Hu t-tama tagħna. Omelija mill-Isqof Joe Galea Curmi

It-Tnejn, 6 ta’ Lulju 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fit-Tnejn tat-tlettax-il ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Ġesù huwa t-tama tagħna”. Dan hu l-kliem tal-Papa Ljun XIV meta għamel riflessjoni fuq din il-ġrajja (ara: Udjenza Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2025). Huwa t-tama tagħna għax Ġesù huwa dak li jagħti l-ħajja, dak li jfejjaq, dak li dejjem jieqaf ma’ min hu fil-bżonn. Ħa nħarsu lejn dan ir-rakkont ta’ San Mattew fejn jinseġ flimkien żewġ episodji li kienu ma’ nies differenti ħafna. Hawnhekk naraw lil “wieħed mill-kapijiet” (Mt 9:18) li jinxteħet f’riġlejn Ġesù u jitolbu biex iqajjem għall-ħajja lil bintu li kienet għadha kemm mietet. Imbagħad għandna dik il-mara “li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm” (Mt 9:20).

Nies differenti ħafna. Wieħed kap, u jidher ukoll li kellu ċerta influenza fuq in-nies, u aktar ’il quddiem naraw li meta mar Ġesù, kien hemm id-daqqaqa tal-flawt u folla nies hemmhekk. Kien bniedem li fis-soċjetà n-nies iħarsu lejh bħala bniedem li għandu ċerta awtorità; u dan qed jitlob lil Ġesù għal bintu. Mill-banda l-oħra, fl-istess rakkont, għandna din il-mara li l-Evanġelju jgħid li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm, u li minħabba din il-marda, mhux biss kienet tbati ħafna – u ma nafux x’kien jisimha –  imma kienet imwarrba minħabba l-marda tagħha. Ma setgħetx toqgħod qalb il-folla, man-nies, imma l-marda stess tagħha kienet temarġinaha. Ara d-differenza bejn persuna u oħra.

Imma x’jgħaqqadhom flimkien? Il-fidi f’Ġesù. Dar-raġel, wieħed mill-kapijiet, kellu tant fidi f’Ġesù li, anke jekk bintu kienet għadha kif mietet, jgħidlu: “Imma int, ejja qiegħed idek fuqha, u hija tgħix” (Mt 9:18) Kellu l-fidi li Ġesù jagħti l-ħajja, għandu din l-awtorità, li persuna jqajjimha għal ħajja ġdida. U dil-mara kellha fidi kbira wkoll f’Ġesù. Qalet: lanqas hemm bżonn li jien niġi wiċċ imb’wiċċ miegħu u nispjegalu; biżżejjed “immiss il-libsa tiegħu” (Mt 9:19). Fil-fatt l-Evanġelju jgħid li resqet lejh minn wara, u missitlu t-tarf tal-libsa. Kellha fidi li jekk tagħmel hekk, se jfejjaqha. Dan hu li jgħaqqad lil dawn il-persuni: il-fidi f’Ġesù.

Imbagħad naraw kemm swiet ta’ ġid, fil-fatt, dil-fidi f’Ġesù. Lil mara Ġesù fejjaqha, u jgħidilha proprju: “Agħmel il-qalb… Il-fidi tiegħek fejqitek” (Mt 9:22). U nafu li, kif jgħid l-Evanġelju, “dak il-ħin stess il-mara fieqet” (Mt 9:22). U lit-tifla ta’ dan il-kap, Ġesù “qabad id it-tifla u din qamet” (Mt 9:25) u qajjimha għal ħajja ġdida. Ara kemm swiet ta’ ġid il-fidi!

Hawnhekk naraw lil Ġesù, bħalma nafuh dejjem, mimli mħabba u kompassjoni. Għalih, kull persuna importanti. Meta ġie dal-kap u qallu bil-każ ta’ bintu li kienet għadha kif mietet, l-Evanġelju jgħid li Ġesù “qam u mar warajh” (Mt 9:19). Mal-ewwel. Imma meta kien il-każ li jieqaf ma’ din il-mara, li qalet “imqar immiss il-libsa”, Ġesù waqaf għaliha. U hemm ħaġa tassew sabiħa: lil din il-mara, li ma kinetx magħrufa, u kienet ta’ ħajja ordinarja imma kienet qed tbati ħafna minħabba l-mard tagħha, Ġesù jgħidilha “binti” (Mt 9:22). Imkien fl-Evanġelju ma nsibu lil Ġesù jgħid “binti”. Kemm hi sabiħa! Għax mimli mħabba u kompassjoni, speċjalment għal dawk li għaddejjin mill-akbar tbatija.

Aħna u nirriflettu fuq din il-ġrajja, nitolbu lill-Mulej biex isaħħaħ fina l-fidi. Jgħinna biex meta nħarsu lejh, niftakru: hu dak li jimpurtah minna, li dejjem jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. Jakkumpanjana, anke fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna. Għalhekk nitolbuh il-grazzja li jfejjaqna minn dak li f’ħajjitna hu ta’ tfixkil, jagħtina l-ħajja, u dejjem isaħħaħ fina l-fidi.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading