Il-Misteru tas-Saltna ta’ Alla. Omelija mill-Isqof Joe Galea Curmi 

Is-Sibt, 18 ta’ Lulju 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fl-okkażjoni tad-10 anniversarju mill-mewt ta’ Carmen Hernandez – Mixja Neokatekumenali. Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi 

Illum il-Mulej jagħtina tliet parabboli li jikxfu l-misteru tas-Saltna ta’ Alla: il-parabbola tal-qamħ u s-sikrana, taż-żerriegħa tal-mustarda, u tal-ħmira. Mal-ewwel daqqa t’għajn dawn il-parabboli jidhru sempliċi, iżda fihom l-għerf ta’ Alla għal kull Nisrani u Nisranija u, b’mod speċjali, għalikom li qegħdin fl-itinerarju tal-inizjazzjoni Nisranija fil-Mixja Neokatekumenali.

Il-paċenzja ta’ Alla

L-ewwel parabbola titkellem dwar il-qamħ u s-sikrana. Sid għalqa jiżra’ żerriegħa tajba, iżda matul il-lejl, l-għadu jiġi u jiżra’ s-sikrana fost il-qamħ. Meta l-qaddejja jintebħu b’dan, iridu jneħħu s-sikrana minnufih. Iżda s-sid jgħidilhom: “Erħuhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad” (Mt 13:30).

Ġesù qed jgħallimna li s-Saltna mhijiex komunità magħmula minn nies perfetti. Il-Knisja hija qaddisa għax Kristu hu qaddis, iżda hija magħmula minn midinbin li kontinwament huma msejħa għall-konverżjoni.

Dan l-Evanġelju huwa ta’ faraġ kbir. Ħafna minna jiskopru, kultant bi tbatija kbira, li anke wara l-Magħmudija jew wara ħafna snin fil-Knisja, nibqgħu niġġieldu mad-dgħufija, mal-kburija, mal-biża’, mal-egoiżmu u mad-dnub. Xi drabi naqtgħu qalbna għax konna nistennew li l-qdusija tasal malajr. Imma l-Mulej huwa paċenzjuż. Ma jabbandunax l-għalqa għax dehret is-sikrana. Hu jibqa’ jieħu ħsiebha sal-jum tal-ħsad. Kif smajna mill-Ktieb tal-Għerf: “Din hi t-tama sabiħa li inti tajt lil uliedek, li inti tagħti żmien għall-indiema ta’ dnubiethom” (Għerf 12:19).

Vjaġġ ta’ konverżjoni

Il-Mixja Neokatekumenali dejjem enfasizzat li l-ħajja Nisranija hija mixja. Alla jurina l-faqar tagħna ftit ftit, mhux biex iċekkinna, jew biex iħallina mwaħħlin fejn aħna, imma biex jeħlisna. Iħallina naraw il-ġrieħi tagħna sabiex niskopru kemm hi profonda l-ħniena tiegħu, u kemm hu qawwi l-fejqan tiegħu.

Kull ċelebrazzjoni tal-Kelma, kull Ewkaristija m’humiex ġudizzju ta’ kundanna, iżda laqgħa mal-Mulej li bil-paċenzja kollha jkabbar il-qamħ li hu stess żera’ fina.

Ma niġġudikawx

It-tentazzjoni tal-qaddejja, f’din il-parabbola tal-qamħ u s-sikrana, hija wkoll it-tentazzjoni tagħna. Nixtiequ nifirdu minnufih it-tajjeb mill-ħażin. Kultant jiġrilna li niġġudikaw lill-oħrajn, niġġudikaw lill-Knisja, niġġudikaw il-komunità tagħna. Fil-ġudizzji tagħna, ġieli jiġrilna wkoll bħalma qal is-sid lill-qaddejja: “intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll” (Mt 13:29)

Iżda Ġesù jgħidilna li l-ġudizzju jappartjeni lil Alla. Il-missjoni tagħna mhijiex li nikkundannaw, iżda li nibqgħu sodi fil-fidi, nafdaw li Alla jaf joħroġ il-ġid anke minn sitwazzjonijiet mimlijin dgħufija u kontradizzjonijiet.

Skola ta’ mħabba

Kemm hu importanti dan fil-komunitajiet tagħna! Intom tgħixu flimkien ma’ aħwa b’karattri differenti, bi stejjer differenti, u bi ġrieħi differenti. Il-ħajja fil-komunità b’mod naturali tikxef il-limiti tal-persuna.

Madankollu, proprju dawn id-diffikultajiet isiru l-post fejn Alla jgħallimna l-maħfra, l-umiltà, il-paċenzja u l-imħabba. Mingħajr dawk l-aħwa li jisfidawna, forsi qatt ma niskopru kemm aħna wkoll għandna bżonn il-konverżjoni.

Il-qawwa taċ-ċokon

Imbagħad Ġesù jitkellem dwar iż-żerriegħa tal-mustarda. Hija l-iżgħar fost iż-żrieragħ kollha, iżda ssir siġra kbira fejn l-għasafar tas-sema jsibu kenn.

Is-Saltna ta’ Alla kważi dejjem tibda fil-moħbi. Il-ħidma ta’ Alla normalment ma tibdiex b’sinjali straordinarji. Tibda f’qalb li tisma’, f’familja li tiftaħ ruħha għall-ħajja, f’komunità żgħira miġbura madwar il-Kelma ta’ Alla, jew f’persuna li tgħid “iva” lill-Mulej minkejja l-biża’ u d-dgħufija tagħha.

Din hija wkoll l-istorja tal-Mixja Neokatekumenali. Dak li Kiko u Carmen bdew fis-sempliċità fl-1964 infirex mad-dinja kollha, mhux bis-saħħa tal-bniedem iżda għax l-Ispirtu s-Santu jagħti l-ħajja lil dak li hu żgħir u umli.

Kull komunità għandha tiftakar dan. It-tentazzjoni hija li nistrieħu fuq in-numri, fuq is-suċċessi jew fuq l-istrutturi. Iżda l-Evanġelju jfakkarna li l-frott veru dejjem jiġi minn Alla.

Issir żerriegħa

Kull wieħed u waħda minnkom huwa msejjaħ biex isir bħal dik iż-żerriegħa tal-mustarda. Forsi tħossok bla importanza. Forsi tara li l-kontribut tiegħek huwa ċkejken. Forsi l-fidi tiegħek tidher żgħira.

Tibżax. Il-Mulej ma jistaqsikx jekk il-fidi tiegħek hijiex kbira; jistaqsik biss jekk intix lest tafda lilek innifsek f’idejh. Żerriegħa ċkejkna, meta titqiegħed f’idejh, issir kenn għal ħafna.

It-trasformazzjoni minn ġewwa

Fl-aħħar, Ġesù jitkellem dwar il-ħmira moħbija fl-għaġna sakemm il-għaġna kollha tiffermenta. Il-ħmira taħdem fis-skiet, b’mod inviżibbli u bil-paċenzja. Hija tbiddel kollox minn ġewwa.

Din hija l-missjoni ta’ kull mgħammed u mgħammda. Aħna m’aħniex imsejħa biex niddominaw lid-dinja, iżda biex nittrasformawha permezz tal-qawwa moħbija tal-Evanġelju, inġibu din il-bidla minn ġewwa.

Ix-xhieda tal-ħajja

Il-Mixja Neokatekumenali dejjem saħqet li l-ewwel xhieda hija ħajja mibdula.

Meta raġel jaħfer lil martu, meta l-ġenituri jilqgħu l-ulied b’ġenerożità, meta ż-żgħażagħ jagħżlu lil Ġesù Kristu flok iserrħu fuq is-suċċess tad-dinja, meta l-komunitajiet iħobbu lil xulxin minkejja d-differenzi tagħhom, meta ħaddiem jagħżel it-triq tal-integrità u tal-onestà f’ambjent li ma jħeġġiġx dawn il-valuri, l-Evanġelju jsir bħal ħmira fis-soċjetà.

Il-missjoni tibda minn dawk viċin

Il-missjoni, għalhekk, mhijiex biss li tmur f’pajjiżi mbiegħda. Hawn min għandu dik is-sejħa, u hi tant ta’ ġid. Imma ma ninsewx li l-missjoni tibda fid-dar, fuq il-post tax-xogħol, fil-parroċċa, fost il-ġirien u kull fejn Alla jsejħilna biex inkunu.

Din kienet sewwasew l-esperjenza ta’ Carmen li, sa minn età żgħira, riedet tmur il-missjoni. Kellha ħeġġa missjunarja kbira, u f’mumenti differenti tal-ħajja tagħha, kienet se tmur l-Indja u iktar tard il-Bolivja. Imma Alla wrieha triq oħra. Is-sejħa tagħha kienet li tibda aktar viċin tagħha, fost dawk li kienu mbiegħda f’sens ieħor. Hemm bdiet, u l-Mixja spiċċat biex tferrxet mad-dinja kollha. Dak li xtaqet dejjem tagħmel f’ħajjitha, seħħ b’mod differenti, bil-qawwa ta’ Alla.

Il-familji fil-missjoni u l-katekisti itineranti jfakkruna li l-Knisja teżisti biex tevanġelizza, iżda ma rridu qatt ninsew li kull Nisrani u Nisranija għandu sehem f’din il-missjoni skont is-sejħa tiegħu jew tagħha.

Ir-ritmu tas-Saltna ta’ Alla

Dawn it-tliet parabboli flimkien juruna r-ritmu tas-Saltna ta’ Alla. Hemm il-paċenzja f’nofs l-imperfezzjoni, hemm it-tama fil-bidu żgħir, hemm il-fiduċja fil-ħidma moħbija u trasformattiva tal-grazzja. Dan ir-ritmu ħafna drabi huwa differenti mix-xewqa tad-dinja għal suċċess immedjat, effiċjenza u riżultati li jidhru. Imma dan hu r-ritmu tal-Mulej.

Ħuti, taqtgħux qalbkom meta tiskopru l-faqar tagħkom. Tħallux id-dgħufijiet tal-Knisja, tal-komunità tagħkom, jew tagħkom stess jaqtgħulkom qalbkom. Komplu isimgħu l-Kelma ta’ Alla, iċċelebraw l-Ewkaristija, itolbu flimkien u afdaw fl-Ispirtu s-Santu. Komplu ħobbu l-Knisja, fuq l-eżempju qawwi ta’ Carmen. Nistedinkom biex tirriflettu fuq il-ħajja ta’ Carmen, u kif tista’ tkun ta’ ispirazzjoni għal ħajjitkom.

Alla beda fikom opra tajba, u hu jwassalha sal-milja tagħha. Jalla l-Verġni Marija, li laqgħet il-Kelma ta’ Alla f’qalbha bl-umiltà kollha, tgħallimna nafdaw fl-imħabba paċenzjuża ta’ Alla. Jalla takkumpanja kull familja, kull komunità u kull missjunarju, sabiex is-Saltna ta’ Alla tkompli tikber fis-skiet iżda b’qawwa kbira, sal-jum meta l-Mulej jiġbor il-qamħ tiegħu fis-Saltna eterna tiegħu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading