Kiba ta’ Michael Caruana
FETĦU MILL-ĠDID IL-BANJIJIET BL-ILMA MIRAKOLUŻ
Michael Caruana – michaelcaruana566@gmail.com
Reġgħu fetħu għall-pubbliku l-banjijiet bl-ilma mirakoluż fis-Santwarju ta’ Lourdes (ftit ’il ġewwa mill-Għar fejn dehret il-Madonna) u l-Ġest tal-Ilma li kien qed isir minflok ma wieħed jinżel fil-banijiet kompla jsir, iżda mhux aktar fil-banjijiet. Qed isir fil-kappella Samaritan it-Tajjeb fejn il-Via Sagra, in-naħa l-oħra tax-xmara.
Il-banjijiet ngħalqu għall-pubbliku fil-pandemija tal-Covid u baqgħu magħluqa sa Marzu li għadda.
Individwi jistgħu jinżlu fil-banjijiet bejn id-9 u l-11 ta’ filgħodu. Il-gruppi jridu jagħmlu appuntament u s’issa dan qed jingħata bejn is-2 u l-4 ta’ wara nofsinhar. Għall-ġest tal-ilma l-gruppi wkoll iridu jagħmlu appuntament minn qabel. Individwi jistgħu jagħmlu l-Ġest tal-Ilma fl-istess ħinijiet tal-banjijiet filgħodu u wara nofsinhar.
Il-parti l-kbira tal-mirakli saru wara kuntatt li l-persuni mfejqa kellhom mal-ilma mirakoluż.

NITOLBU R-RUŻARJU MAL- U GĦALL-FAMILJA
Fit-9 ta’ Jannar ta’ kull sena niċċelebraw okkażjoni sabiħa fil-ħajja tal-familja ta’ Santa Bernadette: l-anniversarju taż-żwieġ tal-ġenituri tagħha, François u Louise. Dan is-sagrament ta’ mħabba ta l-bidu tal-familja Soubirous u ta’ Bernadette li kienet l-ewwel wild ta’ dak iż-żwieġ.
Fl-istess jum, sena wara, Bernadette rċevietis-Sagrament tal-Magħmudija u saret bint Alla u membru tal-familja tiegħu fis-sema. Dan ta bidu tas-sejħa tagħha għall-qdusija tul ħajjitha li għexet fil-familja ordinarja li twieldet fiha.
Waqt li kienu jgħixu fil-Mitħna Boly, il-familja Soubirous kienet titlob ir-Rużarju flimkien kuljum. Dak iż-żmien, Bernadette aktar tard sejħitlu “għaxar snin ta’ hena”.
Ispirati mill-eżempju ta’ din il-familja, ejjew nitolbu r-Rużarju mal- u għall-familja tagħna u nirringrazzjaw lil Alla għall-għotja tal-Magħmudija u għas-sejħa tagħna għall-qdusija.
GRAZZI ĦAFNA
Il-kampanja tiegħi “Għenuni Ngħin lil Ħaddieħor” irnexxiet. Grazzi lil dawk kollha li taw il-kontribuzzjoni tagħhom u wkoll lill-Management ta’ Britannia Services Limited u lis-sidien tal-lukanda Christina rnexxieli għal darb’oħra ntella’ Lourdes omm u żewġ uliedha li għaddejjin minn trawma u żagħżugħ li għandu bżonn fejqan.
Din ma kenitx l-ewwel darba li permezz ta’ kampanja simili tellajt miegħi Lourdes nies fil-bżonn ta’ fejqan.
L-omm taż-żewġ ulied li għaddejjin minn trawma kitbitli biex tirringrazzjani tal-inizjattiva li ħadt biex uliedha u hi jkunu jistghu jingħaqdu fil-pellegrinaġġ f’Lourdes, immexxi minni, bejn is-27 ta’ Ġunju u l-ewwel ta’ dan ix-xahar. “Kienet għalina esperjezna mill-isbaħ u ħadtna pjaċir ħafna. Grazzi lill-aġenzija, lis-sidien tal-lukanda u lil dawk li taw tal-għajnuna tagħhom biex din il-ħolma setgħet issir realtà. Il-Mulej ippatilkom għal mitt darba iktar dak li għamiltu magħna. Grazzi u prosit ta’ kollox”.
Omm iż-żagħzugħ ukoll kitbitli u qaltli li tixtieq tesprimi l-gratitudni tagħha lili u lil dawk kollha li wieġbu għall-appell tiegħi biex it-tifel tagħħa seta’ jitla’ Lourdes b’xejn. “Dan kellu tifsira speċjali għalija għax ibni għandu bżonn ħafna fejqan. Grazzi minn qalbi ta’ din l-esperjenza sabiħa mat-tifel li setgħet tkun possibbli grazzi għall-għajnuna tagħkom. Nawguralhom ħafna barkiet”.
Grazzi għalikom stajt inħallas lill-omm u liż-żewġ uliedha l-assigurazzjoni, it-trasferiment mill-ajruport għal-lukanda u lura, is-city tax, l-eskurzjonijiet u pagament li kien hemm ma’ waħda minnhom, id-donazzjoni lis-Santwarju u ritratt ta’ tifkira. Liż-żagħżugħ ħallastlu l-pakkett sħiħ tat-tour (li jinkludi fost oħrajn it-titjira, it-trasferimenti u l-akkomodazzjoni fullboard), is-city tax, l-assigurazzjoni, l-eskursjonijiet kollha u l-pagament li kien hemm ma’ waħda minnhom, id-donazzjoni lis-Santwarju u ritratt b’tifkira.