Id-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja u s-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu ppubblikaw id-dokument preparatorju u ta’ gwida għal-laqgħa msejħa mill-Papa Ljun XIV, li se ssir fil-Vatikan bejn is-7 u l-14 ta’ Ottubru 2026 mal-Kapijiet tal-Knejjes Kattoliċi Orjentali u l-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali.
Id-dokument li kien ippublikat ukoll u li ntbagħat lill-Kapijiet tal-Knejjes Kattoliċi Orjentali u lill-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali, huwa maħsub biex iħejji u jakkumpanja l-ħidma li ser issir f’din il-laqgħa.
Il-laqgħa kienet tħabbret f’messaġġ mill-Papa nnisu fid-19 ta’ Marzu 2026, li mmarka l-għaxar anniversarju tal-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali Amoris laetitia dwar l-imħabba fil-familja. Filwaqt li rrikonoxxa l-bidliet profondi li qed ikomplu jaffettwaw lill-familji, il-Papa esprima x-xewqa tiegħu li jkompli, bi smigħ reċiproku, għal dixxerniment sinodali dwar il-passi li għandhom jittieħdu sabiex jiġi pproklamat l-Evanġelju lill-familji llum, u dan kemm fid-dawl tal-Amoris laetitia u kif ukoll ta’ dak li qed isir bħalissa fil-Knejjes lokali.
Fi tmiem il-Konċistorju straordinarju reċenti fis-27 ta’ Ġunju, il-Papa Ljun XIV reġa’ rrefera għat-tema tal-familja: “Fejn il-familja hi mwieżna u msieħba, tikber skola ta’ relazzjonijiet, ta’ solidarjetà u ta’ tama; fejn hi midruba jew imħollija waħidha, is-soċjetà kollha ġġorr il-konsegwenzi.” (Ara diskors tal-Papa bil-Malti … https://laikosblog.org/2026/06/27/il-papa-ljun-xiv-fgzeluq-il-koncistorju-straordinarju/)
Fl-istess okkażjoni, il-Papa ħabbar ukoll li diversi familji kienu se jieħdu sehem f’din il-laqgħa li għandha ssir f’Ottubru li ġej …
“Se jieħdu sehem ukoll xi familji li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Il-preżenza tagħhom hi essenzjali, imma nittama li dawk kollha li se jiġu, iħejju ruħhom billi jisimgħu mill-qrib u jġibu magħhom l-esperjenzi tal-familji tal-Knejjes tagħhom.”
F’Ruma, l-Isqfijiet minn madwar id-dinja se jkunu mistiedna jieħdu sehem fit-temi proposti u jisimgħu b’attenzjoni lil xulxin, sabiex, kif jirritornaw lura fil-Knejjes lokali tagħhom, ikunu jistgħu jġeddu, flimkien mal-familji, impenn pastorali kondiviż b’appoġġ għall-familja, il-ħajja umana, u l-vokazzjoni tal-miżżewġin.
Għall-Isqfijiet, dawn il-jiem flimkien jridu jkunu opportunità ta’ smigħ u dixxerniment: nilqgħu l-esperjenza tal-ħajja tal-familji, naqsmu stejjer konkreti tal-ħajja, nirriflettu fuq l-inizjattivi pastorali li permezz tagħhom il-komunità ekkleżjali takkumpanja l-familji, u nidħlu fi djalogu ma’ esperti. Għal din ir-raġuni, il-Konferenzi Episkopali u l-Knejjes Kattoliċi Orjentali huma mistiedna jibdew jirriflettu minn issa stess u jagħtu enfasi partikolari li jisimgħu lill-familji tal-Knejjes lokali tagħhom.
Il-familji jridu jkunu fiċ-ċentru, mhux biss bħala riċevituri tal-kura pastorali tal-Knisja, iżda bħala suġġetti attivi tal-missjoni tagħha, li permezz tagħhom l-Evanġelju jitlaħħam fir-relazzjonijiet, l-għażliet, it-taħbit u t-tama ta’ kuljum.
Għalkemm il-laqgħa mhijiex Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet, se titmexxa fi stil sinodali għaliex kif indika l-Papa Ljun XIV fi tmiem il-Konċistorju – taqsam l-ispirtu tal-proċess ta’ implimentazzjoni tas-Sinodu, immarkat mis-smigħ, mit-talb u mid-dixxerniment.
Ħames punti tematiċi qed jiġu proposti għar-riflessjoni, kemm bi tħejjija għal-laqgħa kif ukoll matulha. Dawn huma …
1. Il-familji llum: realtà, sbuħija u sfidi. Dixxerniment tas-sinjali taż-żminijiet permezz tal-esperjenza tal-familji u l-impenn pastorali tal-Knisja llum.
2. Iż-żgħażagħ u l-iskoperta tal-vokazzjoni għaż-żwieġ. Nisemgħu liż-żgħażagħ u nakkumpanjawhom fl-iskoperta tal-valur taż-żwieġ.
3. Il-ħajja miżżewġa. L-ewwel snin taż-żwieġ: żmien deċiżiv, Nisemgħu u nakkumpanjaw lill-koppji fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa u f’kull stadju ieżor tal-ħajja.
4. Fid-diffikultajiet tal-ħajja: nakkumpanjaw u nappoġġjaw. Nimxu mal-familji f’sitwazzjonijiet speċjalment dawk kumplessi.
5. Familji Nsara bħala suġġetti tal-missjoni tal-Knisja. Inħaddnu l-imħabba konjugali u familjari bħala xprun għall-missjoni.
