Omelija tal-Papa Ljun XIV f’Lampedusa

ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
F’LAMPEDUSA
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Grawnd sportiv “Arena” fil-Lokalità Salina
Is-Sibt 4 ta’ Lulju 2026

Tislima tal-Papa

Sur Sindku, Grazzi, grazzi!

Sur Sindku,
Eċċellenza, Awtoritajiet distinti,
għeżież ħuti!

Nirringrazzja lis-Sur Sindku tat-tislima li għamilli f’isem il-Kunsilli Lokali ta’ Lampedusa u Linosa, u nirringrazzja lilkom kollha tal-merħba li tajtuni!

Il-fatt li ridtu ssemmu l-Molo Favaloro għall-Papa Franġisku hu sinjal tar-rabta li l-Predeċessur tiegħi stabbilixxa mal-komunità tagħkom u ma’ ħutna l-migranti: il-Papa kien qrib tagħkom f’dan iż-żmien impenjattiv għalikom. U llum jien ninsab hawn biex ngħidilkom li l-Papa jkompli jakkumpanjakom, iweżinkom u jinkuraġġikom.

Ma ġejtx biex nagħmel diskorsi, imma biex niċċelebra l-Ewkaristija, l-ogħla sinjal tal-preżenza ta’ Kristu fostna. Il-ġest ta’ Ġesù li jaqsam il-ħobż biex jagħti lilu nnifsu jagħti sens u qawwa lill-ġesti tagħna ta’ kuljum ta’ għajnuna u ta’ qsim flimkien. Iva, dan hu post li fih, iktar mill-kliem, jitkellmu l-ġesti. Imma l-ġesti, biex ikunu umani, għandhom bżonn ta’ qalb. Għalhekk inġbarna hawn: biex nieħdu mingħand Kristu l-imħabba li hu biss jista’ jagħtina, biex id-dinja tal-lum u ta’ għada tista’ tkun aktar umana, iktar umana għal kulħadd.

Grazzi!

_____________________________

Omelija tal-Papa

Għeżież ħuti,

Alla jħobbna hu l-ewwel. Is-sbuħija tal-baħar, ta’ din il-gżira u tal-uċuħ tagħkom hija mera tal-inizjattiva b’xejn tiegħu: l-imħabba timxi qabilna, iddawwarna u tiġborna flimkien. Inħossni grat lejn il-Mulej li stajt inżurkom, fuq il-passi tal-Papa Franġisku, li fit-8 ta’ Lulju 2013 ried jiġi Lampedusa fl-ewwel vjaġġ tiegħu ta’ Suċċessur ta’ Pietru.

L-Appostli, kif tafu, baħħru fil-Mediterran u daqu l-ospitalità tan-nies li jgħixu fil-gżejjer tiegħu u fuq il-kosti tiegħu, sa minn millennji ilu salib it-toroq ta’ ċiviltajiet. Il-Vanġelu jidwi fejn il-popli jiltaqgħu, il-persuni jilqgħu lil xulxin, il-ġrajjiet tagħhom jintisġu flimkien, id-diversi kulturi jidħlu fi djalogu. Imma, jiskot meta kull wieħed u waħda jagħmel minnu nnifsu gżira, fejn il-kuntatt hu evitat, il-qsim flimkien imwaqqaf. F’dan is-sens, il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, li għadha kemm ixxandret, tiddeskrivi storja li tissokta (ara Lq 10:25-37), u l-Enċiklika Fratelli tutti għenitna nerġgħu naqrawha fiċ-ċirkustanzi storiċi drammatiċi li fihom għadna mgħaddsa. Il-Kelma ta’ Alla hi dejjem għal-lum u twassalna għal konverżazzjoni li minnha noħorġu ttrasfigurati. Mela kif għandna nwieġbu għall-imħabba ta’ min ħabbna hu l-ewwel?

Għeżież, illum Lampedusa u Linosa jinsabu fi triq perikoluża bħal dik li kienet tieħu ’l isfel minn Ġerusalemm għal Ġeriko (ara v. 30). Hawnhekk rajtu mhux wieħed biss, imma eluf ta’ bnedmin li waqgħu f’idejn il-ħallelin li jeħdulhom kollox, isawtuhom sat-tixrid tad-demm u jitilqu, u jħalluhom nofshom mejta (ara Lq 10:30). Il-baħar laqa’ lill-oħrajn, dawk li ma waslux fejn kienu qed jittamaw. Imma l-preżenza tagħhom inħossuha, u tisfidana mhux b’inqas minn dawk li żbarkaw, fil-bżonn tal-attenzjoni u tal-għajnuna. Fil-fatt, qabel kull kunsiderazzjoni intellettwali jew konvinzjoni ideoloġika, l-impatt ma’ min hu mixħut quddiemna, imneżża’ minn kollox, isejħilna għall-qrubija. L-Ittra lil-Lhud qaltilna: “Ftakru […] f’dawk li qegħdin ikasbruhom, daqslikieku qegħdin ikasbru lilkom f’ġisimkom” (Lhud 13:3). Din hija l-qalba tal-parabbola tal-Vanġelu: qrib tal-oħrajn insiru aħna, proxxmu nagħmlu lilna nfusna aħna (ara Lq 10:36-37)!

Ġejt hawn nirringrazzjakom, ħuti ta’ Lampedusa, għalll-qrubija li ħafna fostkom għażlu li jħaddmu. Reġa’ seħħ il-miraklu tal-kompassjoni – “rah u tħassru” (v. 33) –: rivoluzzjoni interjuri li twarrad fina l-mod kif “iħoss” Alla u twessa’ l-ħsibijiet, il-qalb u l-ħajja. Ngħid grazzi lill-voluntiera, lill-għaqdiet, miġbura fil-“Forum Lampedusa Solidale”, lill-istituzzjonijiet ċivili, lill-Gwardja Kostali, lis-Sindki u lill-amministrazzjonijiet waħda wara l-oħra; grazzi lid-djakni, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi, lit-tobba, lill-psikologi, lill-edukaturi; grazzi lill-forzi tas-sigurtà u lil dawk kollha li, bid-don tal-fidi jew mingħajru, għażlu li jħobbu flimkien. Iva, għax fostkom kienet l-imħabba li organizzat ruħha, dik l-imħabba li tagħha l-kompassjoni, li tilmaħ lil ħutna fil-baħar, hi bħall-ewwel tferfira, is-sejħa profonda biex tissugraw dak li qatt ma kontu ħsibtu qabel. Insellem lill-persuni migranti li jinsabu hawn: huma stess mhux biss irċivew, imma ħafna drabi ħaddmu s-solidarjetà fil-vjaġġ tagħhom, bħala foqra li jgħinu lill-aktar foqra. Grazzi, ħuti, għax ma hemm xejn ovvju fil-mod kif intom sirtu proxxmu, xejn awtomatiku.

Il-parabbola tirrakkontalna dan: l-imħabba hi dejjem fil-libertà u l-libertà qiegħda fid-deċiżjonijiet. Hemm ukoll min jagħżel li ma jsirx proxxmu u min jiddeċiedi li ma jiddeċidix. Il-mejtin f’dan il-baħar huma vittmi kemm ta’ deċiżjonijiet meħuda, kemm ta’ deċiżjonijiet mhux meħuda. In-nuqqas ta’ interess fil-ġid komuni u l-korruzzjoni fil-postijiet ta’ provenjenza, sistema ekonomika dinjija li ġġib faqar u esklużjoni, il-biża’ li trewwaħ preġudizzji u stmerrija, l-idea li dawn il-problemi ma jmissuniex, il-kalkoli kriminali ta’ min japprofitta minn fuq it-traġedja ta’ ħaddieħor, il-passaġġ bil-mod u diffiċli minn sempliċi immaniġġjar tal-emerġenzi għall-elaborazzjoni ta’ politika organika u maqsuma bejn kulħadd: dan kollu qed jirriproduċi llum, mir-rakkont tal-Vanġelu, l-għaġla ta’ min “jibqa’ sejjer” (ara vv. 31, 32).

Fil-parabbola, wieħed qassis “inzerta” (v. 31) hemm, u warajh levita. It-tnejn li huma jaraw, imma jibqgħu għaddejjin. B’xorti ħażina, f’kull żmien ma jonqosx min jibża’ li jiċċappas fil-kuntatt mal-oħrajn, u hekk jiċħad – saħansitra quddiem it-tbatija u l-mewt – l-oriġni komuni f’Alla, id-dinjità bla tarf ta’ kull bniedem u s-sejħa għalll-imħabba bla qies. Wasal iż-żmien li nagħrfu u naffermaw li l-appartenenza reliġjuża ma għandha qatt issir raġuni għal diskriminazzjoni, bħallikieku l-fidi kellha xi konfini minflok hi sejħa universali għas-salvazzjoni. Fejn kien hemm ħitan li jifirdu, Kristu ġarrafhom (ara Efes 2:14). Ma hemmx imħabba ta’ Alla mingħajr imħabba tal-proxxmu, u ma hemmx proxxmu jekk jien ma nersaqx lejh. Li nieqaf, nitqanqal, nitbaxxa, nibki quddiem it-tbatija ta’ ħaddieħor – kif għamel Ġesù – ifisser nidħol fil-moviment tal-imħabba, dak li fih Alla wera lilu nnifsu.

Għeżież, min jidħol f’din id-dinamika ta’ kompassjoni, ta’ ħniena, jibda jgħix b’mod differenti, isir ċittadin differenti, jaħdem differenti. Allura tista’ tassew tfiġġ iċ-ċiviltà tal-imħabba, dik li xtaqu l-predeċessuri qaddisin tiegħi Ġwanni XXIII, Pawlu VI u Ġwanni Pawlu II. Flimkien ma’ għadd kbir ta’ profeti u martri tas-seklu li għadda, huma fehmu li, fil-qigħan tal-qalb tal-bniedem u fl-orruri tal-gwerra, il-ħniena waħidha taf twieġeb b’bidu ġdid. Issa, fuq l-ispallejn ta’ dawn il-ġganti, dħalna f’millennju li fih irridu nagħtu bixra spiritwali, kulturali, ġuridika, politika, ekonomika liċ-ċiviltà tal-imħabba. L-enormità tat-tbatija li nosservaw madwarna turina r-radikalità ta’ din is-sejħa.

Bħas-Samaritan, nistgħu nibdlu programm u direzzjoni. Iktar mis-Samaritan għandna riżorsi u opportunitajiet biex nagħtu konkretezza storika lit-tama. Hu “resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu” (Lq 10:34). Aħna daqstant ieħor jeħtieġ nagħrfu li “ċ-ċiviltà tal-imħabba ma tinbitx minn ġest uniku u spettakolari, imma min ġabra ta’ fedeltajiet ċkejkna u determinati, li jieqfu kontra d-diżumanizzazzjoni” (Ittra enċiklika Magnifica humanitas, 213). Ta’ dan, ħbieb tiegħi ta’ Lampedusa, intom xhieda! Hawnhekk, meta nħarsu lejkom, nifhmu aħjar iż-żmien tagħna u kulħadd jista’ jivverifika d-direzzjoni ta’ ħajtu. “Ċertament, mhux kulħadd għandu l-istess poter li jinfluwenza r-realtà […]. Madankollu, ħadd mhu mingħajr responsabbiltà. Kulħadd għandu l-qasam tiegħu ta’ azzjoni, u hemmhekk – mhux band’oħra – hu msejjaħ jagħżel jekk isaħħaħx il-loġika tal-forza (imqar sempliċiment bl-indifferenza, iċ-ċiniżmu, il-gideb, il-mibegħda), jew iħarisx il-loġika tal-paċi (bil-verità, is-sobrjetà, il-qrubija, l-għożża)” (ibid., 212).

Għalhekk, minn dan it-tarf imbiegħed tal-Ewropa fil-Baħar Mediterran, nilmħu aħjar is-sejħa epokali li l-fenomenu migratorju qed jagħmel lis-soċjetajiet Ewropej. Anki minn dan l-aspett – kif ukoll minn dawk tat-tranżizzjoni ekoloġika u tal-promozzjoni tal-paċi – l-Ewropa għandha potenzjal uniku, li ġej għandha mill-istorja tagħha u mill-kultura tagħna, u għalhekk responsabbiltà daqstant ieħor kbira. Bil-pożizzjoni ġeografika u l-organizzazzjoni istituzzjonali tagħha, l-Ewropa tista’ – f’dan il-qasam – taffronta l-kriżi b’mod organiku, u ddaħħal l-ewwel għajnuna fi pjan strateġiku fit-tul, li kapaċi jilqa’, jipproteġi, jippromovi u jintegra l-migranti, u, fl-istess waqt, iħabrek għall-iżvilupp, hekk li ħadd ma jkun imġiegħel jemigra. Dan kollu waqt li tgħasses fuq ir-rispett għad-dinjità ta’ kull persuna. Hija l-ħidma tal-istituzzjonijiet pubbliċi imma anki tas-soċjetà ċivili kollha u tal-Knisja.

Ħuti, kif kont qed ngħid dan l-aħħar f’Tenerife, waqt il-vjaġġ appostoliku tiegħi fi Spanja, anki f’Lampedusa l-kultura tal-akkoljenza għandha vokazzjoni turistika, li – b’xorti ħażina – tista’ tħossha mhedda mir-rotot migratorji u tiżviluppa fl-indifferenza, jew saħansitra f’oppożizzjoni għall-aspetti traġiċi tagħhom. Fil-fatt, għal ħafna, il-vaganza hi biss distrazzjoni, xi ħaġa leġġera, fejn ma taħseb f’xejn. Allura donnu hemm bżonn jittella’ ħajt inviżibbli bejn il-baħar tan-nawfragi u dak ta’ min jinsab fuq btala. Ħa jkollkom il-kuraġġ taħsbuha differenti. Ftit ftit, bi kreattività, jirnexxilkom tagħmlu mod li kull min iqatta’ perjodu, imqar ta’ mistrieħ, fuq din il-gżira, jista’ jsir iżjed uman meta jkejjel lilu nnifsu mal-karità tagħkom, ma’ dak li l-baħar għallimkom, mal-laqgħat li edukawkom. Fil-fatt, hemm mistrieħ awtentiku fejn jerġa’ jinstab is-sens tal-ħajja; u benessri veru meta l-ekonomija hi ġusta u fraterna. F’din l-ekonomija l-għożża għall-ħolqien u l-ħbiberija soċjali jsaħħu lil xulxin f’sinteżi li l-umanità llum qed tfittex.

L-Ewwel Qari fakkarna li, fit-tħaddim tal-ospitalità, “xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu” (Lhud 13:2). Mela kunu intom, fiċ-ċokon, profezija ta’ dak li lejh nistgħu nimxu flimkien fuq skala ikbar. Minn dan tgawdu l-ewwel intom u l-familji tagħkom, intom u tegħlbu l-firdiet u d-diverġenzi li l-karità waħidha tista’ tħoll. Il-parroċċa, b’mod partikulari, għandha tkun komunità fejn, fl-iskola tal-Vanġelu, nitgħallmu flimkien nilqgħu, insieħbu u nintegraw, fi stil ta’ komunjoni.

Hawn għandna, ħdejn l-altar, ix-xbieha tal-Madonna tal-Portu Salvu, Patruna ta’ Lampedusa. Forsi tafu li Santu Wistin kien iħobb ixebbah il-ħajja tal-bniedem ma’ vjaġġ fuq il-baħar f’nofs tempesta u d-destin tiegħu bħala port salv u sigur. Ejjew ma nħallux il-biża’ jegħlibna, imma nħarsu lejn it-taħbit ta’ kuljum bħala żmien ta’ opportunità u xhieda. Għeżież, ħa tkun mela x-xhieda tagħkom intensifikata minn dawn is-snin ta’ prova u ta’ impenn ġeneruż. Ħa terġa’ din ix-Xbieha meqjuma tkellimkom mill-ġdid bil-qawwa ta’ dari, meta min għaddielkom id-devozzjoni tagħha kien jafda fl-interċessjoni tal-Verġni b’sinċerità radikali. Ilkoll għandna f’Alla port fiż-żgur, u kull komunità Nisranija hi msejħa tkun mera tiegħu fuq l-art. U lilkom, komunità ta’ Lampedusa u Linosa, jalla ma jonqoskom qatt in-nifs tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba: “O’scià!” [Tislima tipika tal-Lampedusani].

Miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading