Stil ta’ ħajja. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-14-il Ħadd tas-sena.

Kitba ta’ Fr JImmy Bonnici


Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Mulej, inbierek ismek għal dejjem.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”. Mt 11, 25-30.

  1. Riflessjoni/talba:

i. Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.

Sid is-Sema u l-art
tal-immensitá, tal-kobor, ta’ kollox

veru li għad hawn ħafna
li għadhom ma fehmux is-sigriet tal-ħajja

imma nifraħ xħin nara l-għerf li jiġi mis-sempliċità
ta’ min jiddiskuti imma dejjem lest li jitgħallem, jirċievi
ta’ min għandu posizzjoni imma umli u parir jieħdu
ta’ min ma għandu l-ebda posizzjoni imma jaf iħobb.

Irrifletti:
• Għalik xi tfisser li tkun ċkejken?

ii. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.

Hemm ħarsa ta’ min jgħassislek
biex iżomm il-kontroll;
hemm ħarsa ta’ sorveljanza
biex isir jaf fuq in-nies ħalli jkabbar il-kumpanija;

hemm ħarsa ta’ stmerrija
li tumilja u tkisser;

imma hemm ħarsa ta’ min jafek
li joħloq u jiġġenera l-ħajja fik!

Irrifletti
• Liema ħarsa timmarka l-ħajtek?

iii. Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.

Imħabbat u mtaqqal
għax mistenni jkolli dejjem aktar;
qisu suppost ikolli l-kontroll ta’ kollox;
fejn kulħadd iqabbel kif jaqbillu, aħjar inwebbes qalbi;
b’minjiera ta’ informazzjoni u elf riklam,
forsi s-suppervja l-unika protezzjoni?

Hemm triq oħra?
Hemm fejn nista’ nafda bla bżonn ta’ kontroll sħiħ?
Dak li nagħmel hemm bżonn jibda mill-ebusija u l-vjolenza
jew tista’ tħalli marka l-ġentilezza:
fil-mod kif inħares lejja innifsi, lejn fjura, lejn it-tali?
Ħajti irrid nikkumbatti waħdi
jew nista’ ngħixuha mas-Sid tas-sema u l-art?

Irrifletti

• Oqgħod ftit mal-kliem: “Tgħallmu minni għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli”. B’liema stil jispirak tgħix il-ħajja?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading