull Stat u li l-ħarsien tagħha jirrappreżenta l-istess fini tiegħu.
Fl-aħħar 250 sena, għal tant popli tad-dinja kienet id-determinazzjoni soda li wettqet il-viżjoni għolja tal-fundaturi tan-nazzjon biex jagħmlu l-Amerika sinonima mal-libertà, waqt li l-pajjiż kien qed jiftaħ il-bibien tiegħu għal mewġiet suċċessivi ta’ immigranti, u hekk ta lilhom u lil uliedhom li jagħmlu l-parti tagħhom biex jagħġnu l-futur tan-nazzjon. Kienet din l-istess imħabba għal-libertà li nebbħet lill-Istati Uniti, fl-aktar sigħat mudlama tal-aħħar seklu, fi żmien iż-żewġ Gwerer Dinjija, biex iħarsu iktar fil-bogħod u, b’sagrifiċċju kbir, iwieżnu l-kawża tal-libertà li hemm mill-konfini tagħhom.
Madankollu, bħalma jaf kull Amerikan, it-triq biex nibnu soċjetà li tinkarna dawk l-ideali għoljin ta’ libertà u ta’ ġustizzja għal kulħadd mhux dejjem kienet faċli u, minn diversi aspetti, għadha xogħol li għadu għaddej. Fil-fatt, l-isforz biex titwettaq din il-viżjoni għandna nerġgħu naqbduha f’kull ġenerazzjoni u quddiem sfidi dejjem ġodda. Illum, meta nħarsu lejn il-futur, dan l-anniversarju storiku joffrilna l-opportunità li nirriflettu mill-ġdid fuq il-prinċipji fundamentali tan-nazzjon, fit-tama li l-Amerika tibqa’ dejjem fidila għas-sejħa li mmeritatilha t-titlu ta’ Pajjiż ta’ nies ħielsa u dar ta’ nies qalbiena.
L-ewwel dritt imniżżel mill-fundaturi tan-nazzjon kien id-dritt għall-ħajja, għax ħadd minn min jiġi mċaħħad mill-ħajja ma jista’ jgawdi mil-libertà jew isib il-kuntentizza. Il-vitalità ta’ pajjiż hi profondament marbuta mal-valur li hu jattribwixxi lill-ħajja umana f’kull bixra u qagħda, billi jagħraf id-dinjità li għandha kull persuna umana minħabba l-istess eżistenza tagħha. Il-valur inerenti ta’ kull ħajja umana wassal lill-qlub nobbli ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ biex jagħtu ġieħ lill-opri tal-għaġeb tal-Ħallieq (ara Salm 139:14) u jibqgħu f’qima quddiem don hekk prezzjuż. Fil-fatt, hi proprju din il-qima li jeħtieġ inkomplu nikkultivaw, qima li ċċaqlaq il-qlub tal-individwi u tnebbaħ liġijiet li jagħrfu u jħarsu dan id-don mill-mument tat-tnissil sal-mewt naturali. Barra minn hekk, il-qima tgħinna niskopru li aħna ħarriesa ta’ dawk li huma fdati fil-kura tagħna. F’dan ir-rigward, il-kobor morali ta’ nazzjon jidher, fuq kollox, mill-ħila tiegħu li jappoġġja, jipproteġi u japprezza l-ħajja ta’ kulħadd, speċjalment ta’ min hu l-aktar vulnerabbli u ta’ dawk li l-valur tagħhom hu mqiegħed fid-dubju.
Wara d-dritt għall-ħajja, kienet, u hi, il-libertà l-aktar preminenti fost il-prinċipji mweġġħa mill-irġiel u min-nisa li fittxew bidu ġdid ’il ġewwa mill-ħitan ta’ dan in-nazzjon, u spiss raw fiha l-bieb għal tama li qabel ma kinux jimmaġinawha. Imqar jekk spiss hi mifhuma bħala l-possibbiltà li wieħed jaġixxi kif irid hu, il-libertà awtentika hi ħafna iktar profonda minn hekk. Hi msejsa fuq il-ħila tal-persuna umana li tagħraf il-verità u li timxi ma’ dak li hu tajjeb, anki jekk dan jiswa prezz għoli: sagrifiċċju magħruf sew ma’ ħafna minn dawk li ħabirku biex isawru lil dan il-pajjiż. Ix-xewqa għall-verità u għal-libertà, kif ukoll l-istess tiftix tal-kuntentizza, ikomplu jnebbħu persuni minn kull ġenerazzjoni biex jagħmlu mistoqsijiet fundamentali fuq it-tifsira tal-ħajja, fuq l-għan aħħari tagħna u, fl-aħħar mill-aħħar, fuq Alla, u hi ħaġa proprja tal-qlub ġenerużi li jfittxu tweġiba sinċiera għal dawn il-mistoqsijiet. It-tweġibiet inevitabbilment jiddeterminaw id-direzzjoni li nfittxu li nagħtu lil ħajjitna, u l-Amerika ilha żmien twil tippromovi l-libertà reliġjuża meħtieġa biex insegwu b’mod responsabbli dak li tiddettalna l-kuxjenza f’dan ir-rigward, mingħajr biża’ jew xi ħadd iġagħalna, kif insibu fl-Ewwel Emendament tal-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti.
Din hija l-libertà li tqis bħala sagra l-isfera intima tal-persuna, fejn jiġu msawra l-konvinzjonijiet u fejn il-kuxjenza tista’ tmexxi d-deċiżjonijiet meħuda fil-fond tal-qalb umana. Din l-istess libertà tiggarantixxi wkoll id-dritt ta’ kull persuna li twettaq il-kult skont it-twemmin tagħha, u tal-individwi, tal-komunitajiet u tal-assoċjazzjonijiet li jesprimu pubblikament il-fidi tagħhom. Fil-fatt, il-libertà reliġjuża tat il-ħajja lit-tradizzjoni Amerikana li tikkontempla d-djalogu interkonfessjonali u l-koperazzjoni interreliġjuża għall-promozzjoni tal-ġid pubbliku u biex jistagħnew id-dibattiti fuq il-kwistjonijiet kbar morali u etiċi li kellu quddiemu n-nazzjon u li għaġnu l-iżvilupp tal-istorja tiegħu. Hi tama tiegħi li din it-tradizzjoni tkompli tissarraf f’dibattitu pubbliku kkaratterizzat minn moderazzjoni, rispett għall-fehmiet ta’ oħrajn u minn sforz kontinwu biex insibu art komuni fejn nippromovu l-kawża tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni, f’pajjiżna u ’l barra minn xtutna.
L-antenati ta’ dan il-pajjiż, irġiel u nisa ta’ oriġni, reliġjonijiet u ilsna differenti, kienu kapaċi jsibu art komuni u l-qawwa meħtieġa biex ifittxu futur aħjar. Il-prinċipji li nebbħu lill-fundaturi tal-Amerika, b’għeruqhom fil-verità tal-persuna umana, għaqqduhom f’kawża waħda, ħolma komuni. L-għaqda tat il-qawwa lil dik il-ħolma, u welldet, taħt Alla, lill-Istati Uniti tal-Amerika. E pluribus unum: minn ħafna, wieħed. Biex nazzjon jista’ jimxi ’l quddiem, għandu jkun tabiħaqq magħqud; magħqud mhux biss minn għanijiet marbuta ma’ intrapriżi tal-mument, imma minn ideali li ma jgħibux mal-medda taż-żmien. Jalla l-prinċipji li fuqhom irriflettejna llum – dinjità umana li lkoll naqsmu flimkien, l-ugwaljanza u d-drittijiet esposti fid-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza – ikunu dejjem għajn ta’ din l-għaqda u dawl ta’ riferiment għall-mument preżenti u għas-snin li ġejjin.
Għalhekk, waqt li nilqa’ dan il-premju, nitlob li l-250 anniversarju mit-twaqqif ta’ dan in-nazzjon kbir ikun l-okkażjoni biex inġeddu solennement l-impenn b’risq dawn l-ideali li għamlu mill-Amerika pajjiż li japprezza l-paċi u l-prosperità, pajjiż ikkaratterizzat minn ġenerożità u qalb kbira. Nafda lilkom ilkoll, kif ukoll il-futur tan-Nazzjon lil Dak li huwa stess hu l-għajn tal-libertà vera u ta’ paċi fit-tul, Dak li ismu stess huwa Paċi.
Alla jbierek lill-Amerika! Grazzi!
Miġjub ghall-Malti minn Francesco Pio Attard