IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 5 ta’ Lulju, 2026
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-liturġija tal-lum (Mt 11,25-30) jistedinna biex naqsmu flimkien ma’ Ġesù t-talba ta’ tifħir li hu jerfa lejn il-Missier, “Sid is-sema u l-art” (v. 25). L-Iben t’Alla, magħmul bniedem, jimmanifesta mħabbtu billi f’dan ir-radd il-ħajr jiġbor miegħu lil kull kreatura.
Is-sempliċità ta’ ġest daqstant spontanju u ferrieħ hu parallel mal-istil ta’ Alla li jħobb juri ruħu “liċ-ċkejknin”, waqt li jibqa’ moħbi “għal min għandu d-dehen u l-għerf” (cfrv. 25). Infatti, dawn tal-aħħar tant huma mimlijin bihom infushom li ma jagħrfux il-preżenza ta’ Kristu, il-Messija, li jżur lill-poplu tiegħu. L-għerf tal-bniedem, għalhekk, isir arroganza u d-duttrina tiddegrada u ssir suppervja. Il-veru għerf ta’ Alla jidher fl-umiltà tal-ġisem waqt li t-tagħlim hu indirizzat lejn min qed ibati l-aktar: “Ejjew għandi intom li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin” (v. 28), jgħid il-Mulej. Tmur għand Ġesù jfisser li twieġeb għall-imħabba tiegħu u taqsam miegħu l-ħajja tiegħu sa fuq is-Salib, kif spjegalna Hu stess. “Min irid jimxi warajja jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jiġi warajja” (Mt 16,24). Propju l-għotja tiegħu nnifsu għall-imħabba hu “l-madmad” ta’ Ġesù (Mt cfr 11,29), jiġifieri s-sintesi tat-tagħlim tiegħu, il-qofol tal-għerf, imkebbes bil-karità lejn kulħadd.
Ħuti, kif jista’ jkun “ħafif” u “ħelu” l-piż tas-salib (cfr v. 30)? Għal raġuni waħda: għax kien il-Mulej l-ewwel li ġarru flimkien magħna, bla ma qatt ħalliena waħedna f’kull saram. Bħala mgħallem awtentiku, Ġesù jitgħabba bl-umanità miġrugħha mill-ħażen, biex jieħu ħsiebha. Allura, d-dehen li jtina hu aħbar ta’ salvazzjoni u l-madmad tiegħu jerfgħana wara kull waqa’. Għalhekk, fit-triq tagħna wara Kristu, il-vjaġġ mhuwiex axxetiċiżmu li jrażżan; huwa skola ta’ libertà li tieħu bis-serjetà d-dramm tal-istorja u ddawwal it-tifsira tagħha, speċjalment fil-mumenti l-aktar mudlama. Infatti, hu biss fis-salib ta’ Ġesù li jinfeda l-ħażen: hu biss fil-passjoni tiegħu li l-għejja mortali tagħna ssib il-faraġ u l-fidwa.
Fil-jasar, Kristu hu l-ħelsien. Fil-flaġell tal-gwerra, Kristu hu t-tama. Fis-siegħa tad-dnub, Kristu hu l-maħfra. Dan hu l-veru għerf, jiġifieri t-triq li għandna mterrqu flimkien, magħqudin f’ismu bħala dixxipli. Ġesù jgħallimna dan għax hu Iben, sar wieħed minna: bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu Hu nnifsu juri l-verità ta’ Alla u tal-bniedem lill-Knisja għax “ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu” (v. 27).
Għeżież, waqt li niżżu ħajr lill-Mulej għal dil-fiduċja tiegħu mimlija mħabba, nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija, Reġina tal-Paċi, għall-ġid tal-Knisja u tad-dinja kollha.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
nhar il-Ħamis li għadda, 2 ta’ Lulju, fis-Santwarju ta’ Tac Say, fil-Vjetnam, kien beatifikat is-saċerdot Francesco Saverio Tru’o’ng Bǚu, li nqatel fl-1946 b’mibegħda għall-fidi. F’kuntest ta’ oppressjoni u vjolenza, sar difensur tad-drittijiet tan-nies bla ma abbanduna lill-parruċċani tiegħu. Jalla t-talb tiegħu u l-interċessjoni tiegħu ikunu sostenn għall-operaturi tal-Evanġelju li llum ukoll huma persegwitati.
Insellem b’għożża lilkom ilkoll preżenti fi Pjazza San Pietru!
Nagħti merħba lilkom pellegrini mill-Brażil u lill-kor tal-Universidad de Mérida, mill-Venezwela. Fit-talb tiegħi niftakar dejjem fil-vittmi tat-terremot u fil-poplu venezwelsan kollu: jalla l-Mulej iżomm idejh fuqkom f’dan il-waqt tant diffiċli.
Insellem lill-xi gruppi Pollakki: is-saċerdoti novelli tal-patrijiet Minuri Kapuċċini mill-Provinċja ta’ Krakovja; lill-kor tat-tfal mill-Arċidjoċesi ta’ Łódź, akkumpanjat mill-Isqof Awżiljarju, u lill-grupp mid-Djoċesi ta’ Legnica. Insellem liż-żgħażagħ minn Bellagio u lill-kor “Jubilaeum” minn Augusta fi Sqallija, flimkien mas-Sindku u l-Kappillan.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber