Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Iż-żerriegħa waqgħet f’art tajba, u għamlet il-frott
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.
U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma!”. Mt 13, 1-9.
- Riflessjoni/talba:
i. Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha.
Anke jekk hemm l-għadu li jaħtaf
u ż-żerriegħa tibqa’ fraġli
il-mod kif Alla jgħaddi l-ħajja u l-libertà
jibqa’ dak tal-bidwi
li jibqa’ jiżra’ b’fiduċja
sakemm il-frott jasal.
Irrifletti:
• Il-kliem tiegħek jiżra’ t-tama jew jeqridha?
ii. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq.
Is-suċċess immedjat ma jfissirx frott.
L-entużjażmu tal-mument, faċli jintilef fiż-żmien ta’ nixfa!
Imma l-ħin twil ta’ stennija –
taż-żerriegħa fil-fond tal-ħamrija
tas-sabar quddiem l-isfidi tal-ħajja
tat-talb fis-silenzju bla risposta –
huwa l-ħin l-aktar fertili
fejn l-istennija tgħarbel dak li jiswa
fejn il-frott tikber bil-mod
fejn l-għeruq jinżlu f’Alla nnifsu
flok jibqgħu biss fil-wiċċ ta’ sensazzjoni sabiħa.
Irrifletti
• Fejn mistieden tniżżel l-għeruq tiegħek?
iii. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom.
Mhux kollox xorta!
Art kollha xewk toħnoq il-pjanta.
Dipendenzi żbaljati jisirqu l-libertà u l-enerġija.
Diskors superfiċjali, storbju żejjed, u distrazzjonijiet
ma jħallux spazju għal dak li hu tassew ta’ fejda.
Imma fejn hemm art tajba
silenzju u talb li jirreżistu l-istorbju
qalb attenta għaċ-ċaqliqa tal-Ispirtu
iż-żerriegħa tagħmel ħafna frott:
tletin, sittin, mija.
Irrifletti
• Kif toħloq spazju tajjeb għal dak li jiswa?
- Missierna